PARTI 1
“Lill-mitlufa se nfittixha”
In-nagħġa qed tħossha mifxula. B’xi mod jew ieħor, waqt li kienet qed tiekol il-ħaxix fil-mergħa, tbiegħdet min-nagħaġ l-oħra. Issa la tistaʼ tara l-merħla u lanqas lir-ragħaj. Dalwaqt se jidlam. Mitlufa f’wied li fih annimali salvaġġi, in-nagħġa hi bla difiża. Fl-aħħar, hi tismaʼ leħen familjari—dak tar-ragħaj, li jmur jiġri lejha, jerfagħha, igeżwirha fi ħwejġu, u jiħodha d-dar.
ĠEĦOVA kemm-il darba jxebbah lilu nnifsu maʼ ragħaj bħal dan. Fil-Kelma tiegħu, hu jiżgurana: “Se nfittex lin-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom.”—Eżekjel 34:11, 12.
“Nieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħi”
Min huma n-nagħaġ taʼ Ġeħova? Fi kliem sempliċi, in-nagħaġ taʼ Ġeħova huma n-nies li jħobbuh u jadurawh. Il-Bibbja tgħid: “Ejjew inqimuh u mmilu quddiemu; ħa ninżlu għarkopptejna quddiem Ġeħova, Dak li għamilna. Għax hu Alla tagħna, u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ immexxijin minn idu.” (Salm 95:6, 7) Bħalma n-nagħaġ letterali jobdu r-ragħaj, hekk ukoll l-aduraturi t’Alla jobdu lil Ġeħova bħala r-Ragħaj tagħhom. Huma dawn bla difett? Le, il-qaddejja t’Alla kultant ikunu bħal ‘nagħaġ li jitferrxu’ jew “bħal nagħaġ mitlufin.” (Eżekjel 34:12; Mattew 15:24; 1 Pietru 2:25) Minkejja dan, meta individwu jitbiegħed mill-kongregazzjoni, Ġeħova dejjem jittama li jerġaʼ lura.
Għadek int tħoss li Ġeħova huwa r-Ragħaj tiegħek? Illum, Ġeħova kif juri li hu Ragħaj? Ikkunsidra tliet modi:
Hu jitmagħna spiritwalment. “F’mergħa tajba nitmagħhom,” jgħid Ġeħova. “Hemmhekk jimteddu f’post tajjeb, u minn mergħa abbundanti jieklu.” (Eżekjel 34:14) Ġeħova qatt ma naqas milli jagħti abbundanza taʼ ikel spiritwali fil-ħin u fil-waqt. Tistaʼ taħseb f’artiklu, taħdita, jew vidjow li wieġeb it-talb tiegħek għall-għajnuna? Ma kkonvinċiekx dan li Ġeħova jimpurtah minnek personalment?
Hu jipproteġina u jappoġġana. Ġeħova jwiegħed: “Lill-imferrxa [jew, dik li tbiegħdet] inġibha lura, u lill-miksura ninfaxxaha u lill-muġugħa nsaħħaħha.” (Eżekjel 34:16) Ġeħova jsaħħaħ lil dawk li jkunu ddgħajfu jew inħakmu mill-ansjetà. Hu jinfaxxa n-nagħaġ tiegħu, billi jgħinhom ifiqu jekk ikunu mweġġgħin—forsi anki minn sħabhom fit-twemmin. Ukoll, iġib lura lil dawk li jkunu tbiegħdu u li għandhom mnejn qed jissieltu maʼ sentimenti negattivi.
Hu jħossu responsabbli għalina. Dwar in-nagħaġ tiegħu, Ġeħova jgħid: “[Se] nieħu ħsiebhom.” Hu jgħid ukoll: “Neħlishom mill-postijiet kollha li jkunu xterdu fihom,” u “lill-mitlufa se nfittixha.” (Eżekjel 34:11, 12, 16) Ġeħova ma jaqtax qalbu minn nagħġa mitlufa. Hu jkun jaf meta nagħġa tintilef, għalhekk ifittixha, u jifraħ meta jsibha. (Mattew 18:12-14) Wara kollox, lill-aduraturi veri tiegħu hu jsejħilhom in-“nagħaġ tiegħi, in-nagħaġ tal-mergħa tiegħi.” (Eżekjel 34:31) Int wieħed minn dawk in-nagħaġ.
Ġeħova ma jaqtax qalbu minn nagħġa mitlufa. Hu jifraħ meta din in-nagħġa tinstab
“Ġibilna jiem ġodda bħal dawk li kellna żmien twil ilu”
Ġeħova għala qiegħed ifittex lilek u jistiednek terġaʼ lura għandu? Għax irid li int tkun ferħan. Hu lin-nagħaġ tiegħu jwegħedhom “xita qawwija taʼ barkiet.” (Eżekjel 34:26) Din mhijiex xi wegħda fiergħa. Int diġà rajt dan personalment.
Ftakar f’meta bdejt issir taf lil Ġeħova. Pereżempju, kif ħassejtek meta tgħallimt il-veritajiet eċċitanti dwar l-isem t’Alla u l-iskop tiegħu għall-bnedmin? Tiftakar kemm kien pjaċevoli li tkun flimkien maʼ sħabek il-Kristjani f’assembleat u konvenzjonijiet? Ma kontx tħossok ferħan u sodisfatt meta kont taqsam l-aħbar tajba maʼ xi ħadd li kien juri interess ġenwin?
Int jistaʼ jerġaʼ jkollok dan il-ferħ. Qaddej t’Alla tal-qedem talab: “Reġġagħna lura, O Ġeħova, lejk, u aħna niġu mill-ewwel. Ġibilna jiem ġodda bħal dawk li kellna żmien twil ilu.” (Lamentazzjonijiet 5:21) Ġeħova wieġeb dik it-talba, u l-poplu tiegħu reġaʼ beda jaqdih b’ferħ kbir. (Neħemija 8:17) Ġeħova se jagħmel l-istess għalik.
Xorta waħda, hu iktar faċli tgħid li se terġaʼ lura għand Ġeħova milli tagħmel hekk. Ikkunsidra xi sfidi li tistaʼ tiffaċċja u kif tistaʼ tegħlibhom.