Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU ĦAMSA

“Mara mill-Aħjar”

“Mara mill-Aħjar”

1, 2. (a) Rut x’tip taʼ xogħol kienet qed tagħmel? (b) Rut saret taf b’liema aspetti pożittivi tal-​Liġi t’Alla u tal-​poplu tiegħu?

RUT niżlet għarkopptejha ħdejn il-​munzell taz-​zkuk tax-​xgħir li kienet ġabret matul il-​jum. Ix-​xemx kienet nieżla minn wara l-​għelieqi taʼ madwar Betlehem, u ħafna ħaddiema kienu diġà qabdu mexjin bil-​mod lejn il-​bieb tal-​belt żgħira li kienet tinsab fuq il-​quċċata taʼ medda art fl-​għoli. Wieħed jistaʼ jobsor x’ħedla qabditha wara ġurnata xogħol! Imma hi xorta kompliet sejra bil-​ħidma tagħha, ixxejjer ħatar żgħir tad-​dris fuq iz-​zkuk biex tifred ix-​xgħir. Kollox maʼ kollox, kellha ġurnata tajba—aħjar milli setgħet timmaġina.

2 Fl-​aħħar, l-​affarijiet kienu donnhom sejrin għall-​aħjar għal din l-​armla żagħżugħa. Bħalma rajna fil-​kapitlu taʼ qabel, hi kienet rabtet qalbha mal-​kunjata tagħha, Nagħomi, u wegħditha li se tibqaʼ magħha u li Ġeħova, l-​Alla taʼ Nagħomi, se jkun l-​Alla tagħha wkoll. Flimkien, iż-​żewġ nisa mnikktin kienu marru Betlehem minn Mowab, u Rut il-​Mowabija malajr saret taf li grazzi għal-​Liġi taʼ Ġeħova, il-​foqra, inkluż il-​barranin, kellhom provvedimenti prattiċi u dinjitużi. U issa skopriet li xi individwi fost il-​poplu taʼ Ġeħova, li kienu jgħixu taħt il-​Liġi u kienu mħarrġin biha, urew ammont taʼ spiritwalità u qalb tajba li kienet taʼ duwa għall-​uġigħ taʼ qalb li kellha.

3, 4. (a) Bogħaż kif kien inkuraġġieha lil Rut? (b) L-​eżempju taʼ Rut kif jistaʼ jgħinna fiż-​żminijiet ekonomikament ebsin tal-​lum?

3 Wieħed minn dawn l-​individwi kien Bogħaż, ir-​raġel għani mdaħħal fiż-​żmien li kellu l-​għelieqi li minnhom kienet qed tlaqqat Rut. Dakinhar, hu kien ħa interess fiha bħala missier. Il-​kliem sabiħ tiegħu niżlilha għasel meta faħħarha talli tieħu ħsieb Nagħomi u talli għażlet li tfittex kenn taħt il-​ġwinħajn tal-​Alla l-​veru, Ġeħova.—Aqra Rut 2:11-​14.

4 Xorta waħda, Rut għandha mnejn inkwetat dwar x’kien se jsir minnha fil-​futur. Bħala barranija fqira li la kellha raġel u lanqas ulied, kif kienet se tmantni lilha nfisha u lil Nagħomi fis-​snin li kienu ġejjin? It-​tilqit kien se jkun biżżejjed? U meta hi stess tixjieħ, min kien se jieħu ħsiebha? Wieħed jifhem għala setgħet qagħdet tberren fuq ħsibijiet bħal dawn. Fiż-​żminijiet ekonomikament ebsin tal-​lum, ħafna nies qed iħabbtu wiċċhom m’ansjetajiet simili. Hekk kif nitgħallmu dwar kif il-​fidi taʼ Rut għenitha tiffaċċja dawn l-​isfidi, se naraw li hemm ħafna affarijiet li nistgħu nimitaw.

X’Inhu li Jagħmel Familja?

5, 6. (a) Kemm kien taʼ suċċess l-​ewwel jum taʼ tilqit taʼ Rut fl-​għelieqi taʼ Bogħaż? (b) Nagħomi kif irreaġixxiet meta rat lil Rut?

5 Sa ma Rut lestiet id-​dris u ġabret kollox flimkien, hi rrealizzat li kienet laqqtet madwar efa, jew 22 libbra, xgħir. It-​tagħbija tagħha setgħet wiżnet madwar 14-​il kilogramma! Hi refgħet it-​tagħbija u ħaditha magħha, forsi billi xeħtitha ġo sorra u ġarritha fuq rasha, u rħitilha lejn Betlehem hekk kif bdiet nieżla x-​xemx.—Rut 2:17.

6 Wiċċ Nagħomi xegħel, u forsi baqgħet b’ħalqha miftuħ xħin lemħet lill-​għażiża Rut bit-​tagħbija tqila taʼ xgħir li kienet qed iġġorr. Rut ġabet magħha wkoll xi ikel li kien baqaʼ mill-​ikla li Bogħaż kien ipprovda għall-​ħaddiema, u għalhekk it-​tnejn li huma kielu xi ħaġa żgħira flimkien. Nagħomi staqsietha: “Fejn laqqatt illum, u fejn ħdimt? Ikun imbierek min ta kasek.” (Rut 2:19) Nagħomi kienet qed tosserva, u mit-​tagħbija tqila taʼ provvedimenti li kellha Rut, hi indunat li xi ħadd kien ħa interess fiha u ttrattaha b’qalb tajba.

7, 8. (a) Nagħomi mingħand min qieset li kienet ġejja l-​qalb tajba taʼ Bogħaż, u għala? (b) Rut kif kompliet turi mħabba leali lejn il-​kunjata tagħha?

7 It-​tnejn li huma bdew jitħaddtu, u Rut qalet lil Nagħomi li Bogħaż kellu qalb kbira. Dan messilha qalbha lil Nagħomi u wieġbet: “Ħa jkun imbierek minn Ġeħova, li ma warrabx il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu mill-​ħajjin u mill-​mejtin.” (Rut 2:20) Hi qieset il-​qalb tajba taʼ Bogħaż bħala li kienet ġejja minn Ġeħova, li jħeġġeġ lill-​qaddejja tiegħu biex ikunu ġenerużi u jwiegħed lin-​nies tiegħu li jippremjahom għall-​qalb tajba li juru. *Aqra Proverbji 19:17.

8 Nagħomi ħeġġet lil Rut taċċetta l-​offerta taʼ Bogħaż ħalli tkompli tlaqqat fl-​għelieqi tiegħu u tibqaʼ qrib in-​nisa żgħażagħ li kienu jaħdmu miegħu sabiex il-​ħassada ma jagħtuhiex fastidju. Rut semgħet minn dan il-​parir. Ukoll, hi “baqgħet toqgħod mal-​kunjata.” (Rut 2:22, 23) F’dan il-​kliem naraw il-​kwalità li tispikka fiha—l-​imħabba leali. L-​eżempju taʼ Rut jistaʼ jqanqalna nistaqsu lilna nfusna jekk hux qed nonoraw ir-​rabtiet tal-​familja, nappoġġaw b’lealtà lill-​għeżież tagħna, u noffrulhom l-​għajnuna li jkollhom bżonn. Ġeħova dejjem jinnotaha mħabba leali bħal din.

L-eżempji taʼ Rut u Nagħomi jfakkruna li għandna napprezzaw il-familja tagħna stess

9. X’nistgħu nitgħallmu minn Rut u Nagħomi dwar il-​familja?

9 B’xi mod jew ieħor, kellhom Rut u Nagħomi xi ħaġa inqas minn familji oħrajn? Xi wħud huma tal-​fehma li sabiex familja tkun waħda “vera” għandu jkun hemm individwu għal kull irwol—ir-​raġel, il-​mara, it-​tifel, it-​tifla, in-​nannu jew in-​nanna, u nibqgħu sejrin. Iżda l-​eżempji taʼ Rut u Nagħomi jfakkruna li l-​qaddejja taʼ Ġeħova jistgħu jwessgħu qalbhom u jagħmlu l-​iċken familji jfuru bil-​qalb tajba, bl-​imħabba, u bl-​affezzjoni. Tapprezzaha l-​familja li għandek int? Ġesù fakkar lis-​segwaċi tiegħu li l-​kongregazzjoni Kristjana tistaʼ sservi bħala l-​familja tagħna.—Mk. 10:29, 30.

Rut u Nagħomi għenu u inkuraġġew lil xulxin

“Hu Wieħed Minn Dawk li Għandhom id-​Dritt Jifduna”

10. Nagħomi b’liema mod riedet tgħin lil Rut?

10 Rut baqgħet tlaqqat fl-​għelieqi taʼ Bogħaż mill-​ħsad tax-​xgħir f’April sal-​ħsad tal-​qamħ f’Ġunju. Hekk kif gerbu l-​ġimgħat, bla dubju Nagħomi bdiet thewden iżjed u iżjed dwar x’setgħet tagħmel għall-​għażiża Rut. Lura f’Mowab, Nagħomi kienet konvinta li ma setgħetx tgħin lil Rut issib raġel ieħor. (Rut 1:11-​13) Iżda issa ma baqgħetx taħsibha hekk. Hi avviċinat lil Rut u qaltilha: “Binti, m’għandix jien infittixlek post taʼ mistrieħ?” (Rut 3:1) Dak iż-​żmien kienet teżisti d-​drawwa li l-​ġenituri jsibu sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ għal uliedhom, u Nagħomi tassew kienet tqisha bħala bintha lil Rut. Hi riedet issibilha “post taʼ mistrieħ”—sigurtà u protezzjoni li dar u raġel jistgħu jipprovdu. Imma Nagħomi x’setgħet tagħmel?

11, 12. (a) Meta Nagħomi rreferiet għal Bogħaż bħala “wieħed minn dawk li għandhom id-​dritt jifduna,” għal liema provvediment taʼ mħabba fil-​Liġi t’Alla kienet qed tirreferi? (b) Rut kif irreaġixxiet għall-​parir tal-​kunjata tagħha?

11 Meta Rut għall-​ewwel semmiet lil Bogħaż, Nagħomi qalet: “Dan ir-​raġel jiġi minna. Hu wieħed minn dawk li għandhom id-​dritt jifduna.” (Rut 2:20) Dan x’kien ifisser? Il-​Liġi t’Alla lil Iżrael kienet tinkludi provvedimenti bi mħabba għal familji li minħabba l-​faqar jew il-​mewt taʼ xi ħadd kienu jġarrbu żminijiet ebsin. Jekk mara kienet tormol mingħajr ma jkollha tfal, kienet tkun imnikkta ferm għax isem żewġha u nislu jintemmu ħesrem. Madankollu, il-​Liġi t’Alla kienet tippermetti lil ħu r-​raġel jiżżewweġ lill-​armla sabiex tkun tistaʼ tiled werriet li jkompli l-​isem tar-​raġel mejjet tagħha u jieħu ħsieb il-​proprjetà tal-​familja. *Dt. 25:5-​7.

12 Nagħomi spjegat lil Rut kif kienet iddeċidiet li tirranġa biex ikun hemm dan iż-​żwieġ. Nistgħu nimmaġinaw kif din iż-​żagħżugħa fetħet par għajnejn daqsiex xħin bdiet tkellimha l-​kunjata tagħha. Rut kienet għadha mhijiex midħla tal-​Liġi taʼ Iżrael, u ħafna mid-​drawwiet t’hemmhekk kienu pjuttost ġodda għaliha. Minkejja dan, tant kienet iġġibilha rispett lil Nagħomi li waqqfet widnejha għal kull kelma li ħarġet minn fommha. Dak li Nagħomi tatha l-​parir biex tagħmel setaʼ jidher bħala azzjoni stramba jew imbarazzanti—u saħansitra li setaʼ jnaqqsilha d-​dinjità—iżda Rut qablet. B’umiltà, hi qalet: “Nagħmel kulma tgħidli.”—Rut 3:5.

13. Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn Rut dwar li naċċettaw il-​pariri taʼ wħud akbar fl-​età? (Ara wkoll Ġob 12:12.)

13 Kultant iż-​żgħażagħ isibuha bi tqila biex jisimgħu mill-​pariri taʼ dawk li jkunu akbar fl-​età u jkollhom iktar esperjenza. Wieħed faċli jassumi li wħud akbar fl-​età ma jifhmux verament l-​isfidi u l-​problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-​żgħażagħ. L-​eżempju taʼ umiltà taʼ Rut ifakkarna li jistaʼ jkun premjanti ferm li nisimgħu mill-​kliem t’għerf li jkun ġej minn uħud akbar fl-​età li jħobbuna u li tassew jixtiqulna l-​ġid. (Aqra Salm 71:17, 18.) Imma x’kien il-​parir taʼ Nagħomi? U Rut kienet tassew premjata talli mxiet fuqu?

Rut fil-​Qiegħa tad-​Dris

14. X’kienet il-​qiegħa tad-​dris, u kif kienet tintuża?

14 Dik il-​lejla stess, Rut irħitilha lejn il-​qiegħa tad-​dris—biċċa art imballta fejn għadd taʼ bdiewa kienu jieħdu l-​qamħ biex jidirsuh u jderruh. Il-​post magħżul spiss kien ikun fuq xi ġenb taʼ għolja jew fuq xi quċċata tagħha, fejn tard waranofsinhar u kmieni filgħaxija kienet tgħaddi żiffa qawwija. Sabiex jifirdu l-​qamħ mill-​karfa u t-​tiben, il-​ħaddiema kienu jużaw furkettun jew pala biex iqallbu t-​taħlita fir-​riħ li kien iġorr miegħu l-​karfa l-​ħafifa u jħalli l-​qamħ iktar tqil jerġaʼ jaqaʼ mal-​art.

15, 16. (a) Iddeskrivi x-​xena fil-​qiegħa tad-​dris hekk kif Bogħaż temm xogħlu filgħaxija. (b) Bogħaż kif intebaħ li Rut kienet mimduda ħdejn saqajh?

15 Mingħajr ma tagħti fil-​għajn, Rut bdiet tosserva hekk kif il-​ħaddiema kienu qed ilestu xogħolhom filgħaxija. Bogħaż kien qed jindokra l-​ħaddiema huma u jderru l-​qamħ tiegħu, li kien miġbur munzell kbir. Wara li kiel għal qalbu, imtedd f’tarf minnhom tal-​munzell. Milli jidher, din kienet drawwa komuni li x’aktarx kienet isservi biex tipproteġi l-​ħsad prezzjuż mill-​ħallelin u l-​briganti. Rut rat lil Bogħaż iħejji ruħu għar-​raqda. Kien wasal il-​ħin biex tpoġġi l-​pjan taʼ Nagħomi fl-​azzjoni.

16 Rut resqet lejh inkiss inkiss, qalbha tħabbat sitta sitta. Hi setgħet tara li hu kien rieqed fil-​fond. Bħalma kienet qaltilha Nagħomi, hi marret ħdejn saqajh, kixfithomlu, u mteddet hemmhekk. Imbagħad qagħdet tistenna. Il-​ħin beda għaddej, iżda għal Rut, il-​ħin kien donnu eternità. Fl-​aħħar, għall-​ħabta taʼ nofsillejl, Bogħaż qabad se jitħarrek. Peress li qabdu t-​tkexkix tal-​bard, hu qam bilqiegħda, x’aktarx biex jerġaʼ jgħatti saqajh. Imma hu ntebaħ li kien hemm xi ħadd. Bħalma jgħid ir-​rakkont, “Ara, kien hemm mara mimduda ħdejn saqajh!”—Rut 3:8.

17. Dawk li jimplikaw li kien hemm xi ħaġa mhix xierqa fl-​azzjonijiet taʼ Rut jinjoraw liema żewġ fatti sempliċi?

17 “Min int?” staqsieha hu. X’aktarx b’leħinha jirtogħod, Rut wieġbet: “Jien Rut l-​ilsira tiegħek, ifrex tarf ilbiesek fuq l-​ilsira tiegħek, għax int għandek id-​dritt tal-​fidwa.” (Rut 3:9) Xi interpreti moderni implikaw li wara l-​azzjonijiet u l-​kliem taʼ Rut kien hemm xi ħsieb sesswali, iżda huma qed jinjoraw żewġ fatti sempliċi. L-​ewwel nett, Rut kienet qed taġixxi skont id-​drawwiet taʼ dak iż-​żmien, li llum il-​ġurnata ħafna minnhom jinstemgħu strambi għalina. Għalhekk, inkunu qed niżbaljaw jekk inħarsu lejn l-​azzjonijiet tagħha mil-​lenti mgħawġa tad-​dinja taʼ żmienna li tħaddan livelli morali baxxi. It-​tieni nett, Bogħaż wieġeb b’mod li juri ċar u tond li hu qies il-​kondotta taʼ Rut bħala safja moralment u tassew taʼ min ifaħħarha.

Il-motivi taʼ Rut rigward Bogħaż kienu puri u bla egoiżmu

18. Bogħaż x’qal biex ifarraġ lil Rut, u hu rrefera għal liema żewġ modi kif uriet qalb tajba bl-​imħabba?

18 Bogħaż tkellem, u bla dubju t-​ton ġentili u kollu ħlewwa farraġ lil Rut. Hu qalilha: “Jalla tkun imbierka minn Ġeħova, binti. Il-​qalb tajba bl-​imħabba li wrejt issa hi aħjar minn dik li wrejt qabel, għax ma mortx wara l-​irġiel żgħażagħ, la foqra u lanqas għonja.” (Rut 3:10) Meta qal “qabel,” hu kien qed jirreferi għall-​imħabba leali li wriet Rut meta akkumpanjat lil Nagħomi lura f’Iżrael u ħadet ħsiebha. Meta qal “issa,” hu kien qed jirreferi għas-​sitwazzjoni taʼ dak il-​ħin. Bogħaż innota li mara żagħżugħa bħal Rut setgħet faċilment titfaʼ għajnejha fuq xi raġel żagħżugħ, sew jekk għani u sew jekk fqir. Minflok, hi riedet tagħmel il-​ġid, mhux biss maʼ Nagħomi imma anki mar-​raġel taʼ Nagħomi li kien ġie nieqes, biex tkompli isem ir-​raġel mejjet f’art twelidu. Mhux taʼ b’xejn li qalb Bogħaż tqanqlet għal din il-​mara żagħżugħa li ma kinitx tiġbed lejha nfisha!

19, 20. (a) Bogħaż għala ma qabadx u żżewweġ lil Rut minnufih? (b) Bogħaż kif wera qalb tajba maʼ Rut u kif żamm f’moħħu r-​reputazzjoni tagħha?

19 Bogħaż kompla jgħidilha: “U issa, binti, tibżax. Kulma tgħidli nagħmillek, għax f’bieb il-​belt taʼ niesi kulħadd jaf li int mara mill-​aħjar.” (Rut 3:11) Hu kien ferħan bil-​prospett li jiżżewweġ lil Rut; forsi ma ħassux sorpriż għalkollox li ġie mitlub ikun il-​wieħed li jifdiha. Iżda Bogħaż kien raġel tal-​affari tiegħu u ma kienx se jqis biss il-​preferenzi tiegħu stess. Hu qal lil Rut li kien hemm raġel ieħor li setaʼ jifdiha, u dan kien jiġi iktar mill-​qrib mir-​raġel mejjet taʼ Nagħomi. Bogħaż l-​ewwel kellu javviċina lil dan ir-​raġel u jagħtih l-​opportunità li jiżżewweġ lil Rut.

Peress li Rut ittrattat lil ħaddieħor b’qalb tajba u b’rispett kisbet reputazzjoni bħala mara mill-aħjar

20 Bogħaż ħeġġeġ lil Rut biex terġaʼ timtedd u tistrieħ sa sbieħ il-​jum; imbagħad setgħet tmur lura d-​dar bla ma tagħti fil-​għajn. Hu ried jipproteġi r-​reputazzjoni kemm tagħha u kemm tiegħu stess, peress li n-​nies setgħu jaħsbu ħażin u jassumu li kien hemm xi relazzjoni immorali bejniethom. Rut reġgħet imteddet ħdejn saqajn Bogħaż, forsi b’moħħha iktar mistrieħ għax kien wieġeb it-​talba tagħha b’qalb tajba. Imbagħad, waqt li kien għadu d-​dlam, hi qamet. Bogħaż imlielha l-​mantar b’għotja ġeneruża taʼ xgħir, u hi rħitilha lejn Betlehem.—Aqra Rut 3:13-​15.

21. X’għen lil Rut tkun magħrufa bħala “mara mill-​aħjar,” u kif nistgħu nimitaw l-​eżempju tagħha?

21 Min jaf Rut kemm ħadet pjaċir tixtarr il-​kliem li kien qalilha Bogħaż—li hi kienet magħrufa fost in-​nies bħala “mara mill-​aħjar”! Bla dubju taʼ xejn, il-​ħrara tagħha biex issir taf lil Ġeħova u taqdih għenitha tikseb din ir-​reputazzjoni. Hi kienet uriet ukoll qalb tajba liema bħalha u mogħdrija maʼ Nagħomi u maʼ niesha billi minn jeddha adattat ruħha għall-​mogħdijiet u d-​drawwiet li żgur li kienu ġodda għaliha. Jekk nimitaw il-​fidi taʼ Rut, se nħabirku biex nittrattaw lil ħaddieħor u l-​mogħdijiet u d-​drawwiet tagħhom b’rispett profond. Jekk nagħmlu hekk, anki aħna għandna mnejn naraw li qed niksbu reputazzjoni bħala nies mill-​aħjar.

Post taʼ Mistrieħ Għal Rut

22, 23. (a) X’setgħet fissret l-​għotja li Bogħaż ta lil Rut? (Ara n-​nota taʼ taħt.) (b) Nagħomi x’ħeġġitha tagħmel lil Rut?

22 “Din int, binti?” qalet Nagħomi xħin Rut waslet id-​dar. Forsi kien għadu ma sebaħx il-​jum, u għalhekk ma setgħetx tara ċar, imma Nagħomi riedet tkun taf ukoll jekk Rut kinitx għadha l-​armla li ma kellha lil ħadd jew inkella mara bil-​prospett taż-​żwieġ quddiemha. Rut fil-​pront qalet lill-​kunjata tagħha b’dak kollu li kien ġara bejnha u bejn Bogħaż. Ukoll, hi tatha l-​għotja ġeneruża taʼ xgħir li Bogħaż kien qalilha biex tagħti lil Nagħomi. *Rut 3:16, 17.

23 B’mod għaqli, Nagħomi ħeġġet lil Rut biex toqgħod mistrieħa d-​dar minflok ma tmur tlaqqat fl-​għelieqi. Hi żgurat lil Rut billi qaltilha: “Ir-​raġel mhux se jistrieħ qabel ma jirranġa kollox illum.”—Rut 3:18.

24, 25. (a) Bogħaż kif wera li kien raġel rett u mhux egoist? (b) Rut kif tbierket?

24 Nagħomi kellha raġun dwar Bogħaż. Hu mar f’bieb il-​belt, fejn is-​soltu kienu jiltaqgħu x-​xjuħ tal-​belt, u stenna sakemm għadda r-​raġel li kien jiġi iktar mill-​qrib mir-​raġel mejjet taʼ Nagħomi. Quddiem ix-​xhieda, Bogħaż offra lir-​raġel l-​opportunità li jkun il-​wieħed li jifdi lil Rut billi jiżżewwiġha. Madankollu, ir-​raġel irrifjuta għax qal li jekk jagħmel hekk ikun qed jagħmel ħsara lil wirtu stess. Imbagħad, quddiem ix-​xhieda li kien hemm f’bieb il-​belt, Bogħaż stqarr li kien se jkun hu l-​wieħed li jifdi lil Rut billi jixtri l-​proprjetà tar-​raġel mejjet taʼ Nagħomi, Elimelek, u jiżżewweġ lil Rut, l-​armla taʼ Maħlon, bin Elimelek. Bogħaż qal li jittama li jekk jagħmel dan ikun qed ‘iqajjem isem il-​mejjet fuq wirtu.’ (Rut 4:1-​10) Bogħaż tassew kien raġel rett u mhux egoist.

25 Bogħaż iżżewweġ lil Rut. Imbagħad naqraw: “Ġeħova taha li titqal u wildet iben.” In-​nisa taʼ Betlehem bierku lil Nagħomi u faħħru lil Rut talli għal Nagħomi kienet aħjar minn sebaʼ wlied subien. Iktar tard insiru nafu li bin Rut sar antenat tas-​sultan kbir David. (Rut 4:11-​22) Min-​naħa tiegħu, David kien antenat taʼ Ġesù Kristu.—Mt. 1:1. *

Ġeħova bierek lil Rut bil-privileġġ li tkun antenata tal-Messija

26. L-​eżempji taʼ Rut u Nagħomi fiex ifakkruna?

26 Rut tassew tbierket, bħalma tbierket Nagħomi, li għenitha trabbi t-​tifel daqslikieku kien tagħha stess. Il-​ħajjiet taʼ dawn iż-​żewġ nisa jservu bħala tfakkiriet ħajjin li Alla Ġeħova jinnota lil dawk kollha li jaħdmu iebes u b’umiltà biex jipprovdu għal familthom u jaqduh b’lealtà flimkien mal-​poplu magħżul tiegħu. Hu dejjem jippremja lill-​uħud leali bħal Bogħaż, Nagħomi, u Rut.

^ par. 7 Bħalma nnotat Nagħomi, il-​qalb tajba taʼ Ġeħova mhijiex limitata biss għall-​ħajjin; anki l-​mejtin jistgħu jibbenefikaw minnha. Nagħomi kienet tilfet lil żewġha u liż-​żewġ uliedha subien fil-​mewt. Rut kienet tilfet lil żewġha. Żgur li t-​tlett irġiel kienu jfissru ħafna għaż-​żewġ nisa. Kwalunkwe qalb tajba li ntweriet maʼ Nagħomi u Rut kienet, fir-​realtà, turija taʼ qalb tajba mal-​irġiel li żgur kienu jixtiequ li dawn in-​nisa għeżież ikunu mħarsin tajjeb.

^ par. 11 Id-​dritt taż-​żwieġ lil armla bħal din kien jingħata l-​ewwel lil ħut ir-​raġel mejjet u mbagħad lill-​eqreb qraba rġiel, sewwasew bħalma kien jingħata d-​dritt għall-​wirt.—Num. 27:5-​11.

^ par. 22 Bogħaż ta lil Rut sitt kejliet taʼ użin mhux magħruf—forsi biex jindika li sewwasew bħalma sitt ijiem taʼ ħidma kienu segwiti mill-​mistrieħ tas-​Sabat, iż-​żminijiet ebsin taʼ Rut bħala armla dalwaqt kienu se jiġu segwiti mill-​“mistrieħ” li dar u raġel setgħu jipprovdu. Mill-​banda l-​oħra, is-​sitt kejliet—forsi kejl bil-​pala—setgħu kienu kulma Rut setgħet tiflaħ iġġorr.

^ par. 25 Rut hi waħda mill-​ħames nisa li fil-​Bibbja huma mniżżlin fil-​ġenealoġija taʼ Ġesù. Mara oħra hi Raħab, li kienet omm Bogħaż. (Mt. 1:3, 5, 6, 16) Bħal Rut, din ma kinitx Iżraelija.