Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU SITTAX

Aġixxiet b’Għaqal, b’Kuraġġ, u bla Egoiżmu

Aġixxiet b’Għaqal, b’Kuraġġ, u bla Egoiżmu

1-3. (a) Kif ħassitha Ester hi u tavviċina t-​tron taʼ żewġha? (b) Is-​sultan kif irreaġixxa għaż-​żjara taʼ Ester?

ESTER resqet bil-​mod lejn it-​tron, qalbha tħabbat sitta sitta. Immaġina l-​ħemda li waqgħet fil-​kamra rjali kbira fil-​palazz Persjan taʼ Susan, tant li Ester setgħet tismaʼ l-​passi ħfief tagħha stess u t-​tħaxwix tal-​ilbies irjali li kellha fuqha. Kien importanti li ma tintilifx tħares lejn il-​lussu tal-​palazz irjali li kellu kolonni eleganti u s-​saqaf bit-​tinqix rikk fuq l-​injam taċ-​ċedru importat mill-​pajjiż imbiegħed tal-​Libanu. Għajnejha ma qalgħethomx minn fuq ir-​raġel li kien bilqiegħda fuq it-​tron—ir-​raġel li ħajjitha kienet f’idejh.

2 Is-​sultan ħares lejn Ester b’attenzjoni hekk kif avviċinatu, u medd ix-​xettru tiegħu tad-​deheb lejha. Kien ġest sempliċi, imma dan salvalha ħajjitha għax kien ifisser li s-​sultan kien skużaha talli kienet għadha kif kisret regola—dik li tidher quddiemu mingħajr stedina rjali. Xħin waslet quddiem it-​tron, Ester ħarġet idha u messet tarf ix-​xettru bħala sinjal taʼ gratitudni.—Est. 5:1, 2.

B’umiltà, Ester irrikonoxxiet il-ħniena tas-sultan

3 Is-​Sultan Aħasweru kien sultan għani u setgħan ħafna. Jingħad li l-​ilbies irjali tal-​monarki Persjani taʼ dak iż-​żmien kien jiswa l-​ekwivalenti taʼ mijiet taʼ miljuni taʼ ewro. Iżda Ester setgħet tara li, bil-​mod kif kien jaf hu, żewġha kien iħobbha. Hu qal: “X’għandek, O Sultana Ester, u xi trid? Anki sa nofs is-​saltna nagħtik!”—Est. 5:3.

4. Ester liema sfidi kellha quddiemha?

4 Ester kienet diġà wriet fidi u kuraġġ liema bħalhom; hi kienet marret quddiem is-​sultan biex tipproteġi lin-​nies tagħha minn komplott biex jinqatlu kollha. S’issa kien irnexxielha, imma l-​kbir kien għadu ġej. Hi kellha tikkonvinċi lil dan il-​monarka kburi li l-​iktar kunsillier fdat minnu kien raġel mill-​agħar li kien qarraq bih ħalli jagħti l-​kundanna tal-​mewt lin-​nies taʼ Ester. Kif kienet se tipperswadih, u x’nistgħu nitgħallmu mill-​fidi tagħha?

B’Għaqal Għażlet “Żmien li Titkellem”

5, 6. (a) Ester kif applikat il-​prinċipju li nsibu f’​Ekkleżjasti 3:1, 7? (b) Ester kif uriet l-​għaqal bil-​mod kif kellmet lil żewġha?

5 Kellha Ester tgħid lis-​sultan x’kienet il-​problema quddiem dawk kollha preżenti? Li kieku kellha tagħmel hekk, setgħet timbarazzah u tagħti l-​opportunità lil Ħaman il-​kunsillier biex joġġezzjona għall-​akkużi tagħha kontrih. Allura Ester x’għamlet? Sekli qabel, is-​sultan għaref Salamun ġie ispirat biex jikteb: “Għal kollox hemm żmien stabbilit; . . . żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem.” (Ekk. 3:1, 7) Wieħed jistaʼ jobsor li l-​missier adottiv taʼ Ester, ir-​raġel leali Mordekaj, kien jgħallem lill-​mara żagħżugħa prinċipji bħal dawn hi u tikber taħt il-​ħarsien tiegħu. Ester żgur li fehmet l-​importanza li tagħżel sew “żmien li titkellem.”

6 Ester qalet: “Jekk is-​sultan jidhirlu li hu tajjeb, ħa jiġi llum is-​sultan maʼ Ħaman għall-​ikla kbira li għamiltlu.” (Est. 5:4) Is-​sultan qabel, u sejjaħ lil Ħaman. Tistaʼ tara kemm Ester kienet għaqlija fi kliemha? Hi wriet dinjità lejn żewġha u ħalqet opportunità iktar xierqa biex tgħidlu b’dak li kien qed jinkwetaha.—Aqra Proverbji 10:19.

7, 8. Kif kienet l-​ewwel ikla taʼ Ester, iżda għala qagħdet tittratieni biex tkellem lis-​sultan?

7 Bla ebda dubju, Ester għamlet it-​tħejjijiet kollha għal dik il-​festa bir-​reqqa u għamlet ċert li tinkludi kulma kien iħobb żewġha. Fl-​ikla kien hemm inkluż ukoll inbid fin biex iqajjem spirtu taʼ ferħ. (Salm 104:15) Aħasweru ħa pjaċir, u ġie mqanqal jerġaʼ jistaqsi lil Ester x’kienet it-​talba tagħha. Kien dan il-​mument li titkellem?

8 Għal Ester ma kienx il-​mument adattat li titkellem. Minflok, hi stiednet lis-​sultan u lil Ħaman għal ikla oħra l-​għada. (Est. 5:7, 8) Għala qagħdet tittratieni? Ftakar li n-​nies kollha taʼ Ester kienu qed jiffaċċjaw il-​mewt minħabba d-​digriet tas-​sultan. Ester kellha tagħżel il-​ħin opportun biex titkellem għax kien hemm il-​ħajja taʼ ħafna nies fin-​nofs. Għalhekk, hi stenniet u reġgħet ħalqet opportunità oħra biex turi lil żewġha kemm kienet tirrispettah.

9. Kemm hi prezzjuża l-​paċenzja, u kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ester f’dan ir-​rigward?

9 Il-​paċenzja hi kwalità rari u prezzjuża. Għalkemm kienet inkwetata ħafna u riedet tgħid lis-​sultan b’kulma kien qed jiġri, Ester stenniet bil-​paċenzja l-​ħin opportun. Nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​eżempju tagħha għax x’aktarx li lkoll kemm aħna naraw affarijiet li jkollhom bżonn jitranġaw. Jekk inkunu rridu nikkonvinċu lil xi ħadd fl-​awtorità biex jindirizza xi problema, għandu mnejn ikollna bżonn nimitaw lil Ester u nkunu paċenzjużi. Proverbji 25:15 jgħid: “Il-​paċenzja tipperswadi kmandant, u lsien ġwejjed jistaʼ jkisser għadma.” Jekk bil-​paċenzja nistennew il-​ħin opportun u nitkellmu bil-​ħlewwa, bħalma għamlet Ester, nistgħu saħansitra nipperswadu lil xi ħadd li jkun jopponi ħafna. Berikha Ġeħova, l-​Alla taʼ Ester, għall-​paċenzja u l-​għerf tagħha?

Il-​Paċenzja Twitti t-​Triq għall-​Ġustizzja

10, 11. X’biddillu l-​burdata lil Ħaman wara l-​ewwel ikla, u martu u ħbiebu x’ħeġġewh jagħmel?

10 Il-​paċenzja taʼ Ester wittiet it-​triq għal serje taʼ ġrajjiet rimarkevoli. Wara l-​ewwel ikla, Ħaman kien f’burdata tajba, “kuntent u b’qalbu ferħana” għax ħaseb li s-​sultan u s-​sultana kienu jippreferu lilu iktar minn ħaddieħor. Iżda hekk kif Ħaman ħareġ mill-​bieb tal-​kastell, lemaħ lil Mordekaj, il-​Lhudi li baqaʼ jirrifjuta li jmil quddiemu. Bħalma rajna fil-​kapitlu taʼ qabel, ir-​raġunijiet taʼ Mordekaj ma kellhomx x’jaqsmu mad-​diżrispett imma mal-​kuxjenza tiegħu u r-​relazzjoni li kellu m’Alla Ġeħova. Iżda Ħaman “mill-​ewwel imtela bir-​rabja.”—Est. 5:9.

11 Meta Ħaman qal lil martu u lil ħbiebu dwar dan l-​insult, huma ħeġġewh biex jipprepara għuda kbira, b’tul taʼ iktar minn 22 metru, u mbagħad jitlob permess mingħand is-​sultan biex idendel lil Mordekaj magħha. Ħaman għoġbitu din l-​idea u minnufih ordna lil xi ħadd jagħmilha.—Est. 5:12-​14.

12. Is-​sultan għala ried li r-​rekords uffiċjali tal-​Istat jinqrawlu b’leħen għoli, u x’tgħallem minħabba f’hekk?

12 Sadattant, is-​sultan kellu lejl mhux tas-​soltu. Il-​Bibbja tgħidilna li “s-​sultan tarlu n-​ngħas,” u għalhekk ra li r-​rekords uffiċjali tal-​Istat jinqrawlu b’leħen għoli. Il-​qari kien jinkludi rapport taʼ komplott biex Aħasweru jiġi assassinat. Hu ftakar fil-​kwistjoni; dawk li kellhom ikunu l-​qattiela nqabdu u nqatlu. Iżda xi ngħidu għar-​raġel li kien kixef il-​komplott—Mordekaj? Is-​sultan staqsa kif Mordekaj kien ġie premjat. X’kienet it-​tweġiba? Ma kien ħa ebda premju.—Aqra Ester 6:1-​3.

13, 14. (a) L-​affarijiet kif bdew imorru ħażin għal Ħaman? (b) Mart Ħaman u ħbiebu x’qalulu?

13 B’rogħda fuqu, is-​sultan staqsa liema uffiċjali tal-​palazz kienu disponibbli biex jgħinuh jikkoreġi dan l-​iżball. Minn tant nies, fil-​palazz tas-​sultan kien hemm Ħaman—milli jidher kmieni filgħodu għax kien ħerqan biex jingħata permess li joqtol lil Mordekaj. Imma qabel ma Ħaman setaʼ jagħmel it-​talba tiegħu, is-​sultan staqsieh kif l-​aħjar setaʼ jagħti unur lil raġel li kellu l-​approvazzjoni tas-​sultan. Ħaman assuma li s-​sultan kellu lilu stess f’moħħu. Għalhekk, Ħaman ħareġ b’idea stravaganti kif jagħtih unur: Ilibbes lir-​raġel bi lbies irjali, u jqabbad lil uffiċjal għoli jdawru madwar Susan fuq iż-​żiemel tas-​sultan stess, filwaqt li jfaħħar lir-​raġel b’leħen għoli ħalli kulħadd jisimgħu. Immaġina l-​espressjoni fuq wiċċ Ħaman meta sar jaf li r-​raġel li kellu jingħata l-​unur kien Mordekaj! U s-​sultan lil min inkariga biex jagħti tifħir lil Mordekaj? Lil Ħaman!—Est. 6:4-​10.

14 Kontra qalbu, Ħaman għamel dak li għalih kien dmir mistkerrah u mbagħad mar jiġri d-​dar imdejjaq. Martu u ħbiebu qalulu li l-​mod kif seħħew l-​affarijiet kien sinjal li ma kien se joħroġ ebda ġid; ma kienx se jkollu suċċess fil-​ġlieda tiegħu kontra Mordekaj il-​Lhudi.—Est. 6:12, 13.

15. (a) X’ġid ħareġ mill-​fatt li Ester kienet paċenzjuża? (b) Għala jkun għaqli li ‘nistennew b’attitudni xierqa’?

15 Peress li Ester kienet paċenzjuża u stenniet ġurnata oħra biex tippreżenta t-​talba tagħha lis-​sultan, Ħaman ngħata ż-​żmien biex iwaqqaʼ l-​ġebla fuq saqajh. Jistaʼ jkun li kien Alla Ġeħova li ġiegħel li s-​sultan ma jorqodx. (Prov. 21:1) Mhux taʼ b’xejn li l-​Kelma t’Alla tinkuraġġina biex ‘nistennew b’attitudni xierqa’! (Aqra Mikea 7:7.) Meta nafdaw f’Alla u nistennewh jaġixxi, nistgħu naraw li s-​soluzzjonijiet tiegħu għall-​problemi tagħna jkunu bil-​wisq aħjar minn kulma stajna nagħmlu aħna.

Tkellmet b’Kuraġġ

16, 17. (a) “Iż-​żmien li titkellem” meta wasal għal Ester? (b) Ester kif kienet differenti minn Vasti, il-​mara li s-​sultan kellu qabel?

16 Ester ma ssogratx iġġarrab il-​paċenzja tas-​sultan iktar; fit-​tieni ikla li għamlet, kellha tgħidlu b’kollox, mill-​a saż-​żeta. Imma kif? Ġara li ġietha x-​xoqqa f’moxtha għax is-​sultan reġaʼ staqsieha x’kienet it-​talba tagħha. (Est. 7:2) “Iż-​żmien li titkellem” kien wasal għal Ester.

17 Nistgħu nġibu lil Ester quddiem għajnejna tgħid talba f’qalbha lil Alla tagħha qabel ma lissnet dan il-​kliem: “Jekk għoġobtok, O sultan, u jekk is-​sultan jidhirlu li hu tajjeb, dak li qed nitlob u dak li rrid hu li jingħatawli ħajti u l-​poplu tiegħi.” (Est. 7:3) Innota li hi assigurat lis-​sultan li kienet tirrispetta l-​ġudizzju tiegħu rigward dak li kien jidher tajjeb. Kemm kienet differenti Ester minn Vasti, il-​mara li s-​sultan kellu qabel u li kienet umiljat lil żewġha apposta! (Est. 1:10-​12) Iktar minn hekk, Ester ma kkritikatx lis-​sultan talli bi bluha fada f’Ħaman. Minflok, hi talbet lis-​sultan bil-​ħrara biex jipproteġiha minn periklu għal ħajjitha stess.

18. Ester kif qaltlu x’inhi l-​problema lis-​sultan?

18 Dik it-​talba żgur li qanqlet lis-​sultan u ħallietu b’ħalqu miftuħ. Min kien se jażżarda jpoġġi lis-​sultana tiegħu fil-​periklu? Ester kompliet tgħid: “Aħna ġejna mibjugħin, jien u l-​poplu tiegħi biex ninġiebu fix-​xejn, ninqatlu u ninqerdu. Issa kieku ġejna mibjugħin sempliċement bħala rġiel u nisa lsiera kont nibqaʼ siekta. Imma dan in-​niket m’huwiex xieraq meta jkun bi ħsara għas-​sultan.” (Est. 7:4) Innota li Ester qalet x’inhi l-​problema bla tlaqliq, iżda żiedet tgħid li kienet se tibqaʼ siekta dwarha li kieku t-​theddida kienet sempliċement il-​jasar. Iżda s-​sultan innifsu kien imur minn taħt minħabba dan il-​ġenoċidju, u għalhekk ma setgħetx ma titkellimx.

19. X’nistgħu nitgħallmu minn Ester dwar l-​arti tal-​persważjoni?

19 L-​eżempju taʼ Ester jgħallimna ħafna dwar l-​arti tal-​persważjoni. Jekk qatt ikollok bżonn tkellem lil xi ħadd maħbub jew saħansitra lil persuna fl-​awtorità dwar xi problema serja, il-​paċenzja, flimkien mar-​rispett u l-​onestà, tistaʼ tkun t’għajnuna kbira.—Prov. 16:21, 23.

20, 21. (a) Ester kif kixfet il-​komplott taʼ Ħaman, u dan qanqal liema reazzjoni mis-​sultan? (b) Ħaman kif aġixxa meta ġie akkużat li hu ġifa makakk?

20 Aħasweru kkmanda: “Min hu dan, u fejn hu dak li kellu l-​wiċċ jagħmel hekk?” Immaġina lil Ester tipponta subgħajha hi u tgħid: “L-​avversarju u l-​għadu huwa dan ir-​raġel ħażin Ħaman.” Kif kienet se tkun ir-​reazzjoni għal din l-​akkuża serja? Ħaman niżlulu msarnu f’saqajh. Ġib quddiem għajnejk lill-​monarka hekk kif telagħlu d-​demm għal rasu xħin intebaħ li l-​kunsillier fdat kien qarraq bih biex jiffirma ordni li kienet se twassal għall-​mewt taʼ martu l-​għażiża! Is-​sultan ħareġ jiġri barra fil-​ġnien biex jikkalma ftit.—Est. 7:5-​7.

B’kuraġġ, Ester kixfet il-ħażen taʼ Ħaman

21 Ħaman, li kien ġie akkużat li hu ġifa makakk, beda jittallab bil-​ħniena lis-​sultana biex tgħinu. Meta s-​sultan daħal lura fil-​kamra u ra lil Ħaman fuq id-​divan taʼ Ester jitkarrbilha, fir-​rabja akkuża lil Ħaman li kien qed jipprova jistupra lis-​sultana f’dar is-​sultan stess. Din kienet id-​daqqa tal-​mewt għal Ħaman. Hu ttieħed ’l hemm b’wiċċu mgħotti. Wieħed mill-​uffiċjali tas-​sultan imbagħad tkellem u qal lis-​sultan dwar l-​għuda kbira li Ħaman kellu lesta għal Mordekaj. Aħasweru minnufih ordna li Ħaman innifsu jiġi mdendel maʼ din l-​istess għuda.—Est. 7:8-​10.

22. L-​eżempju taʼ Ester kif jistaʼ jgħallimna biex qatt ma niddispraw, naqtgħu qalbna, jew nitilfu l-​fidi?

22 Fid-​dinja inġusta tal-​lum huwa faċli taħseb li qatt ma se naraw li ssir ġustizzja. Qatt ħassejtek hekk? Ester qatt ma ddisprat, qatt ma qatgħet qalbha, u qatt ma tilfet il-​fidi. Meta wasal iż-​żmien, hi tkellmet b’kuraġġ għal dak li kien sewwa u għall-​kumplament ħalliet f’idejn Ġeħova. Ejja nagħmlu l-​istess! Ġeħova ma nbidilx minn żmien Ester sal-​lum. Hu għadu kapaċi jaqbad lin-​nies mill-​agħar u makakki fin-​nases tagħhom stess, sewwasew bħalma għamel lil Ħaman.—Aqra Salm 7:11-​16.

Aġixxiet bla Egoiżmu Għal Ġeħova u għall-​Poplu Tiegħu

23. (a) Is-​sultan kif ippremjahom lil Mordekaj u lil Ester? (b) Il-​profezija dwar Benjamin li Ġakobb bassar meta kien fuq is-​sodda tal-​mewt tiegħu kif twettqet? (Ara l-kaxxa “ Profezija Mwettqa.”)

23 Fl-​aħħar, is-​sultan sar jaf min kien Mordekaj—mhux biss il-​protettur leali tiegħu kontra l-​assassinju imma anki r-​raġel li kien rabba lil Ester. Aħasweru ħatar lil Mordekaj bħala prim ministru minflok Ħaman. Is-​sultan ta d-​dar taʼ Ħaman u l-​ġid kbir li kellu lil Ester, li min-​naħa tagħha inkarigat lil Mordekaj biex jieħu ħsiebhom.—Est. 8:1, 2.

24, 25. (a) Ester għala xorta ma setgħetx isserraħ rasha wara li nkixef il-​komplott taʼ Ħaman? (b) Ester kif reġgħet issograt ħajjitha?

24 Issa li Ester u Mordekaj kienu fiż-​żgur, setgħet is-​sultana sserraħ rasha? Iva, kieku kienet egoista. Dak il-​ħin, id-​digriet taʼ Ħaman biex joqtol lil-​Lhud kollha kien qed jintbagħat mal-​imperu kollu. Ħaman kien tefaʼ x-​xorti, jew il-​Pur—milli jidher forma taʼ spiritiżmu—ħalli jiddetermina l-​ħin opportun biex iwettaq dan l-​attakk aħrax. (Est. 9:24-​26) Il-​ġurnata kienet għadha ’l bogħod, iżda kienet riesqa bil-​ħeffa. Id-​diżastru setaʼ jiġi evitat?

25 Bla egoiżmu, Ester reġgħet issograt ħajjitha u dehret quddiem is-​sultan, għal darb’oħra mingħajr stedina uffiċjali. Din id-​darba, hi bdiet tibki lin-​nies tagħha u titlob lil żewġha bil-​ħniena biex iħassar dak id-​digriet terribbli. Iżda l-​liġijiet li kienu jgħaddu f’isem il-​monarka Persjan ma setgħux jitħassru. (Dan. 6:12, 15) Għalhekk, is-​sultan ta s-​setgħa lil Ester u lil Mordekaj biex joħorġu liġi ġdida. Għalhekk, intbagħtet proklamazzjoni oħra li tat lil-​Lhud id-​dritt li jiddefendu lilhom infushom. Ir-​rikkieba marru jiġru lejn kull parti tal-​imperu, u ħadu magħhom din l-​aħbar tajba lil-​Lhud. Reġaʼ kien hemm xrara taʼ tama fost ħafna Lhud. (Est. 8:3-​16) Nistgħu nimmaġinaw lil-​Lhud taʼ dak l-​imperu vast jarmaw u jħejju ruħhom għall-​battalja li ma setgħu qatt jagħmlu mingħajr dik il-​liġi ġdida. Iżda iktar importanti minn hekk, kellu “Ġeħova taʼ l-​armati” jkun mal-​poplu tiegħu?—1 Sam. 17:45.

Ester u Mordekaj bagħtu proklamazzjonijiet lil-Lhud tal-Imperu Persjan

26, 27. (a) Kemm kienet kbira u kompleta r-​rebħa li Ġeħova ta lill-​poplu tiegħu fuq l-​għedewwa tagħhom? (b) Liema profezija twettqet permezz tal-​qerda taʼ wlied Ħaman?

26 Meta finalment wasal il-​jum magħżul, in-​nies t’Alla kienu lesti. Saħansitra ħafna uffiċjali Persjani kienu fuq in-​naħa tagħhom issa għax l-​aħbar dwar il-​prim ministru l-​ġdid, Mordekaj il-​Lhudi, ġriet maʼ kullimkien. Ġeħova ta lill-​poplu tiegħu rebħa kbira. Bla dubju, hu għamel ċert li l-​għedewwa jkunu mirbuħin għalkollox sabiex ma jkunux jistgħu jagħmlu l-​ħsara lin-​nies tiegħu. *Est. 9:1-​6.

27 Iktar minn hekk, Mordekaj qatt ma kellu jkun fiż-​żgur biex jippresiedi fuq id-​dar taʼ Ħaman sakemm l-​għaxart itfal subien taʼ dak ir-​raġel mill-​agħar idumu ħajjin. Anki huma nqatlu. (Est. 9:7-​10) B’hekk, twettqet profezija tal-​Bibbja għax iktar kmieni Alla kien bassar il-​qerda kompleta tal-​Għamalekin, li taw prova li kienu għedewwa mill-​agħar tal-​poplu tiegħu. (Dt. 25:17-​19) Ulied Ħaman setgħu faċilment kienu fost dawk li kienu minn tal-​aħħar f’dak il-​ġens kundannat.

28, 29. (a) Għala kienet ir-​rieda taʼ Ġeħova li Ester u n-​nies tagħha jkunu involuti fil-​gwerra? (b) L-​eżempju taʼ Ester għala hu taʼ barka għalina llum?

28 Anki ż-​żagħżugħa Ester kellha terfaʼ fuq spallejha piż tassew tqil—bħal pereżempju l-​liġijiet irjali rigward il-​gwerra u l-​qtil. Żgur li ma kienx faċli. Iżda r-​rieda taʼ Ġeħova kienet titlob li l-​poplu tiegħu jkun protett mill-​qerda; mill-​ġens taʼ Iżrael kellu joħroġ il-​Messija mwiegħed, l-​uniku sors taʼ tama għall-​umanità kollha! (Ġen. 22:18) Il-​qaddejja t’Alla llum jitgħaxxqu għax jafu li meta l-​Messija, Ġesù, ġie fuq l-​art, hu pprojbixxa lis-​segwaċi tiegħu minn dak iż-​żmien ’il quddiem li jieħdu sehem fi gwerer.—Mt. 26:52.

29 Xorta waħda, il-​Kristjani jieħdu sehem fi gwerra spiritwali; Satana hu ħerqan iktar minn qatt qabel biex jeqred il-​fidi tagħna f’Alla Ġeħova. (Aqra t-​2 Korintin 10:3, 4.) X’barka hi li għandna lil Ester bħala eżempju! Bħalha, jalla nuru l-​fidi billi: nużaw il-​persważjoni b’għaqal u bil-​paċenzja, inrabbu l-​kuraġġ, u nuru li bla egoiżmu aħna lesti li niddefendu lill-​poplu t’Alla.

^ par. 26 Is-​sultan tahom ġurnata oħra lil-​Lhud biex itemmu l-​konkwista tagħhom kontra l-​għedewwa. (Est. 9:12-​14) Saħansitra llum, il-​Lhud ifakkru din ir-​rebħa kull sena fix-​xahar taʼ Adar, li jikkorrispondi għall-​perijodu li jiġi bejn l-​aħħar taʼ Frar u l-​bidu taʼ Marzu. Il-​festival jissejjaħ Purim u ġie msemmi għax-​xorti li Ħaman tefaʼ fuq it-​talba tiegħu biex jeqred lil Iżrael.