KAPITLU 11
Wara l-ġurnata tat-tieġ
“L-imħabba ma tbatti qatt.”—1 KORINTIN 13:8.
1, 2. Jekk żwieġ ikun fih xi problemi, ifisser li falla? Spjega.
IŻ-ŻWIEĠ hu rigal mingħand Ġeħova. Dan jistaʼ jagħmel persuna iktar ferħana. Madankollu, kull żwieġ se jkollu xi problemi. Barra minn hekk, il-problemi jistgħu jidhru li mhu se jispiċċaw qatt, u r-relazzjoni taʼ bejn il-koppja tistaʼ tibred.
2 M’għandniex niħduha bi kbira jekk ikollna xi problemi fiż-żwieġ minn żmien għall-ieħor. Imma dan ma jfissirx li ż-żwieġ falla. Anki koppji li kellhom problemi serji ħafna sabu modi kif jirranġaw ir-relazzjoni tagħhom u jsaħħu ż-żwieġ. Kif?
INSAĦĦU L-ĦBIBERIJA TAGĦNA M’ALLA U MAʼ XULXIN
3, 4. Xi kultant, x’jistaʼ jiġri fiż-żwieġ?
3 Iż-żwieġ jgħaqqad flimkien żewġ persuni b’ideat u gosti differenti u li huma mdorrijin jagħmlu l-affarijiet b’modi differenti. Apparti minn hekk, ir-raġel u l-mara jistaʼ jkollhom trobbija jew kultura differenti minn xulxin. Hemm bżonn iż-żmien u sforz biex koppja jsiru jafu u jifhmu lil xulxin sew.
4 Maż-żmien, raġel u mara miżżewġin jistgħu tant jibdew jiffokaw fuq l-affarijiet personali tagħhom stess li jibdew jitbiegħdu minn xulxin u jkunu bħallikieku qed jgħixu għal rashom. X’jistaʼ jgħinhom biex isaħħu r-relazzjoni taʼ bejniethom?
5. (a) X’jistaʼ jgħin lil Kristjan biex isaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ? (b) Skont Ebrej 13:4, kif għandna nqisu ż-żwieġ?
5 Ġeħova jipprovdi pariri eċċellenti li jistgħu jgħinu lil koppja biex isaħħu r-relazzjoni tagħhom miegħu u maʼ xulxin. (Salm 25:4; Isaija 48:17, 18) Hu jgħidilna: “Ħa jkun iż-żwieġ onorabbli għal kulħadd.” (Ebrej 13:4) Xi ħaġa li int tqis onorabbli, hi prezzjuża u taʼ min japprezzaha. Inti tipproteġiha u ma tittraskurahiex. Dan hu l-mod kif Ġeħova jridna nqisu ż-żwieġ.
L-IMĦABBA GĦAL ĠEĦOVA TISTAʼ TGĦIN IŻ-ŻWIEĠ TIEGĦEK
6. Skont Mattew 19:4-6, Alla kif iqis iż-żwieġ?
6 L-ewwel żwieġ sar minn Ġeħova. Ibnu Ġesù qal: “Ma qrajtux li sa mill-bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:4-6) L-iskop taʼ Ġeħova kien li ż-żwieġ ikun xi ħaġa permanenti. Hu ried li l-familji jkunu ferħanin, ikollhom relazzjonijiet b’saħħithom, u jgawdu l-ħajja flimkien.
7. Dawk miżżewġin kif jistgħu jsaħħu ż-żwieġ tagħhom?
7 Minkejja dan, illum, koppji miżżewġin għandhom iktar stress minn qatt qabel. Xi drabi, tant ikollhom stress li jibdew jaħsbu li m’hemmx tama għaż-żwieġ tagħhom, u jaqtgħu qalbhom. Imma l-fatt li nifhmu kif Ġeħova jqis iż-żwieġ jistaʼ jgħinna.—1 Ġwanni 5:3.
8, 9. (a) Meta għandna nimxu mal-gwida t’Alla fiż-żwieġ? (b) Kif nistgħu nuru li ż-żwieġ tagħna hu prezzjuż għalina?
8 Il-gwida taʼ Ġeħova hi dejjem għall-ġid tagħna. Bħalma diġà rajna, hu jgħidilna: “Ħa jkun iż-żwieġ onorabbli.” (Ebrej 13:4; Ekkleżjasti 5:4) Jekk nimxu mad-direzzjoni taʼ Ġeħova, anki meta ma jkunx faċli, żgur li se nibbenefikaw.—1 Tessalonikin 1:3; Ebrej 6:10.
9 Peress li ż-żwieġ hu prezzjuż għalina, aħna ma rridux ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ ddgħajfu. Anzi, se nagħmlu l-almu tagħna biex insaħħu r-relazzjoni tagħna mar-raġel jew il-mara tagħna. Kif nistgħu nagħmlu dan?
IRRISPETTA Ż-ŻWIEĠ TIEGĦEK B’DAK LI TGĦID U TAGĦMEL
10, 11. (a) Liema problema serja hemm f’xi żwiġijiet? (b) Il-mod kif inkellmu lir-raġel jew il-mara tagħna għala hu importanti?
10 Hemm diversi modi kif xi ħadd miżżewweġ jistaʼ jġiegħel lir-raġel jew il-mara tħossha mweġġgħa. Aħna nafu li l-Kristjani qatt m’għandhom isawtu l-persuna l-oħra fiż-żwieġ jew jagħmlu xi ħaġa biex iweġġgħuha b’mod fiżiku. Però, tnejn jistgħu jweġġgħu lil xulxin bil-kliem. Il-kliem jistaʼ jkun bħall-armi. Waħda mara qalet: “Żewġi jsawwatni bi kliemu. Vera li m’għandix tbenġil li jidher, imma hu kontinwament jgħaddi kummenti li jweġġgħu, bħal ‘Ma nifilħekx!’ u ‘Int ma tiswa għal xejn!’ Dawn il-kummenti vera weġġgħuli qalbi.” Wieħed raġel qal li martu kienet dejjem tgħajru u ġġiegħlu jħossu ħażin bi kliemha. Hu qal: “L-affarijiet li tgħidli mhumiex taʼ quddiem in-nies. Huwa għalhekk li ma nistax inkellimha u għala ndum ix-xogħol. Ikun iktar jaqbilli nibqaʼ x-xogħol milli mmur id-dar.” Illum, hu komuni li wieħed jgħajjar u jgħid kliem bl-addoċċ li jġib uġigħ emozzjonali.
11 Kliem li jweġġaʼ bejn koppja miżżewġa jwassal għal uġigħ emozzjonali li jieħu ż-żmien biex jgħaddi. Biċ-ċar, Ġeħova ma jridx li mara u raġel jittrattaw lil xulxin b’dan il-mod. Imma jistaʼ jkun li tweġġaʼ lil żewġek jew martek mingħajr ma tkun taf. Int x’aktarx mingħalik li qed tittrattah jew tittrattaha sew. Imma kif tħossha l-persuna l-oħra? Jekk bi kliemek ġieli tweġġagħha, lest li tagħmel bidliet?—Galatin 5:15; aqra Efesin 4:31.
12. X’jistaʼ jeffettwa l-ħbiberija tagħna m’Alla?
12 Ġeħova jagħti kas kif int tkellem lil żewġek jew martek, kemm jekk fil-privat u kemm jekk fil-pubbliku. (Aqra l-1 Pietru 3:7.) Ġakbu 1:26 ifakkarna li “jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, il-qima taʼ dan il-bniedem hi fiergħa,” jiġifieri għalxejn.
13. X’inhi ħaġa oħra li tistaʼ ġġiegħel persuna miżżewġa tħossha mweġġgħa?
13 Hemm affarijiet oħra li l-miżżewġin għandhom jevitaw biex ma jweġġgħux lil xulxin. Pereżempju, kif tħossok kieku r-raġel jew il-mara tiegħek tibda tqattaʼ ħafna ħin maʼ xi ħadd ieħor? Forsi l-intenzjoni tkun tajba, bħal li taħdem maʼ din il-persuna fuq il-ministeru jew tgħinha f’xi problema. Imma żewġek jew martek kif tħossha? Mara Kristjana tgħid: “Inħossni mweġġgħa meta nara li żewġi jqattaʼ ħafna ħin u jagħti ħafna attenzjoni lil oħt oħra fil-kongregazzjoni. Dan iġegħelni nħossni inqas importanti għalih.”
14. (a) Liema verità bażika nitgħallmu minn Ġenesi 2:24? (b) X’għandna nistaqsu lilna nfusna?
14 Bħala Kristjani, aħna għandna responsabbiltajiet li jinvolvu l-ġenituri tagħna u lil ħutna fil-kongregazzjoni. Però, meta niżżewġu, ir-raġel jew il-mara tagħna tieħu prijorità. Ġeħova qal li raġel miżżewweġ “irid jingħaqad maʼ martu.” (Ġenesi 2:24) Is-sentimenti tal-persuna li żżewwiġna għandhom ikunu importanti ħafna għalina. Staqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed nagħtiha l-ħin, l-attenzjoni, u l-affezzjoni li għandha bżonn u li jixirqilha?’
15. Dawk miżżewġin għala għandhom jevitaw li jsiru wisq close taʼ xi ħadd li mhux żewġhom jew marthom?
15 Jekk insiru wisq close taʼ xi ħadd li mhux ir-raġel jew il-mara tagħna, se nkunu qed nipperikolaw iż-żwieġ tagħna. Jistgħu jibdew deħlin is-sentimenti u tibda tinġibed b’mod romantiku lejn din il-persuna. (Mattew 5:28) Dawn is-sentimenti jistgħu jiżdiedu u jġegħluk tagħmel xi ħaġa li biha turi diżrispett lejn l-arranġament taż-żwieġ.
“ĦA TKUN IS-SODDA TAŻ-ŻWIEĠ BLA TINĠIS”
16. Xi kmand tagħtina l-Bibbja dwar iż-żwieġ?
16 Wara li l-Bibbja tgħid: “Ħa jkun iż-żwieġ onorabbli,” tgħid: “Ħa tkun is-sodda taż-żwieġ bla tinġis, għax Alla jiġġudika liż-żienja u lill-adulteri.” (Ebrej 13:4) Hawnhekk, “is-sodda taż-żwieġ” tirreferi għar-relazzjoni sesswali taʼ bejn raġel u mara miżżewġin. (Proverbji 5:18) Kif nistgħu nuru rispett lejn din ir-relazzjoni u ma nniġġsuhiex?
17. (a) Ħafna nies illum kif iqisu l-adulterju? (b) Il-Kristjani kif għandhom iqisu l-adulterju?
17 Xi nies illum jaħsbu li m’hemm xejn ħażin billi ma jkunux leali lejn ir-raġel jew il-mara tagħhom. Irridu noqogħdu attenti li ma niġux influwenzati b’din il-mentalità. Ġeħova jagħmilha ċara ħafna li jobgħod l-immoralità sesswali u l-adulterju. (Aqra Rumani 12:9; Ebrej 10:31; 12:29) Li kieku kellu jkollna x’naqsmu maʼ xi ħadd ieħor li mhux ir-raġel jew il-mara tagħna, inkunu qed inniġġsu ż-żwieġ tagħna. Inkunu qed nuru li ma nirrispettawx il-livelli taʼ Ġeħova u nagħmlu ħsara għar-relazzjoni tagħna miegħu. Allura, għandna nevitaw li nagħmlu l-ewwel pass lejn l-adulterju. Dan jinkludi li nevitaw li jkollna ħsibijiet mhux xierqa dwar persuna oħra.—Ġob 31:1.
18. (a) L-adulterju għala hu bħall-qima lil alla falz? (b) Ġeħova kif iqis l-adulterju?
18 Taħt il-Liġi taʼ Mosè, f’Iżrael tal-qedem, l-adulterju kien meqjus bħala dnub serju ħafna. Dan kien serju daqs li wieħed iqim alla falz. Il-kastig għal dawn iż-żewġ dnubiet kien il-mewt. (Levitiku 20:2, 10) L-adulterju kif inhu simili għall-qima lil alla falz? Dak iż-żmien, jekk Iżraeli kien iqim alla falz, kien ikun qed jikser il-wegħda li jibqaʼ leali lejn Ġeħova. U jekk jagħmel adulterju, kien ikun qed jikser il-wegħda li jibqaʼ leali lejn il-persuna l-oħra fiż-żwieġ. (Eżodu 19:5, 6; Dewteronomju 5:9; aqra Malakija 2:14.) Biċ-ċar, fil-passat, Ġeħova kien iqis l-adulterju bħala dnub serju ħafna.
19. X’jistaʼ jgħinna nkunu determinati biex ma nagħmlux adulterju?
19 Xi ngħidu għal-lum? Għalkemm m’għadniex taħt il-Liġi taʼ Mosè, il-mod kif Ġeħova jqis l-adulterju ma nbidilx. Bħalma aħna ma jgħaddilniex minn moħħna li nqimu alla falz, m’għandux jgħaddilna minn moħħna li nuru nuqqas taʼ lealtà lejn ir-raġel jew mara tagħna. (Salm 51:1, 4; Kolossin 3:5) Li kieku nagħmlu hekk, inkunu qed nuru nuqqas taʼ rispett lejn l-arranġament taż-żwieġ u lejn Alla tagħna, Ġeħova.—Ara n-Nota numru 26 fl-aħħar.
KIF TISTAʼ SSAĦĦAĦ IŻ-ŻWIEĠ TIEGĦEK?
20. L-għerf kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għaż-żwieġ?
20 Kif tistaʼ ssaħħaħ iż-żwieġ tiegħek? Il-Kelma t’Alla tgħid: “Dar tinbena bl-għerf, u bid-dixxerniment [jew, bl-abbiltà li tifhem] tkun stabbilita fis-sod.” (Proverbji 24:3) Dar tistaʼ tkun vojta u kiesħa jew tistaʼ tkun cosy, komda, u tagħti protezzjoni. Dan hu simili għal żwieġ. Persuna għarfa se tagħmel ċert li ż-żwieġ tagħha jkun sod u jagħti l-protezzjoni u l-ferħ.
21. L-għarfien kif jistaʼ jsaħħaħ iż-żwieġ?
21 Il-Bibbja tkompli tgħid hekk dwar din id-dar: “Bl-għarfien il-kmamar taʼ ġewwa jimtlew b’kull ġid prezzjuż u sabiħ.” (Proverbji 24:4) Dak li titgħallem mill-Kelma t’Alla jistaʼ jgħinek issaħħaħ iż-żwieġ tiegħek. (Rumani 12:2; Filippin 1:9) Meta bħala koppja taqraw il-pubblikazzjonijiet tagħna u l-Bibbja, iddiskutu kif tistgħu tapplikaw dak li tkunu tgħallimtu. Fittxu modi kif tistgħu turu mħabba u rispett lejn xulxin, kif ukoll kif tkunu qalbkom tajba u turu li jinteressakom minn xulxin. Itlob lil Ġeħova biex jgħinek taħdem fuq kwalitajiet li se jsaħħu ż-żwieġ tiegħek u jgħinu biex ir-raġel jew il-mara tiegħek ikollha iktar għal xiex tħobbok.—Proverbji 15:16, 17; 1 Pietru 1:7.
22. Għala għandna nuru mħabba, rispett, u unur lejn ir-raġel jew mara tagħna?
22 Irridu nagħmlu kulma nistgħu biex nittrattaw lir-raġel jew mara tagħna bl-imħabba, ir-rispett, u l-unur. Imbagħad, iż-żwieġ tagħna se jkun iktar b’saħħtu u jkun mimli affezzjoni. U l-iktar importanti hu li b’hekk se nkunu qed inferrħu lil Ġeħova.—Salm 147:11; Rumani 12:10.