Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 10

Iż-żwieġ—Rigal mingħand Alla

Iż-żwieġ—Rigal mingħand Alla

“Ħabel bi tlieta ma jinqatax malajr fi tnejn.”—EKKLEŻJASTI 4:12.

1, 2. (a) X’jittamaw dawk li jkunu għadhom kif iżżewġu? (b) X’mistoqsijiet se niddiskutu f’dan il-​kapitlu?

 IMMAĠINA għarus u għarusa ferħanin fil-​ġurnata tat-​tieġ. Huma qed iħarsu ’l quddiem għal futur sabiħ flimkien. Huma qed jittamaw li ż-​żwieġ tagħhom ikun wieħed li jibqaʼ b’saħħtu u mimli ferħ.

2 Però, ħafna miż-​żwiġijiet ma jibqgħux b’saħħithom. Sabiex koppja jkollha żwieġ sod u mimli ferħ, hemm bżonn li jkollha l-​gwida t’Alla. Allura, ejja niddiskutu kif il-​Bibbja twieġeb dawn il-​mistoqsijiet: X’benefiċċji hemm fiż-​żwieġ? Jekk tixtieq tiżżewweġ, kif tistaʼ tagħmel għażla tajba? Wara li tiżżewweġ, kif tistaʼ tkun raġel jew mara tajba? U x’jistaʼ jgħin biex iż-​żwieġ jirnexxi?—Aqra Proverbji 3:5, 6.

GĦANDI NIŻŻEWWEĠ?

3. Taħseb li individwu għandu jiżżewweġ biex ikun ferħan? Spjega.

3 Xi wħud jemmnu li individwu ma jistax ikun ferħan jekk ma jiżżewwiġx. Imma dan mhux veru. Ġesù qal li l-​fatt li tkun single jistaʼ jkun rigal. (Mattew 19:11, 12) U l-​appostlu Pawlu qal li l-​fatt li tkun single fih il-​vantaġġi tiegħu. (1 Korintin 7:32-​38) M’għandniex xi ngħidu, hu f’idejk li tagħżel jekk tridx tiżżewweġ jew le. M’għandekx tħalli l-​ħbieb, il-​familja, jew il-​kultura tiegħek tisfurzak biex tiżżewweġ.

4. Semmi vantaġġi li jkun hemm fi żwieġ b’saħħtu.

4 Il-​Bibbja tgħid li ż-​żwieġ ukoll hu rigal mingħand Alla u li fih il-​vantaġġi. Dwar l-​ewwel bniedem, Adam, Ġeħova qal: “Mhux tajjeb li r-​raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna, sieħba li taqbel għal miegħu.” (Ġenesi 2:18) Ġeħova ħalaq lil Eva biex tkun il-​mara t’Adam, u huma kienu l-​ewwel familja li eżistiet. Jekk koppja jkollha t-​tfal, iż-​żwieġ tagħhom għandu joħloq ambjent tajjeb fejn jistgħu jrabbu t-​tfal. Imma t-​tfal mhumiex l-​uniku skop taż-​żwieġ.—Salm 127:3; Efesin 6:1-​4.

5, 6. Iż-​żwieġ kif jistaʼ jkun bħal “ħabel bi tlieta”?

5 Is-​Sultan Salamun kiteb: “Tnejn aħjar minn wieħed, għax jiġu premjati tajjeb għax-​xogħol iebes tagħhom. Għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-​ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu. Imma wieħed li jkun waħdu, x’jiġrilu jekk jaqaʼ meta ma jkunx hemm min iqajmu? . . . Ħabel bi tlieta ma jinqatax malajr fi tnejn.”—Ekkleżjasti 4:9-​12.

6 Żwieġ b’saħħtu jkollu waħda mill-​akbar ħbiberiji bejn tnejn min-​nies. Dawn jgħinu, jinkuraġġixxu, u jipproteġu lil xulxin. L-​imħabba tistaʼ tagħmel żwieġ b’saħħtu, imma ż-​żwieġ se jissaħħaħ ħafna iktar meta r-​raġel u l-​mara jkunu jqimu lil Ġeħova. Imbagħad, iż-​żwieġ tagħhom ikun bħal “ħabel bi tlieta,” fejn tlett iħbula jkunu marbutin sew flimkien. Ħabel bħal dan ikun ħafna iktar b’saħħtu minn ħabel bi tnejn biss. Iż-​żwieġ ikun b’saħħtu meta koppja miżżewġa tinvolvi lil Ġeħova f’ħajjitha.

7, 8. Pawlu x’parir ta dwar iż-​żwieġ?

7 Wara li tnejn jiżżewġu, ikunu jistgħu jieħdu pjaċir jissodisfaw ix-​xewqat sesswali taʼ xulxin. (Proverbji 5:18) Però, jekk xi ħadd jiżżewweġ biex jissodisfa dawn ix-​xewqat biss, għandu mnejn li ma jagħżilx persuna addattata għalih. Huwa għalhekk li l-​Bibbja tgħid li ż-​żwieġ għandu jsir wara li individwu jkun għadda “l-​fjur taż-​żgħożija,” jiġifieri dak iż-​żmien meta x-​xewqat sesswali jkunu b’saħħithom ħafna. (1 Korintin 7:36) Ikun aħjar li ż-​żwieġ isir wara li dawn is-​sentimenti jkunu kkalmaw. Imbagħad, persuna se tkun tistaʼ taħseb ħafna aħjar u tiddeċiedi bil-​għaqal.—1 Korintin 7:9; Ġakbu 1:15.

8 Jekk qed taħseb biex tiżżewweġ, ikun tajjeb li tkun realistiku u konxju li kull żwieġ għandu l-​isfidi tiegħu. Fil-​fatt, Pawlu qal li dawk li jiżżewġu “jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Korintin 7:28) Anki l-​aħjar żwieġ jgħaddi minn żminijiet diffiċli. B’hekk, jekk tixtieq tiżżewweġ, kun ċert li toqgħod attent lil min tagħżel.

LIL MIN GĦANDI NIŻŻEWWEĠ?

9, 10. X’jiġri jekk niżżewġu lil xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova?

9 Issa, se naraw prinċipju Bibliku importanti li jkun tajjeb li tiftakru meta tiġi biex tagħżel lill-​mara jew ir-​raġel tiegħek: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs,” jiġifieri “maʼ dawk li ma jemmnux.” (2 Korintin 6:14) Iż-​żwieġ jistaʼ jiġi mqabbel maʼ madmad. Dan hu njama maħduma apposta biex titpoġġa fuq żewġ annimali ħalli jkunu jistgħu jaħdmu l-​għalqa flimkien. Jekk iż-​żewġ annimali jkunu differenti ħafna fil-​kobor jew fis-​saħħa, il-​bidwi mhux se jitfagħhom taħt l-​istess madmad, għax inkella ż-​żewġ annimali se jbatu. B’mod simili, żwieġ bejn xi ħadd li jaqdi lil Ġeħova u xi ħadd li ma jaqdihx probabilment se jispiċċa b’ħafna problemi. Allura l-​Bibbja tagħti parir għaqli biex niżżewġu “biss fil-​Mulej.”—1 Korintin 7:39.

10 Kultant, xi Kristjani ħassew li jkun aħjar li jiżżewġu lil xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova milli jibqgħu waħedhom. Imma jekk ninjoraw il-​pariri tal-​Bibbja, ir-​riżultat spiss ikun uġigħ taʼ qalb u dwejjaq. Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna hi li naqduh. Kif tħossok li kieku ma tistax taqsam l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtek mal-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ? Ħafna ddeċidew li jibqgħu single minflok jiżżewġu lil xi ħadd li ma jħobbx u ma jaqdix lil Ġeħova.—Aqra Salm 32:8.

11. Kif tistaʼ tagħżel persuna addattata għalik?

11 Dan ma jfissirx li kull min jaqdi lil Ġeħova se jkun raġel jew mara li taqbel għal miegħek. Jekk qed taħseb biex tiżżewweġ, fittex persuna li togħġbok ħafna u li tingwalaha sew magħha. Stenna sakemm issib persuna li tixtieq tagħmel l-​istess affarijiet li tixtieq tagħmel int f’ħajtek u li qed tpoġġi s-​servizz taʼ Ġeħova l-​ewwel. Ħu l-​ħin biex taqra u timmedita fuq il-​pariri tajbin dwar iż-​żwieġ li nsibu fil-​pubblikazzjonijiet li jtina l-​ilsir leali.—Aqra Salm 119:105.

12. X’nistgħu nitgħallmu minn Abraham meta għażel mara għal ibnu?

12 F’xi kulturi, huwa normali li l-​ġenituri jagħżlu lil min se jiżżewġu wliedhom. In-​nies taʼ din il-​kultura jemmnu li l-​ġenituri jafu min hu l-​aħjar għat-​tfal tagħhom. Din id-​drawwa kienet normali fi żmien il-​Bibbja wkoll. Allura, jekk il-​familja tiegħek tagħżel li timxi skont din id-​drawwa, il-​Bibbja tistaʼ tgħin lill-​ġenituri jfittxu persuna bi kwalitajiet tajbin. Pereżempju, meta Abraham għażel mara għal ibnu Iżakk, ma kellux f’moħħu kemm għandha flus jew kemm hi magħrufa man-​nies; imma kemm kienet tħobb lil Ġeħova.—Ġenesi 24:3, 67; ara n-​Nota numru 25 fl-​aħħar.

KIF NISTAʼ NIPPREPARA GĦAŻ-​ŻWIEĠ?

13-15. (a) Raġel kif jistaʼ jipprepara biex ikun raġel tajjeb għal martu? (b) Mara kif tistaʼ tipprepara biex tkun mara tajba għar-​raġel tagħha?

13 Jekk qed taħseb biex tiżżewweġ, agħmel ċert li int lest għal dan. Forsi taħseb li int lest, imma ejja niddiskutu xi jfisser verament li tkun preparat għaż-​żwieġ. It-​tweġiba taf tissorprendik.

Ħu l-​ħin biex taqra u timmedita fuq il-​pariri tal-​Kelma t’Alla dwar iż-​żwieġ

14 Il-​Bibbja turi li l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin għandhom irwoli differenti minn xulxin fil-​familja. Allura, il-​mod kif il-​mara u r-​raġel jippreparaw għaż-​żwieġ hu differenti. Jekk raġel qed jaħseb biex jiżżewweġ, għandu jsaqsi lilu nnifsu jekk hux lest biex ikun kap taʼ familja. Ġeħova jistenna li r-​raġel imantni l-​mara u t-​tfal tiegħu u jgħinhom b’mod emozzjonali. Iktar importanti minn hekk, ir-​raġel għandu jieħu t-​tmexxija fl-​attivitajiet spiritwali tal-​familja tiegħu. Il-​Bibbja tiddeskrivi lil xi ħadd li ma jiħux ħsieb il-​familja tiegħu bħala wieħed li hu “agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) Allura jekk int raġel li qed taħseb biex tiżżewweġ, aħseb fuq kif dan il-​prinċipju tal-​Bibbja jistaʼ jgħinek: “Qis li xogħlok ikun f’postu, u li jkollok kollox lest għal xogħol ir-​rabaʼ; u mbagħad ibni darek.” Fi kliem ieħor, qabel tiżżewweġ, agħmel ċert li int preparat għal din ir-​responsabbiltà bil-​mod kif jixtieqek Ġeħova.—Proverbji 24:27, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija, Ir-​Rabaʼ Edizzjoni.

15 Mara li qed taħseb biex tiżżewweġ għandha ssaqsi lilha nfisha jekk hix lesta għal din ir-​responsabbiltà u forsi għal dik taʼ omm. Il-​Bibbja ssemmi ftit mill-​ħafna affarijiet li mara tajba tagħmel biex tieħu ħsieb lir-​raġel u t-​tfal tagħha. (Proverbji 31:10-​31) Illum, ħafna nies jaħsbu biss f’dak li l-​mara jew ir-​raġel futur tagħhom jistaʼ jagħmel għalihom. Imma Ġeħova jridna naħsbu x’nistgħu nagħmlu aħna għall-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ.

16, 17. Jekk qed taħseb biex tiżżewweġ, fuq xiex għandek timmedita?

16 Qabel tiżżewweġ, immedita fuq dak li Ġeħova jgħid dwar l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin. Li tkun kap tal-​familja ma jfissirx li tkun bully. Allura, mhux se tweġġaʼ l-​mara tiegħek fiżikament jew emozzjonalment. Kap taʼ familja tajjeb jimita lil Ġesù, li dejjem juri mħabba u qalb tajba maʼ dawk li jieħu ħsieb. (Efesin 5:23) Min-​naħa tagħha, mara għandha bżonn taħseb dwar xi jfisser li tappoġġa d-​deċiżjonijiet tar-​raġel tagħha u kif tikkopera miegħu. (Rumani 7:2) Hemm bżonn li ssaqsi lilha nfisha, ‘Jien lesta li nkun sottomessa lejn raġel imperfett?ʼ Jekk taħseb li ma tistax, forsi tiddeċiedi li jkun aħjar jekk għalissa tibqaʼ single.

17 Dawk miżżewġin għandhom jikkuntentaw lill-​mara jew ir-​raġel tagħhom iktar milli lilhom infushom. (Aqra Filippin 2:4.) Pawlu kiteb: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; mill-​banda l-​oħra, il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:21-​33) Dawk miżżewġin għandhom bżonn ikunu jafu li r-​raġel jew il-​mara tagħhom tħobbhom u tirrispettahom. Imma biex żwieġ jirnexxi, hu importanti ħafna li r-​raġel ikun jaf li martu tirrispettah, u l-​mara għandha bżonn tkun taf li r-​raġel tagħha jħobbha.

18. Meta tnejn jibdew joħorġu flimkien, għala għandhom bżonn joqogħdu attenti?

18 Tnejn li jibdew joħorġu flimkien għandhom jieħdu pjaċir b’dan iż-​żmien hekk kif isiru jafu lil xulxin aħjar. Apparti minn hekk, dan hu żmien fejn iridu jkunu realistiċi u onesti ħalli jiddeċiedu jekk jixtiqux iqattgħu l-​kumplament taʼ ħajjithom flimkien. Fl-​għerusija, raġel u mara jitgħallmu kif jikkomunikaw maʼ xulxin u jipprovaw isiru jafu x’hemm verament f’qalb xulxin. Hekk kif tikber ir-​relazzjoni tagħhom, huwa naturali li jibdew iħossuhom miġbudin lejn xulxin. Imma hemm bżonn li jikkontrollaw kif juru dawn is-​sentimenti qabel ma jiżżewġu ħalli ma jagħmlu xejn immorali. L-​imħabba vera se tgħinhom jikkontrollaw lilhom infushom u tipproteġihom milli jagħmlu xi ħaġa ħażina li tbegħedhom minn xulxin u minn Ġeħova.—1 Tessalonikin 4:6.

Meta tnejn joħorġu flimkien, jistgħu jitgħallmu kif jikkomunikaw maʼ xulxin

X’NISTAʼ NAGĦMEL BIEX IŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦI JIBQAʼ SOD?

19, 20. Il-​Kristjani kif iqisu ż-​żwieġ?

19 Ħafna kotba u films romantiċi jispiċċaw b’tieġ kbir fejn kulħadd ikun ferħan. Fir-​realtà, it-​tieġ hu biss il-​bidu. L-​iskop taʼ Ġeħova għaż-​żwieġ kien li jibqaʼ għal dejjem.—Ġenesi 2:24.

20 Illum, ħafna jqisu ż-​żwieġ bħala arranġament temporanju. Huwa faċli li wieħed jiżżewweġ u mbagħad jieħdu d-​divorzju. Xi wħud iħossu li meta jinqalgħu l-​problemi, ikun wasal iż-​żmien biex jinħallu miż-​żwieġ. Imma ftakar fit-​tixbiha tal-​Bibbja dwar it-​tlett iħbula mmaljati flimkien biex jagħmlu ħabel b’saħħtu. Ħabel bħal dan ma jinqatax, lanqas jekk ikollu toqol kbir imdendel miegħu. Meta nfittxu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova, iż-​żwieġ tagħna se jibqaʼ sod. Ġesù qal: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:6.

21. X’se jgħin lil koppja miżżewġa biex iħobbu lil xulxin?

21 Kulħadd għandu kwalitajiet tajbin u kulħadd għandu fuq xiex jaħdem. Huwa faċli ħafna biex tiffoka fuq id-​difetti t’oħrajn, speċjalment tal-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ. Imma jekk nagħmlu hekk, mhux se nkunu ferħanin. Mill-​banda l-​oħra, jekk niffokaw fuq il-​kwalitajiet tajbin tal-​persuna l-​oħra, se jkollna żwieġ ferħan. Taħseb li huwa possibbli li tiffoka fuq il-​pożittiv tar-​raġel jew il-​mara tiegħek? Iva! Ġeħova jaf kemm aħna imperfetti, imma hu jiffoka fuq il-​kwalitajiet tajbin tagħna. Immaġina li kieku ma jagħmilx hekk! Is-​salmista jgħid: “Kieku int toqgħod għassa għall-​iżbalji, O Jah, O Ġeħova, min jistaʼ jżomm wieqaf?” (Salm 130:3) Dawk miżżewġin jistgħu jimitaw lil Ġeħova billi jfittxu t-​tajjeb fir-​raġel jew il-​mara tagħhom u billi jkunu ħfief biex jaħfru.—Aqra Kolossin 3:13.

22, 23. Abraham u Sara kif ħallew eżempju tajjeb għall-​miżżewġin?

22 Maż-​żmien, iż-​żwieġ jistaʼ jissaħħaħ. Abraham u Sara kellhom żwieġ b’saħħtu u ferħan. Meta Ġeħova talabhom biex jitilqu mid-​dar tagħhom li kellhom fil-​belt taʼ Ur, probabilment Sara kellha iktar minn 60 sena. Immaġina kemm kien diffiċli għaliha biex titlaq id-​dar komda tagħha u tmur tgħix fit-​tined. Imma Sara kienet ħabiba u mara tajba għar-​raġel tagħha, u hi kienet tirrispettah ħafna. B’hekk, hi appoġġat id-​deċiżjonijiet t’Abraham u għenet biex id-​deċiżjonijiet tiegħu jirnexxu.—Ġenesi 18:12; 1 Pietru 3:6.

23 Ovvjament, żwieġ b’saħħtu ma jfissirx li l-​koppja dejjem se taqbel f’kollox. Darba, meta Abraham ma qabilx maʼ Sara, Ġeħova qallu: “Ismaʼ minn kliemha.” Abraham hekk għamel, u r-​riżultati kienu tajbin. (Ġenesi 21:9-​13) Jekk kultant int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek ma taqblux, ma waqgħatx id-​dinja. L-​importanti hu li anki jekk ma taqblux, xorta tittrattaw lil xulxin bl-​imħabba u r-​rispett.

Ħalli l-Bibbja tiggwida ż-żwieġ tiegħek mill-bidu

24. Iż-​żwieġ tagħna kif jistaʼ jonora lil Ġeħova?

24 Fil-​kongregazzjonijiet Kristjani, hemm eluf taʼ koppji miżżewġin u ferħanin. Ftakar li d-​deċiżjoni tiegħek dwar lil min se tiżżewweġ hi waħda mill-​aktar deċiżjonijiet importanti li qatt se tagħmel. Dan se jeffettwa l-​bqija taʼ ħajtek. Allura, fittex għall-​gwida taʼ Ġeħova. Imbagħad, se tkun tistaʼ tagħżel raġel jew mara b’mod għaqli, tipprepara sewwa għaż-​żwieġ, u taħdem biex ir-​relazzjoni taʼ bejnietkom tkun b’saħħitha, mimlija mħabba, u tonora lil Ġeħova.