KAPITLU 6
Nies li jippritkaw—Predikaturi li joffru lilhom infushom minn rajhom
1, 2. Liema xogħol kbir bassar Ġesù, u liema mistoqsija importanti tqum?
IL-POLITIKANTI spiss jagħmlu wegħdi u mbagħad ma jżommuhomx. Jistaʼ jagħti l-każ li anki dawk li għandhom l-aħjar intenzjonijiet ma jkunux jistgħu jwettqu l-wegħdi tagħhom. B’ferħ, Ġesù hu differenti minħabba li dejjem iżomm il-wegħdi tiegħu.
2 Wara li Ġesù sar Sultan fl-1914, hu kien lest li jwettaq profezija li kien għamel xi 1,900 sena qabel. Ftit qabel ma miet, Ġesù bassar: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha.” (Mt. 24:14) It-twettiq taʼ dan il-kliem kien se jkun parti mis-sinjal tal-preżenza tiegħu bħala Sultan tas-Saltna. Però, tqum mistoqsija importanti: Is-Sultan kif kien se jkun jistaʼ jorganizza armata taʼ predikaturi li jaħdmu minn rajhom fl-aħħar jiem—perijodu taʼ żmien fejn se jkunu jispikkaw l-egoiżmu, in-nuqqas taʼ mħabba, u l-ateiżmu? (Mt. 24:12; 2 Tim. 3:1-5) Jeħtieġ li nkunu nafu, għax it-tweġiba għal din il-mistoqsija tinvolvi lill-Kristjani veri kollha.
3. Ġesù liema fiduċja wera, u minn fejn ġab din il-fiduċja?
3 Erġaʼ agħti daqqa t’għajn lejn il-kliem profetiku taʼ Ġesù. Il-kliem “tiġi pridkata,” ma jurix fiduċja min-naħa taʼ Ġesù? Iva! Ġesù kien ċert li se jkollu wħud li minn rajhom kienu se jappoġġaw l-ippritkar fl-aħħar jiem. Minn fejn ġab din il-fiduċja? Tgħallimha mingħand Missieru. (Ġw. 12:45; 14:9) Qabel ma Ġesù eżista bħala bniedem, hu esperjenza personalment kif Ġeħova għandu fiduċja li l-qaddejja Tiegħu lesti li jagħtu minn rajhom. Ejja naraw kif Ġeħova wera din il-fiduċja.
“Niesek se joffru lilhom infushom minn rajhom”
4. Ġeħova liema xogħol stieden lill-Iżraelin biex jappoġġaw, u dawn kif irreaġixxew?
4 Ftakar x’ġara meta Ġeħova dderieġa lil Mosè biex jibni t-tabernaklu, jew tinda, li kellu jkun iċ-ċentru tal-qima għall-ġens taʼ Iżrael. Ġeħova, permezz taʼ Mosè, stieden lin-nies kollha biex jappoġġaw ix-xogħol. Mosè qalilhom: ‘Ħalli kulmin lest li jagħti minn qalbu jġib kontribuzzjoni għal Ġeħova.’ X’kien ir-riżultat? In-nies “baqgħu jġibulu offerta volontarja għodwa wara għodwa.” Tant ġabu affarijiet li kellhom jitwaqqfu “milli jġibu iżjed”! (Eżo. 35:5; 36:3, 6) L-Iżraelin taw prova li Ġeħova kellu raġun li jkollu fiduċja fihom.
5, 6. Skont Salm 110:1-3, Ġeħova u Ġesù liema attitudni stennew li jkun hemm fost l-aduraturi veri fl-aħħar jiem?
5 Fl-aħħar jiem, kien Ġeħova qed jistenna li fost il-qaddejja tiegħu jkollu wħud lesti li jagħtu minn rajhom? Iva! Iktar minn 1,000 sena qabel it-twelid taʼ Ġesù fuq l-art, Ġeħova ispira lil David biex jikteb dwar iż-żmien meta l-Messija kellu jibda jaħkem. (Aqra Salm 110:1-3.) Ġesù, is-Sultan maħtur ġdid, kien se jkollu għedewwa li jopponuh. Madanakollu, kien se jkollu wkoll armata li tappoġġah. Ma kinux se jkunu sforzati biex jaqdu lis-Sultan. Anki ż-żgħażagħ fosthom kienu se joffru lilhom infushom minn jeddhom. Fil-fatt, tant kienu se jikbru fl-għadd li setgħu jitqabblu b’mod tajjeb mal-kwantità kbira taʼ qtar tan-nida li ma tistax tgħoddhom u li jiksu l-art mas-sebħ filgħodu. a
6 Ġesù kien jaf li l-profezija mniżżla f’Salm 110 kienet tapplika għalih. (Mt. 22:42-45) B’hekk, kellu kull raġun biex ikun fiduċjuż li kien se jkollu wħud li jappoġġawh b’lealtà u li se joffru lilhom infushom minn rajhom għall-ippritkar tal-aħbar tajba mad-dinja kollha. X’juru l-fatti fl-istorja? Irnexxielu s-Sultan jorganizza armata li trid tipprietka minn rajha f’dawn l-aħħar jiem?
“Huwa l-privileġġ tiegħi u d-dmir tiegħi li nħabbar dan il-messaġġ”
7. Wara li Ġesù nħatar bħala Sultan, liema passi ħa biex jipprepara lil dawk li jappoġġawh għax-xogħol li kien ġej?
7 Ftit wara li ġie maħtur bħala Sultan, Ġesù ħa passi biex jipprepara lis-segwaċi tiegħu għax-xogħol vast li kellu jsir. Bħalma rajna f’Kapitlu 2, hu għamel xogħol taʼ spezzjoni u tindif mill-1914 sal-bidu tal-1919. (Mal. 3:1-4) Imbagħad, fl-1919, hu ħatar l-ilsir leali biex jieħu t-tmexxija fost is-segwaċi tiegħu. (Mt. 24:45) Minn dak iż-żmien ’il quddiem, dan l-ilsir beda jipprovdi ikel spiritwali—permezz taʼ taħditiet fil-konvenzjonijiet u pubblikazzjonijiet stampati—li għal darba wara l-oħra enfasizza li l-Kristjani kollha għandhom jippritkaw.
8-10. Il-konvenzjonijiet kif taw spinta lix-xogħol tal-ippritkar? Agħti eżempju. (Ara wkoll il-kaxxa “ Konvenzjonijiet tal-bidu li taw spinta lix-xogħol tal-ippritkar.”)
8 Taħditiet fil-konvenzjoni. Ħerqanin għal gwida, l-Istudenti tal-Bibbja ltaqgħu f’Cedar Point, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerika, mill-1 sat-8 taʼ Settembru 1919, għall-ewwel konvenzjoni kbira wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. Matul it-tieni ġurnata, Ħuna Rutherford ta taħdita lid-delegati u bla tlaqliq qal: “Id-dmir taʼ Kristjan fuq l-art . . . hu li jħabbar il-messaġġ tas-Saltna tal-Mulej.”
9 Tlett ijiem wara, Ħuna Rutherford ta l-iktar taħdita eċċitanti f’dik il-konvenzjoni. It-taħdita kellha t-titlu “Taħdita għall-ħaddiema sħabna,” u kienet ippubblikata fit-Torri tal-Għassa bit-titlu “Inħabbru s-Saltna.” Hu qal: “Meta Kristjan jieqaf jaħseb għal ftit, b’mod naturali jistaqsi lilu nnifsu, Għaliex qiegħed fid-dinja? It-tweġiba tiegħu għandha tkun, Il-Mulej b’mod grazzjuż għamilni l-ambaxxatur tiegħu biex inxandar lid-dinja l-messaġġ divin taʼ rikonċiljazzjoni, u huwa l-privileġġ tiegħi u d-dmir tiegħi li nħabbar dan il-messaġġ.”
10 F’din it-taħdita taʼ min jibqaʼ jiftakarha, Ħuna Rutherford ħabbar li rivista ġdida, The Golden Age (issa tissejjaħ Stenbaħ!), kienet se tiġi ppubblikata biex tidderieġi n-nies għas-Saltna bħala li hi l-unika tama għall-bniedem. Imbagħad saqsa kemm kien hemm nies fl-udjenza li riedu jkollhom sehem f’li jqassmu din ir-rivista. Rapport dwar il-konvenzjoni spjega li dawk kollha fl-udjenza, jiġifieri 6,000 individwu, qamu bilwieqfa biex juru li kienu lesti li jieħdu sehem fix-xogħol, u dan kien impressjonanti ferm. b B’mod ċar, is-Sultan kellu wħud li kienu jappoġġawh minn rajhom u kienu ħerqanin biex ixandru s-Saltna tiegħu!
11, 12. Fl-1920, It-Torri tal-Għassa x’qal dwar meta kellu jsir ix-xogħol li bassar Ġesù?
11 Pubblikazzjonijiet stampati. Permezz tat-Torri tal-Għassa, ix-xogħol imbassar minn Ġesù—jiġifieri, l-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna—ingħata iktar u iktar importanza. Ikkunsidra xi eżempji mill-bidu tas-snin 20.
12 Liema messaġġ kellu jiġi mxandar biex jitwettaq Mattew 24:14? Dan ix-xogħol meta kellu jsir? Fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Lulju 1920, l-artiklu bit-titlu “Evanġelju tas-Saltna” spjega l-messaġġ billi qal: “L-aħbar tajba hawnhekk hi dwar it-tmiem tas-sistema qadima u t-twaqqif tas-Saltna tal-Messija.” L-artiklu b’mod ċar wera meta dan il-messaġġ se jiġi pritkat, billi qal: “Dan il-messaġġ għandu jiġi mxandar bejn iż-żmien tal-gwerra dinjija kbira [l-Ewwel Gwerra Dinjija] u ż-żmien tat-‘tribulazzjoni l-kbira.’” Għaldaqstant, l-artiklu qal: “Issa huwa ż-żmien . . . biex inxandru maʼ kullimkien fil-Kristjaneżmu din l-aħbar tajba.”
13. Fl-1921, It-Torri tal-Għassa kif ipprova jmiss il-qalb tal-Kristjani midlukin ħalli joffru ruħhom minn rajhom?
13 Kienu se jkunu mġegħlin in-nies t’Alla biex jagħmlu x-xogħol imbassar minn Ġesù? Le. L-artiklu “Agħmel kuraġġ,” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Marzu 1921, ipprova jmiss il-qalb tal-Kristjani midlukin ħalli joffru ruħhom minn rajhom. Kull wieħed minnhom kien inkuraġġit li jsaqsi lilu nnifsu: “Mhuwiex l-akbar privileġġ tiegħi, kif ukoll id-dmir tiegħi, li nipparteċipa f’dan ix-xogħol?” L-artiklu kompla jgħid: ‘Ninsabu ċerti li meta tarawh bħala privileġġ li tistgħu tieħdu sehem fix-xogħol, intom se tkunu bħal Ġeremija, li f’qalbu l-kelma tal-Mulej kienet “bħal nar jaqbad magħluq fl-għadam tiegħu,” u li tant ħeġġitu li ma setax iżomm lura milli jitkellem.’ (Ġer. 20:9) Dan l-inkuraġġiment mill-qalb irrifletta l-fiduċja li Ġeħova u Ġesù għandhom f’dawk li jappoġġaw is-Saltna b’lealtà.
14, 15. Fl-1922, It-Torri tal-Għassa ħeġġeġ lill-Kristjani midlukin biex jilħqu lil oħrajn b’liema mod?
14 Il-Kristjani veri kif għandhom jilħqu lil oħrajn bil-messaġġ tas-Saltna? Fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 t’Awwissu 1922, l-artiklu “Is-servizz hu essenzjali,” li kien qasir imma li ħalla impatt, ħeġġeġ lill-Kristjani midlukin biex jieħdu sehem “b’mod attiv f’li jwasslu l-messaġġ stampat lin-nies u jitkellmu magħhom fi djarhom u jagħtu xhieda li s-Saltna tas-sema hi fil-qrib.”
15 B’mod ċar, mill-1919 ’il quddiem, Kristu uża lill-ilsir leali u għaqli biex jenfasizza għal darba wara l-oħra li l-privileġġ u d-dmir taʼ Kristjan fuq l-art hu li jxandar il-messaġġ tas-Saltna. Imma l-Istudenti tal-Bibbja tal-bidu, kif irreaġixxew għall-inkuraġġiment biex jieħdu sehem fix-xogħol tax-xandir tas-Saltna?
“Dawk leali se jkunu volontieri”
16. Xi anzjani li kienu eletti, kif irreaġixxew għall-idea li kulħadd għandu jieħu sehem fil-ministeru?
16 Fis-snin 20 u 30, xi wħud opponew l-idea li l-Kristjani midlukin kollha għandhom jieħdu sehem fil-ministeru. It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Novembru 1927, spjega x’kien qed jiġri: “Illum hemm uħud fil-kongregazzjoni li jaqdu bħala anzjani . . . li qed jirrifjutaw li jħeġġu lil ħuthom biex ikollhom sehem fis-servizz, u li huma nfushom qed jirrifjutaw li jipparteċipaw f’dan is-servizz. . . . Huma jiddieħqu bl-idea li jmorru minn bieb għal bieb biex ixandru lin-nies il-messaġġ dwar Alla, is-Sultan u s-Saltna tiegħu.” Mingħajr ma qagħad idur mal-lewża, l-artiklu qal: “Wasal iż-żmien għal dawk leali biex jimmarkaw lil dawn l-uħud u jevitawhom, u biex jgħidulhom li m’għadniex nafdaw lil dawn l-irġiel bħala anzjani.” c
17, 18. Il-maġġorparti tan-nies fil-kongregazzjonijiet, kif laqgħu d-direzzjoni mill-kwartieri ġenerali, u miljuni taʼ nies kif laqgħu d-direzzjoni matul l-aħħar 100 sena?
17 B’ferħ, il-maġġorparti tan-nies fil-kongregazzjonijiet b’entużjażmu laqgħu d-direzzjoni mill-kwartieri ġenerali. Huma qisuh bħala privileġġ li jxandru l-messaġġ tas-Saltna. It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Marzu 1926, poġġieha b’dan il-mod: “Dawk leali se jkunu volontieri . . . biex jgħidu dan il-messaġġ lin-nies.” Dawn l-uħud leali għexu fi qbil mal-kliem profetiku li jinsab f’Salm 110:3 u wrew li minn rajhom appoġġaw lis-Sultan Messjaniku.
18 Matul l-aħħar 100 sena, miljuni taʼ nies offrew lilhom infushom minn rajhom biex jagħmlu x-xogħol tax-xandir tas-Saltna. Fil-kapitli li ġejjin, se niddiskutu kif ippritkaw—jew, il-metodi u l-għodod li użaw—u liema riżultati kellhom. Imma, l-ewwel, ħalli niddiskutu għala miljuni ppritkaw dwar is-Saltna b’mod volontarju minkejja li d-dinja hi tant egoistika. Hekk kif nikkunsidraw dan, nagħmlu tajjeb li nsaqsu lilna nfusna, ‘Jien għala naqsam l-aħbar tajba m’oħrajn?’
“Ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna”
19. Għala nobdu l-parir taʼ Ġesù biex ‘nibqgħu nfittxu l-ewwel is-saltna’?
19 Ġesù ta parir lis-segwaċi tiegħu biex ‘jibqgħu jfittxu l-ewwel is-saltna.’ (Mt. 6:33) Għala nobdu dan il-parir? Bażikament, għax nirrikonoxxu l-importanza tas-Saltna, li hi parti prinċipali tal-iskop t’Alla. Kif rajna fil-kapitlu taʼ qabel, l-ispirtu qaddis bil-mod il-mod kixef veritajiet eċċitanti dwar is-Saltna. Meta l-veritajiet prezzjużi dwar is-Saltna jmissulna qalbna, aħna nħossuna mqanqlin biex infittxu l-ewwel is-Saltna.
20. It-tixbiha taʼ Ġesù tat-teżor moħbi, kif turi li s-segwaċi tiegħu kienu se jilqgħu l-parir li jibqgħu jfittxu l-ewwel is-Saltna?
20 Ġesù kien jaf kif is-segwaċi tiegħu kienu se jilqgħu l-parir biex jibqgħu jfittxu l-ewwel is-Saltna. Ikkunsidra t-tixbiha tiegħu tat-teżor moħbi. (Aqra Mattew 13:44.) Matul il-ġurnata tax-xogħol tiegħu, il-ħaddiem li jaħdem fl-għelieqi fit-tixbiha jinzerta jsib teżor moħbi u mill-ewwel jagħraf il-valur tiegħu. X’jagħmel? “Tant jifraħ li jmur u jbigħ kulma għandu u jixtri dik l-għalqa.” X’inhi l-lezzjoni għalina? Meta nsibu l-verità tas-Saltna u nagħrfu l-valur tagħha, ma niddejqux nagħmlu kwalunkwe sagrifiċċju li hemm bżonn biex inżommu l-interessi tas-Saltna fejn suppost—l-ewwel f’ħajjitna. d
21, 22. Dawk li jappoġġaw is-Saltna b’lealtà, kif juru li qed ifittxu l-ewwel is-Saltna? Agħti eżempju.
21 Dawk li jappoġġaw is-Saltna b’lealtà mhux biss jgħidu li qed ifittxu l-ewwel is-Saltna imma juru dan bil-fatti wkoll. Huma jiddedikaw il-ħajja, l-abbiltajiet, u r-riżorsi tagħhom għax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna. Ħafna wħud għamlu sagrifiċċji kbar biex jibdew u jibqgħu fil-ministeru fultajm. Dawk kollha li jippritkaw minn rajhom esperjenzaw personalment kif Ġeħova jbierek lil dawk li jpoġġu l-ewwel is-Saltna. Ikkunsidra eżempju mis-snin 20 tas-seklu 20.
22 Avery u Lovenia Bristow bdew jaqdu flimkien bħala pijunieri fl-aħħar tas-snin 20 fin-Nofsinhar tal-Istati Uniti. Snin wara, Lovenia tiftakar: “Mindu bdejna naqdu bħala pijunieri, jien u Avery kellna ħafna snin taʼ ferħ flimkien. Kien hemm ħafna drabi fejn ma konniex nafu minn fejn se nġibu l-flus għall-fjuwil jew l-ikel. Imma b’xi mod jew ieħor, Ġeħova dejjem ipprovda. Bqajna għaddejjin fix-xogħol taʼ pijunier. Dejjem kellna dak li kien meħtieġ.” Lovenia ftakret f’okkażjoni minnhom meta bdew jaqdu fil-belt taʼ Pensacola, Florida, u bilkemm kellhom flus jew x’jieklu. Meta waslu d-dar, sabu żewġ basktijiet kbar mimlijin ikel flimkien maʼ nota li kienet tgħid: “Bi mħabba mill-kongregazzjoni tal-Pensacola.” Meta qagħdet taħseb dwar l-għaxriet taʼ snin li qattgħet fil-ministeru fultajm, Lovenia qalet: “Ġeħova qatt ma jabbandunana. Qatt ma jiddiżappuntana jekk nafdaw fih.”
23. Kif tħossok dwar il-verità tas-Saltna li sibt, u x’int determinat li tagħmel?
23 Mhux kulħadd jistaʼ jqattaʼ l-istess ammont taʼ ħin fl-ippritkar. Iċ-ċirkustanzi tagħna jvarjaw. Madanakollu, ilkoll nistgħu nqisuh bħala privileġġ li niddikjaraw l-aħbar tajba b’ruħna kollha. (Kol. 3:23) Minħabba li ngħożżu l-verità prezzjuża tas-Saltna li sibna, aħna lesti—iva, ħerqanin—li nagħmlu kwalunkwe sagrifiċċju li nistgħu sabiex naqdu bl-iktar mod possibbli. Int determinat biex tagħmel hekk?
24. X’inhu wieħed mill-ikbar affarijiet li wettqet is-Saltna fl-aħħar żminijiet?
24 Matul l-aħħar seklu, is-Sultan tassew kien qed iwettaq il-kliem profetiku tiegħu mniżżel f’Mattew 24:14. U għamel hekk mingħajr ma ġiegħel lil ħadd. Wara li s-segwaċi tiegħu joħorġu minn din id-dinja egoistika, huma joffru lilhom infushom minn rajhom għall-ippritkar. L-ippritkar tal-aħbar tajba mad-dinja kollha hu parti mis-sinjal tal-preżenza taʼ Ġesù bħala s-Sultan tas-Saltna—u wieħed mill-ikbar affarijiet li wettqet is-Saltna fl-aħħar żminijiet.
a Fil-Bibbja, in-nida hi assoċjata mal-abbundanza.—Ġen. 27:28; Mik. 5:7.
b Il-ktejjeb To Whom the Work Is Entrusted spjega li matul kampanja taʼ The Golden Age l-aħwa kellhom imorru minn dar għal dar bil-messaġġ tas-Saltna u jħallu kopja tar-rivista The Golden Age, kemm jekk l-inkwilin jabbona għar-rivista u kemm jekk le. Għal ħafna snin wara dan, l-aħwa kienu inkuraġġiti biex lin-nies joffrulhom abbonament tar-rivista The Golden Age flimkien mat-Torri tal-Għassa. B’seħħ mill-1 taʼ Frar 1940, ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu inkuraġġiti biex iqassmu r-rivisti fid-djar u biex jirrapportaw kemm kienu ħallew.
c F’dak iż-żmien, l-anzjani kienu jiġu eletti b’mod demokratiku mill-membri tal-kongregazzjoni. B’hekk, kongregazzjoni setgħet tirrifjuta li tivvota għall-irġiel li kienu qed jopponu x-xogħol tal-ministeru. Kapitlu 12 se jiddiskuti kif l-anzjani bdew jinħatru b’mod teokratiku.
d Ġesù ħareġ punt simili fit-tixbiha tiegħu tal-merkant li jivvjaġġa li jmur ifittex perla taʼ valur kbir. Meta l-merkant isibha, ibigħ kulma għandu u jixtriha. (Mt. 13:45, 46) Iż-żewġ tixbihat jgħallmuna wkoll li nistgħu nitgħallmu l-verità tas-Saltna b’diversi modi. Hemm min jinzerta jsibha, biex ngħidu hekk; u hemm min ifittixha. Imma nsibuha kif insibuha l-verità, aħna lesti li nagħmlu sagrifiċċji biex f’ħajjitna npoġġu l-ewwel is-Saltna.