KAPITLU 5
Is-Sultan jagħti iktar dettalji dwar is-Saltna
1, 2. Ġesù f’liema sens wera li kien gwida għaqli?
IMMAĠINA li gwida tal-esperjenza qed iddawrek maʼ belt sabiħa u tal-għaġeb. Din l-ewwel darba li int u dawk li qegħdin miegħek qed taraw il-belt, u għalhekk tismaʼ b’attenzjoni kull kelma li tgħid il-gwida. F’waqtiet minnhom, int u sħabek it-turisti b’eċċitament toqogħdu taħsbu dwar ftit mill-postijiet taʼ interess fil-belt li għadkom ma rajtux. Madanakollu, meta tistaqsi lill-gwida tiegħek dwar dawn l-affarijiet, hi ma tgħid xejn sakemm jasal il-ħin eżatt, jiġifieri, meta taslu ħdejn il-post taʼ interess. Mal-ħin, int tkompli timpressjona ruħek bl-għerf tagħha, għax hi tgħidlek dak li għandek bżonn tkun taf preċiż meta jkollok bżonn tkun tafu.
2 Il-Kristjani veri qegħdin f’sitwazzjoni simili għal dik tat-turisti. Aħna b’ħerqa qed nitgħallmu dwar l-iktar belt meraviljuża, “il-belt li għandha sisien taʼ veru,” is-Saltna t’Alla. (Ebr. 11:10) Meta kien fuq l-art, Ġesù personalment iggwida lis-segwaċi tiegħu u wassalhom għal għarfien iktar profond dwar dik is-Saltna. Imma ma wiġibx f’daqqa l-mistoqsijiet kollha tagħhom u lanqas ma qalilhom kollox dwar dik is-Saltna mill-ewwel. Minflok, qalilhom: “Għad għandi ħafna x’ngħidilkom, imma fil-preżent ma tifilħux għalih.” (Ġw. 16:12) Bħala l-iktar gwida għaqli, Ġesù qatt m’għabba lid-dixxipli tiegħu b’għarfien li ma kinux jifilħu għalih.
3, 4. (a) Ġesù kif kompla jgħallem lin-nies leali dwar is-Saltna t’Alla? (b) X’se nikkunsidraw f’dan il-kapitlu?
3 Ġesù qal il-kliem imniżżel fi Ġwanni 16:12 fl-aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-art. Wara mewtu, kif kien se jkompli jgħallem lin-nies leali dwar is-Saltna t’Alla? Hu serraħ moħħ l-appostli tiegħu billi qalilhom: “L-ispirtu tal-verità, jiggwidakom lejn il-verità kollha.” (Ġw. 16:13) Nistgħu nqabblu lill-ispirtu qaddis maʼ gwida paċenzjuża. L-ispirtu hu l-mezz li Ġesù juża biex jgħallem lis-segwaċi tiegħu kulma jkollhom bżonn ikunu jafu dwar is-Saltna t’Alla—preċiż meta jkollhom bżonn ikunu jafuh.
4 Ejja nikkunsidraw kif l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova kien u għadu qed jiggwida lill-Kristjani sinċieri ħalli jiksbu fehma aħjar dwar dik is-Saltna. L-ewwel, se nikkunsidraw kif wasalna għall-fehma tagħna dwar meta bdiet taħkem is-Saltna t’Alla. Imbagħad se neżaminaw min huma l-ħakkiema tas-Saltna u s-sudditi tagħha u x’tama għandhom. Fl-aħħar nett, se naraw kif is-segwaċi taʼ Kristu kisbu fehma iktar ċara dwar x’tinvolvi l-lealtà lejn is-Saltna.
Tiġi mifhuma sena importanti ħafna
5, 6. (a) L-Istudenti tal-Bibbja liema ideat żbaljati kellhom dwar li s-Saltna tiġi stabbilita u dwar il-ħsad? (b) Ideat żbaljati bħal dawn għala m’għandhomx jitfgħu dubji dwar jekk Ġesù kienx qed jiggwida lis-segwaċi tiegħu?
5 Bħalma rajna f’Kapitlu 2 taʼ dan il-ktieb, l-Istudenti tal-Bibbja qattgħu għaxriet taʼ snin jgħidu li s-sena 1914 kienet se tkun sinifikanti fit-twettiq tal-profezija Biblika. Però, dak iż-żmien kienu jemmnu li l-preżenza taʼ Kristu kienet bdiet fl-1874, li beda jaħkem fis-sema fl-1878, u li s-Saltna ma kinitx se tiġi stabbilita bis-sħiħ qabel Ottubru tal-1914. Il-ħsad kellu jsir bejn l-1874 u l-1914 u kellu jispiċċa meta l-midlukin jinġabru fis-sema. Ideat żbaljati bħal dawn, jitfgħu dubji dwar jekk Ġesù kienx qed jiggwida lil dawn l-uħud leali permezz tal-ispirtu qaddis?
6 Lanqas xejn! Erġaʼ aħseb dwar it-tixbiha li ftaħna biha. L-ideat żbaljati u l-mistoqsijiet ħerqanin tat-turisti, jitfgħu dubji dwar kemm hi taʼ min joqgħod fuqha l-gwida tagħhom? Le! B’mod simili, għalkemm in-nies t’Alla kultant jipprovaw jifhmu dettalji dwar l-iskop taʼ Ġeħova qabel ma jkun il-waqt li l-ispirtu qaddis jiggwidahom lejn dawn il-veritajiet, xorta jidher ċar li Ġesù qed jiggwidahom. B’hekk, uħud leali juru li huma lesti li jiġu koreġuti u b’umiltà jaġġustaw l-ideat tagħhom.—Ġak. 4:6.
7. In-nies t’Alla ġew imberkin b’liema ‘leħħiet taʼ dawl’ spiritwali?
7 Fis-snin taʼ wara l-1919, in-nies t’Alla tbierku b’iktar u iktar ‘leħħiet taʼ dawl’ spiritwali. (Aqra Salm 97:11.) Fl-1925, fit-Torri tal-Għassa deher artiklu importanti intitolat “Twelid tal-ġens.” Fih kien hemm evidenza Skritturali li wriet b’mod ċar li s-Saltna Messjanika kienet twieldet fl-1914. B’hekk, din is-Saltna wettqet il-viżjoni profetika mniżżla f’Rivelazzjoni kapitlu 12 dwar il-mara t’Alla fis-sema li tiled iben. a L-artiklu wera wkoll li l-persekuzzjoni u l-inkwiet li ġew fuq in-nies taʼ Ġeħova matul dawk is-snin taʼ gwerra kienu sinjali ċari li Satana kien twaddab għal isfel mis-sema, u li “għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.”—Riv. 12:12.
8, 9. (a) L-importanza tas-Saltna t’Alla kif ġiet enfasizzata? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
8 Is-Saltna kemm hi importanti? Fl-1928, It-Torri tal-Għassa beda jenfasizza li s-Saltna kienet iktar importanti mis-salvazzjoni persunali permezz tal-fidwa. Tabilħaqq, huwa permezz tas-Saltna Messjanika li Ġeħova se jqaddes ismu, juri li għandu kull dritt li jkun is-Sovran, u jwettaq l-iskopijiet kollha tiegħu rigward l-umanità.
9 Min kien se jaħkem maʼ Kristu f’dik is-Saltna? Min kienu se jkunu s-sudditi fuq l-art taʼ dik is-Saltna? U b’liema xogħol kellhom ikunu medhijin is-segwaċi taʼ Kristu?
Ix-xogħol tal-ħsad jiffoka fuq il-midlukin
10. In-nies t’Alla x’ilhom jifhmu dwar il-144,000?
10 Għaxriet taʼ snin qabel l-1914, il-Kristjani veri kienu diġà fehmu li 144,000 segwaċi leali taʼ Kristu kienu se jaħkmu miegħu fis-sema. b Dawk l-Istudenti tal-Bibbja fehmu li n-numru kien letterali u li dawn is-segwaċi leali bdew jintgħażlu fl-ewwel seklu EK.
11. Maż-żmien, il-midlukin kif kisbu fehma aħjar dwar l-inkarigu tagħhom fuq l-art?
11 Iżda, x’inkarigu kellhom dawk il-midlukin waqt li kienu għadhom fuq l-art? Huma raw li Ġesù kien enfasizza x-xogħol tal-ippritkar u kien għamel konnessjoni bejn dan ix-xogħol u l-perijodu taʼ ħsad. (Mt. 9:37; Ġw. 4:35) Bħalma nnotajna f’Kapitlu 2, għal xi żmien kienu jemmnu li l-perijodu taʼ ħsad kellu jdum 40 sena, u jispiċċa meta l-midlukin jinġabru fis-sema. Imma, peress li x-xogħol kompla wara li għaddew l-40 sena, l-affarijiet kellhom jiġu ċċarati iktar. Issa nafu li żmien il-ħsad—iż-żmien li fih il-qamħ kellu jiġi separat mis-sikrana, jiġifieri meta l-Kristjani midlukin u leali jiġu separati mill-Kristjani foloz—beda fl-1914. Kien wasal iż-żmien biex jiffokaw fuq li jiġbru dawk li kien baqaʼ mill-midlukin!
12, 13. It-tixbihat taʼ Ġesù dwar l-10 verġni u dwar it-talenti, kif twettqu fl-aħħar jiem?
12 Mill-1919 ’il quddiem, Kristu baqaʼ jiggwida lill-ilsir leali u għaqli biex dan jenfasizza x-xogħol tal-ippritkar. Kristu kien ta dan l-inkarigu fl-ewwel seklu. (Mt. 28:19, 20) Ukoll, wera liema kwalitajiet kien se jkollhom bżonn is-segwaċi midlukin tiegħu sabiex iwettqu dan l-inkarigu tal-ippritkar. Kif? Fit-tixbiha tiegħu dwar l-10 verġni, hu wera li l-midlukin kellhom jibqgħu għassa, jew attenti spiritwalment, jekk riedu jilħqu l-iktar mira importanti tagħhom f’li jieħdu sehem fil-festa kbira tat-tieġ fis-sema, meta Kristu se jingħaqad mal-“għarusa” tiegħu taʼ 144,000. (Riv. 21:2) Imbagħad, fit-tixbiha tiegħu dwar it-talenti, Ġesù għallem li l-qaddejja midlukin tiegħu kellhom ikunu diliġenti f’li jwettqu x-xogħol tal-ippritkar li kien fdalhom f’idejhom.—Mt. 25:1-30.
13 Il-midlukin urew li kienu kemm attenti ferm u kemm diliġenti matul is-seklu li għadda. Żgur li se jiġu premjati talli baqgħu għassa! Madanakollu, kellu x-xogħol il-kbir tal-ħsad jinvolvi biss il-ġbir tal-bqija tal-144,000 ħakkiem bi sħab maʼ Kristu?
Is-Saltna tiġbor is-sudditi tagħha fuq l-art!
14, 15. Liema erbaʼ gruppi differenti ġew diskussi fil-ktieb The Finished Mystery?
14 Irġiel u nisa leali ilhom żmien twil ikunu kurjużi ħafna dwar il-‘folla l-kbira’ li tissemma f’Rivelazzjoni 7:9-14. Għalhekk, ma nissorprendux ruħna li qabel ma wasal iż-żmien biex Kristu jirrivela l-identità taʼ dan il-grupp kbir ferm, ħafna minn dak li ntqal dwar is-suġġett kien differenti ferm mill-veritajiet ċari u sempliċi li nafu u ngħożżu llum.
15 Fl-1917, il-ktieb The Finished Mystery qal li hemm żewġ gruppi taʼ nies li kienu se jsalvaw u jgħixu fis-sema, u żewġ gruppi taʼ nies li kienu se jsalvaw u jgħixu fuq l-art. Min kienu l-erbaʼ gruppi taʼ nies b’dawk it-tamiet differenti għas-salvazzjoni? L-ewwel, kien hemm il-144,000, li kellhom jaħkmu maʼ Kristu. It-tieni, kien hemm il-folla l-kbira. Lura f’dak iż-żmien, l-idea kienet li dawn kienu Kristjani tal-isem li kienu għadhom fil-knejjes tal-Kristjaneżmu. Kellhom xi ftit tal-fidi imma mhux biżżejjed biex jieħdu waqfa soda favur l-integrità. Għalhekk, kellhom jingħataw pożizzjonijiet inferjuri fis-sema. Inkwantu għall-art, kien maħsub li t-tielet grupp kien magħmul minn uħud leali tal-imgħoddi, bħal Abraham, Mosè, u oħrajn, li kellu jkollhom pożizzjonijiet t’awtorità fuq ir-rabaʼ grupp, id-dinja tal-umanità.
16. Liema leħħiet taʼ dawl spiritwali kellhom fl-1923 u fl-1932?
16 L-ispirtu qaddis kif iggwida lis-segwaċi taʼ Kristu għall-fehma li ngħożżu llum? Dan ġara bil-mod il-mod, permezz taʼ serje taʼ leħħiet taʼ dawl spiritwali. Sa mill-1923, It-Torri tal-Għassa ġibed l-attenzjoni lejn grupp li ma kellu l-ebda xewqa li jmur fis-sema imma li kien se jgħix fuq l-art taħt ir-renju taʼ Kristu. Fl-1932, It-Torri tal-Għassa ddiskuta lil Ġonadab (Ġeħonadab), li ngħaqad maʼ Ġeħu, sultan Iżraeli midluk t’Alla, biex jappoġġah fil-gwerra kontra l-qima falza. (2 Slat. 10:15-17) L-artiklu qal li kien hemm grupp taʼ nies fiż-żminijiet moderni li kienu bħal Ġonadab, u żied jgħid li Ġeħova se jgħaddi dan il-grupp “minn ġol-inkwiet t’Armageddon” biex jgħix hawnhekk fuq l-art.
17. (a) Fl-1935, liema dawl spiritwali ġdid kellhom? (b) Il-Kristjani leali kif ġew effettwati bil-fehma ġdida dwar il-folla l-kbira? (Ara l-kaxxa “ Ħadu r-ruħ.”)
17 Fl-1935, kellhom dawl spiritwali ġdid li kien eċċitanti. Fil-konvenzjoni li nżammet f’Washington, D.C., il-folla l-kbira kienet identifikata bħala grupp li se jgħix fuq l-art, l-istess bħan-nagħaġ fil-parabbola taʼ Ġesù dwar in-nagħaġ u l-mogħoż. (Mt. 25:33-40) Il-folla l-kbira kienet se tkun fost in-“nagħaġ oħrajn,” li dwarhom Ġesù qal: “Lil dawn ukoll irrid inġibhom.” (Ġw. 10:16) Meta l-kelliemi, J. F. Rutherford, staqsa: “Jistgħu dawk kollha li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art iqumu bilwieqfa jekk jogħġobhom?” iktar minn nofs l-udjenza qamet bilwieqfa! Hu ddikjara: “Ara! Il-folla l-kbira!” Ħafna tqanqlu profondament meta sa fl-aħħar fehmu x’kienet it-tama tagħhom għall-futur.
18. Is-segwaċi taʼ Kristu kif iffokaw l-isforzi tagħhom fuq il-ministeru, u b’liema riżultat?
18 Minn dak iż-żmien ’l hawn, Kristu ggwida lin-nies tiegħu biex jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq li jiġbru l-membri prospettivi taʼ din il-folla l-kbira li se toħroġ, qawwija u sħiħa, mit-tribulazzjoni l-kbira. Għall-ewwel, ma tantx inġabru nies. Ħuna Rutherford darba saħansitra kkummenta: “Milli jidher il-‘folla l-kbira’ mhix se tkun daqshekk kbira wara kollox.” Naturalment, issa nafu kemm Ġeħova bierku bil-kbir il-ħsad minn dak iż-żmien ’l hawn! Taħt il-gwida taʼ Ġesù u l-ispirtu qaddis, kemm il-midlukin kif ukoll l-imseħbin tagħhom tan-“nagħaġ oħrajn” saru preċiż dak li bassar Ġesù—“merħla waħda” jaqdu flimkien taħt “ragħaj wieħed.”
19. Kif jistaʼ jkollna sehem f’li ngħinu lill-folla l-kbira tiżdied?
19 Il-biċċa l-kbira tan-nies leali se jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-art, maħkumin minn Kristu u l-144,000 ħakkiem bi sħab miegħu. Kemm nieħdu gost nimmeditaw fuq il-mod kif Kristu ggwida lin-nies t’Alla għal tama Skritturali ċara bħal din għall-futur! Ma taqbilx li hu privileġġ kbir li naqsmu din it-tama maʼ dawk li niltaqgħu magħhom fil-ministeru? Mela ejja nkunu attivi, skont kemm jippermettulna ċ-ċirkustanzi, sabiex il-folla l-kbira tkompli tiżdied fl-għadd, u b’hekk l-għajta taʼ tifħir lil isem Ġeħova ssir dejjem iktar qawwija!—Aqra Luqa 10:2.
X’tinvolvi l-lealtà lejn is-Saltna?
20. L-organizzazzjoni taʼ Satana hi magħmula minn liema oqsma, u l-lealtà Kristjana kif inhi involuta?
20 Hekk kif in-nies t’Alla komplew jitgħallmu dwar is-Saltna, huma kellhom bżonn jifhmu wkoll bis-sħiħ xi jfisser li tkun leali lejn dak il-gvern fis-sema. Rigward dan, fl-1922, It-Torri tal-Għassa indika li hemm żewġ organizzazzjonijiet—taʼ Ġeħova u taʼ Satana. Dik taʼ Satana hi magħmula minn oqsma kummerċjali, reliġjużi, u politiċi. Dawk li huma leali lejn is-Saltna t’Alla taħt Kristu m’għandhomx jagħmlu kompromess fejn tidħol il-lealtà tagħhom billi b’mod mhux xieraq jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe aspett tal-organizzazzjoni taʼ Satana. (2 Kor. 6:17) Dan xi jfisser?
21. (a) L-ilsir leali kif wissa lin-nies t’Alla dwar negozji kbar? (b) Fl-1963, It-Torri tal-Għassa xi rrivela dwar “Babilonja l-Kbira”?
21 L-ikel spiritwali mill-ilsir leali għal darba wara l-oħra kixef il-korruzzjoni taʼ negozji kbar u wissa lin-nies t’Alla biex ma jċedux għall-materjaliżmu sfrenat. (Mt. 6:24) Bl-istess mod, il-pubblikazzjonijiet tagħna baqgħu jiġbdu l-attenzjoni lejn il-qasam reliġjuż tal-organizzazzjoni taʼ Satana. Fl-1963, It-Torri tal-Għassa wera b’mod ċar li “Babilonja l-Kbira” ma rrappreżentatx biss lill-Kristjaneżmu, imma wkoll lill-imperu dinji kollu taʼ reliġjon falza. B’hekk, kif se naraw iktar bis-sħiħ f’Kapitlu 10 taʼ dan il-ktieb, in-nies t’Alla f’kull pajjiż u kultura ġew megħjunin biex ‘joħorġu minnha,’ billi jitnaddfu mill-prattiki reliġjużi foloz kollha.—Riv. 18:2, 4.
22. Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, ħafna min-nies t’Alla kif fehmu l-kliem f’Rumani 13:1?
22 Iżda, xi ngħidu dwar il-qasam politiku tal-organizzazzjoni taʼ Satana? Setgħu l-Kristjani veri jieħdu sehem fil-gwerer u l-konflitti tal-ġnus? Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-Istudenti tal-Bibbja fehmu li s-segwaċi taʼ Kristu ma kellhomx joqtlu lil sħabhom il-bnedmin. (Mt. 26:52) Madanakollu, għal ħafna, il-kliem li nsibu f’Rumani 13:1 biex inkunu ubbidjenti “lejn l-awtoritajiet superjuri” kien ifisser li kellhom jingħaqdu mal-armata, jilbsu l-uniformijiet tas-suldati, u saħansitra jġorru l-armi; imma, meta kienu jintalbu biex joqtlu lill-għadu, kienu jisparaw fl-arja.
23, 24. Kif konna nifhmuh Rumani 13:1 matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u s-segwaċi taʼ Kristu ġew gwidati lejn liema fehma iktar eżatta?
23 Hekk kif kienet qed tfaqqaʼ t-Tieni Gwerra Dinjija fl-1939, It-Torri tal-Għassa kien fih diskussjoni dettaljata dwar in-newtralità. L-artiklu wera biċ-ċar li l-Kristjani ma kellu jkollhom l-ebda parti fil-gwerer u l-konflitti tal-ġnus tad-dinja taʼ Satana. Xi gwida f’waqtha! B’hekk, is-segwaċi taʼ Kristu kienu protetti mis-sens kbir taʼ ħtija taʼ demm li baqgħu mċappsin biha l-ġnus f’dik il-gwerra. Però, b’seħħ mill-1929, il-pubblikazzjonijiet tagħna kienu rraġunaw ukoll li l-awtoritajiet superjuri taʼ Rumani 13:1 ma kinux il-ħakkiema sekulari, imma kienu Ġeħova u Ġesù. Xorta kienet għadha meħtieġa fehma iktar eżatta.
24 L-ispirtu qaddis iggwida lis-segwaċi taʼ Kristu għal fehma bħal din fl-1962, meta ġew pubblikati artikli importanti dwar Rumani 13:1-7 fil-ħarġiet tat-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Novembru u l-1 taʼ Diċembru. Fl-aħħar, in-nies t’Alla fehmu l-prinċipju taʼ li jkunu sottomessi sa ċertu punt. Dan il-prinċipju rrivelah Ġesù fil-kliem famuż tiegħu: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.” (Lq. 20:25) Il-Kristjani veri issa jifhmu li l-awtoritajiet superjuri huma l-qawwiet sekulari taʼ din id-dinja u li l-Kristjani jridu jkunu sottomessi lejhom. Madanakollu, sottomissjoni bħal din tiddependi minn dak li qed jiġi mitlub minna. Meta l-awtoritajiet, jew il-qawwiet, sekulari jitolbuna biex ma nobdux lil Alla Ġeħova, inwieġbu bħalma wieġbu l-appostli tal-qedem: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.” (Atti 5:29) F’Kapitli 13 u 14 taʼ dan il-ktieb, se nitgħallmu iktar dwar kif in-nies t’Alla segwew il-prinċipju taʼ newtralità Kristjana.
25. Int għala tapprezza l-gwida tal-ispirtu qaddis f’li tifhem is-Saltna t’Alla?
25 Aħseb dwar kulma ġew mgħallmin is-segwaċi taʼ Kristu dwar is-Saltna fis-seklu li għadda. Tgħallimna meta s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-sema u kemm hi importanti. Għandna stampa ċara dwar iż-żewġ tamiet offruti lin-nies leali, it-tama għas-sema u t-tama għall-art. U nafu kif għandna nuru l-lealtà tagħna lejn is-Saltna t’Alla waqt li nkunu sottomessi sa ċertu punt lejn l-awtoritajiet dinjin. Saqsi lilek innifsek, ‘Kont inkun naf kwalunkwe waħda minn dawn il-veritajiet prezzjużi li kieku Ġesù Kristu ma kienx iggwida lill-ilsir leali tiegħu fuq l-art biex jifhimhom u mbagħad jgħallimhom?’ Aħna mberkin bil-kbir li għandna lil Kristu u l-ispirtu qaddis jiggwidawna!
a Qabel dak iż-żmien, kien maħsub li l-viżjoni kienet tfisser gwerra bejn ir-reliġjon pagana tal-Imperu Ruman u l-Knisja Kattolika Rumana.
b F’Ġunju tal-1880, It-Torri tal-Għassa ssuġġerixxa li l-144,000 kellhom ikunu Lhud letterali li saru Kristjani sal-1914. Madanakollu, iktar tard fl-1880, ġiet pubblikata fehma li taqbel iktar mill-qrib mal-fehma li nħaddnu llum.