KAPITLU 3
Ġeħova jikxef l-iskop tiegħu
1, 2. Ġeħova kif kixef l-iskop tiegħu għall-bnedmin?
ĠENITURI li jimpurtahom minn uliedhom jinkluduhom f’diskussjonijiet dwar il-familja. Imma joqogħdu attenti mill-ammont taʼ informazzjoni li jaqsmu maʼ wliedhom. Huma jikxfu biss dawk id-dettalji li jħossu li wliedhom huma maturi biżżejjed biex jifhmu.
2 Bl-istess mod, Ġeħova bil-mod il-mod kixef l-iskop tiegħu għall-bnedmin. Iżda dan għamlu biss meta kien jaf li ż-żmien kien xieraq. Ikkunsidra ħarsa fuq fuq taʼ kif Ġeħova kixef veritajiet dwar is-Saltna matul l-istorja.
Għala hemm bżonn is-Saltna?
3, 4. Ġeħova għamel predestinazzjoni tal-mod kif kienu se jaġixxu l-bnedmin? Spjega.
3 Oriġinalment, is-Saltna Messjanika ma kinitx parti mill-iskop taʼ Ġeħova. Għala? Għax Ġeħova m’għamilx predestinazzjoni tal-mod kif kienu se jaġixxu l-bnedmin; wara kollox, hu ħalaqhom bil-libertà tal-għażla. B’hekk, qal lil Adam u Eva l-iskop tiegħu għall-bnedmin, billi qal: “Nisslu u oktru u imlew l-art u rażżnuha.” (Ġen. 1:28) Barra minn hekk, Ġeħova stenna li jirrispettaw il-livelli tiegħu taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġen. 2:16, 17) Adam u Eva setgħu għażlu li jibqgħu leali. Li kieku huma u d-dixxendenti tagħhom għamlu hekk, ma kienx ikollna bżonn is-Saltna maħkuma minn Kristu biex twettaq l-iskop t’Alla. Kieku, issa stess, id-dinja kienet tkun mimlija b’nies perfetti li lkoll iqimu lil Ġeħova.
4 Ġeħova m’abbandunax l-iskop tiegħu biex jimla l-art b’familja umana perfetta meta rribellaw Satana, Adam, u Eva. Minflok, Ġeħova addatta l-metodu tiegħu biex iwettaq l-iskop. L-iskop tiegħu mhuwiex bħal ferrovija li bilfors trid iżżomm maʼ rotta speċifika biex tasal sad-destinazzjoni tagħha u li tistaʼ tiġi mfixkla jew imwaqqfa bl-azzjonijiet taʼ ħaddieħor. Ladarba Ġeħova jgħid x’inhu l-iskop tiegħu, xejn u ħadd fl-univers kollu ma jistaʼ jwaqqfu milli jwettqu. (Aqra Isaija 55:11.) Jekk ċerta sfida tagħlaq rotta minnhom, Ġeħova sempliċement juża rotta oħra. a (Eżo. 3:14, 15) Meta jara li jkun xieraq, hu jgħid lill-qaddejja leali tiegħu bil-metodu l-ġdid li se juża biex iwettaq l-iskop tiegħu.
5. Ġeħova kif irreaġixxa għar-ribelljoni fl-Għeden?
5 Ġeħova rreaġixxa għar-ribelljoni fl-Għeden billi għamel is-Saltna parti mill-iskop tiegħu. (Mt. 25:34) F’dak il-perijodu ikrah fl-istorja umana, Ġeħova beda jikxef x’mezz kien se juża biex jerġaʼ jibni relazzjoni mal-umanità. U dan il-mezz kien se jużah ukoll biex ireġġaʼ lura l-ħsara kaġunata minn Satana meta bla suċċess ipprova jaħtaf il-poter. (Ġen. 3:14-19) Xorta waħda, Ġeħova ma tax id-dettalji kollha dwar is-Saltna f’daqqa.
Ġeħova jibda jikxef veritajiet dwar is-Saltna
6. Ġeħova x’wiegħed, imma x’ma kixifx?
6 Fl-ewwel profezija, Ġeħova wiegħed li ċertu ‘nisel’ kien se jisħaq lis-serp. (Aqra Ġenesi 3:15.) Madanakollu, dak iż-żmien Ġeħova ma kixifx l-identità taʼ dan in-nisel u l-identità tan-nisel tas-serp. Infatti, Ġeħova ma rrivelax iktar dettalji dwar dan għal xi 2,000 sena. b
7. Għala ntgħażel Abraham, u liema lezzjoni importanti nitgħallmu minn dan?
7 Eventwalment, Ġeħova għażel lil Abraham bħala l-wieħed li permezz tiegħu kien se jiġi n-nisel imwiegħed. Abraham intgħażel għax ‘semaʼ minn kliem Ġeħova.’ (Ġen. 22:18) Nitgħallmu lezzjoni importanti minn dan—Ġeħova jikxef l-iskop tiegħu biss lil dawk li għandhom biżaʼ bnin minnu.—Aqra Salm 25:14.
8, 9. Ġeħova liema dettalji dwar in-nisel imwiegħed kixef lil Abraham u Ġakobb?
8 Meta kien qed jitkellem mal-ħabib tiegħu Abraham permezz t’anġlu, Ġeħova għall-ewwel darba kixef dan id-dettall vitali dwar in-nisel imwiegħed: Kien se jkun bniedem. (Ġen. 22:15-17; Ġak. 2:23) Imma dan il-bniedem kif kien se jisħaq lis-serp? Min kien is-serp? Iktar ’il quddiem, Alla kien se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
9 Ġeħova ddeċieda li n-nisel imwiegħed kien se jiġi permezz taʼ Ġakobb, it-tifel tat-tifel t’Abraham. Ġakobb kien raġel li wera fidi kbira f’Alla. (Ġen. 28:13-22) Permezz taʼ Ġakobb, Ġeħova qal li l-Wieħed Imwiegħed kellu jkun dixxendent taʼ bin Ġakobb, Ġuda. Ġakobb ipprofetizza li dan id-dixxendent taʼ Ġuda kien se jirċievi “xettru,” li jissimbolizza awtorità rjali, u li “l-popli se jobdu” lil dan in-nisel. (Ġen. 49:1, 10) B’din id-dikjarazzjoni, Ġeħova ta x’jifhem li l-Wieħed Imwiegħed kien se jsir ħakkiem, jew sultan.
10, 11. Ġeħova għala kixef l-iskop tiegħu lil David u Danjel?
10 Xi 650 sena wara żmien Ġuda, Ġeħova kixef iktar dettalji dwar l-iskop tiegħu lis-Sultan David, dixxendent taʼ Ġuda. Ġeħova ddeskriva lil David bħala “raġel għal qalbu.” (1 Sam. 13:14; 17:12; Atti 13:22) Peress li David kellu biżaʼ bnin minn Alla, Ġeħova għażel li jagħmel patt miegħu billi wiegħdu li wieħed mid-dixxendenti tiegħu kien se jaħkem għal dejjem.—2 Sam. 7:8, 12-16.
11 Xi 500 sena wara, Ġeħova uża lill-profeta Danjel biex jirrivela s-sena eżatta meta dan il-Midluk, jew Messija, kien se jidher fuq l-art. (Dan. 9:25) Ġeħova qies lil Danjel bħala li kien “maħbub ferm.” Għala? Għax Danjel tassew irrispetta lil Ġeħova u qdieh kontinwament.—Dan. 6:16; 9:22, 23.
12. Danjel x’intqallu biex jagħmel, u għala?
12 Ġeħova uża profeti leali bħal Danjel biex iniżżlu bil-miktub għexieren taʼ dettalji dwar in-nisel imwiegħed, il-Messija. Però, kien għadu mhux il-waqt taʼ Ġeħova biex il-qaddejja tiegħu jifhmu s-sinifikat sħiħ taʼ dak li nebbaħhom jiktbu. Pereżempju, wara li ngħata viżjoni dwar it-twaqqif tas-Saltna t’Alla, Danjel intqallu biex jissiġilla l-profezija saż-żmien magħżul minn Ġeħova. F’dak iż-żmien fil-futur, l-għarfien veru kien se “jkun abbundanti.”—Dan. 12:4.
Ġesù jispjega iktar dwar l-iskop t’Alla
13. (a) Min kien in-nisel imwiegħed? (b) Ġesù kif ta iktar dettalji dwar il-profezija mniżżla f’Ġenesi 3:15?
13 Ġeħova b’mod ċar wera li Ġesù kien in-nisel imwiegħed, id-dixxendent taʼ David li kellu jaħkem bħala Sultan. (Lq. 1:30-33; 3:21, 22) Meta Ġesù beda l-ministeru tiegħu, hu għen lill-bnedmin jifhmu iktar l-iskop t’Alla. Tistaʼ tqabbel dan maʼ meta tkun qed teżamina oġġett u biex tkun tistaʼ tarah aħjar toħorġu fid-dawl tax-xemx. (Mt. 4:13-17) Pereżempju, Ġesù neħħa kull traċċa taʼ dubju dwar l-identità tas-“serp” imsemmi f’Ġenesi 3:14, 15, billi sejjaħ lix-Xitan “qattiel” u “missier il-gidba.” (Ġw. 8:44) Fir-rivelazzjoni li ta lil Ġwanni, Ġesù identifika lis-“serp oriġinali” bħala “dak li hu msejjaħ Xitan u Satana.” c (Aqra Rivelazzjoni 1:1; 12:9.) F’dik l-istess rivelazzjoni, Ġesù wera kif hu—in-nisel imwiegħed—fl-aħħar mill-aħħar se jwettaq il-profezija li ngħatat fl-Għeden u jisħaq lil Satana u jeqirdu.—Riv. 20:7-10.
14-16. Id-dixxipli fl-ewwel seklu dejjem fehmu s-sinifikat sħiħ tal-veritajiet li kixef Ġesù? Spjega.
14 Bħalma rajna f’Kapitlu 1 taʼ dan il-ktieb, Ġesù tkellem ħafna dwar is-Saltna. Imma mhux dejjem ta d-dettalji kollha li xtaqu jkunu jafu d-dixxipli. Anke meta ta dettalji speċifiċi, is-segwaċi taʼ Ġesù ma bdewx jifhmu s-sinifikat sħiħ tal-veritajiet li Sidhom kien kixef sakemm għadda xi żmien—kultant sekli sħaħ. Ikkunsidra xi ftit eżempji.
15 Fis-sena 33 EK, Ġesù għamilha ċara li l-ħakkiema sħabu li kienu se jgħinu lis-Sultan tas-Saltna t’Alla kienu se jittieħdu minn fuq l-art u jiġu rxoxtati bħala ħlejjaq spirti fis-sema. Iżda, id-dixxipli tiegħu ma fehmux mill-ewwel dan il-ħsieb. (Dan. 7:18; Ġw. 14:2-5) Fl-istess sena, Ġesù ta x’jifhem permezz taʼ tixbihat li s-Saltna ma kinitx se tiġi stabbilita sa ħafna żmien wara li jitlaʼ fis-sema. (Mt. 25:14, 19; Lq. 19:11, 12) Id-dixxipli ma fehmux dan il-punt vitali u iktar tard staqsew lil Ġesù rxoxtat: “F’dan iż-żmien se terġaʼ tistabbilixxi s-saltna taʼ Israel?” Imma Ġesù għażel li ma jagħtix iktar dettalji f’dak iż-żmien. (Atti 1:6, 7) Ġesù għallem ukoll li kien se jkun hemm “nagħaġ oħrajn,” li ma kinux se jkunu parti mill-‘merħla ż-żgħira’ tal-ħakkiema sħabu. (Ġw. 10:16; Lq. 12:32) Is-segwaċi taʼ Kristu ma fehmux sew l-identità taʼ dawn iż-żewġ gruppi sa ħafna snin wara li ġiet stabbilita s-Saltna fl-1914.
16 Kien hemm ħafna affarijiet li Ġesù setaʼ jgħid lid-dixxipli tiegħu waqt li kien magħhom fuq l-art, imma hu kien jaf li ma kinux jifilħu għalihom. (Ġw. 16:12) Bla dubju, inkixef ħafna għarfien dwar is-Saltna fl-ewwel seklu. Madanakollu, kien għadu mhux iż-żmien biex għarfien bħal dan ikun abbundanti.
L-għarfien veru jsir abbundanti fi “żmien it-tmiem”
17. X’għandna nagħmlu biex nifhmu l-veritajiet dwar is-Saltna, imma x’għandna bżonn ukoll?
17 Ġeħova wiegħed lil Danjel li matul “żmien it-tmiem,” ħafna wħud kienu se ‘jfittxu bir-reqqa’ “u l-għarfien veru” dwar l-iskop t’Alla kien se jkun abbundanti. (Dan. 12:4) Dawk li jridu dan l-għarfien għandhom jistinkaw biex jiksbuh. Imma neżaminaw kemm neżaminaw il-Bibbja bir-reqqa, ma nistgħux nifhmu sew il-veritajiet dwar is-Saltna jekk Ġeħova ma jgħinniex nifhmu.—Aqra Mattew 13:11.
18. Dawk li jibżgħu minn Ġeħova kif urew il-fidi u l-umiltà?
18 Sewwasew bħalma Ġeħova bil-mod il-mod kixef il-veritajiet dwar is-Saltna fil-perijodu li wassal għall-1914, hu hekk ikompli jagħmel matul żmien it-tmiem. Bħalma se juru Kapitli 4 u 5 taʼ dan il-ktieb, matul l-aħħar 100 sena, in-nies t’Alla kellhom jaġġustaw il-fehma tagħhom diversi drabi. Ifisser dan li m’għandhomx l-appoġġ taʼ Ġeħova? Għall-kuntrarju! Hu jappoġġahom. Għala? Għax dawk li jibżgħu minn Ġeħova wrew żewġ kwalitajiet li jħobb—il-fidi u l-umiltà. (Ebr. 11:6; Ġak. 4:6) Il-qaddejja taʼ Ġeħova huma fiduċjużi li l-wegħdi kollha fil-Kelma t’Alla se jitwettqu. Huma juru l-umiltà meta jammettu li ma fehmux eżatt kif se jitwettqu dawk il-wegħdi. Din l-attitudni umli tidher fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Marzu 1925, li qalet: “Nafu li l-Mulej jinterpreta lilu nnifsu u li se jinterpreta l-Kelma tiegħu lil niesu bil-mod u fiż-żmien li jidhirlu li hu tajjeb.”
“Il-Mulej . . . se jinterpreta l-Kelma tiegħu lil niesu bil-mod u fiż-żmien li jidhirlu li hu tajjeb”
19. Ġeħova issa x’ħalliena nifhmu, u għala?
19 Meta s-Saltna twaqqfet fl-1914, in-nies t’Alla ftit kellhom għarfien dwar kif profeziji rigward is-Saltna kienu se jitwettqu. (1 Kor. 13:9, 10, 12) Sforz iż-żelu biex naraw it-twettiq tal-wegħdi t’Alla, kultant wasalna għal konklużjonijiet żbaljati. Matul is-snin, sar jidher ċar kemm kienet għaqlija stqarrija oħra li saret fit-Torri tal-Għassa li kkwotajna fil-paragrafu taʼ qabel. L-artiklu qal: “Jidher li ma nkunux qed ngħidu ħażin jekk ngħidu li ma nistgħux nifhmu l-profeziji sakemm jitwettqu jew ikunu qed jitwettqu.” Issa li qegħdin lejn l-aħħar taʼ żmien it-tmiem, ħafna profeziji tas-Saltna twettqu jew qed jitwettqu. Minħabba li n-nies t’Alla huma umli u lesti li jiġu koreġuti, Ġeħova ħalliena nifhmu iktar bis-sħiħ l-iskop tiegħu. L-għarfien veru sar abbundanti!
Irfinar fil-fehma jgħaddi minn prova lin-nies t’Alla
20, 21. Irfinar fil-fehma kif effettwa lill-Kristjani tal-ewwel seklu?
20 Meta Ġeħova jirfina l-fehma tagħna tal-verità, il-kundizzjoni taʼ qalbna tgħaddi minn prova. Se jqanqluna l-fidi u l-umiltà biex naċċettaw il-bidliet? Il-Kristjani li għexu f’nofs l-ewwel seklu ffaċċjaw prova bħal din. Pereżempju, immaġina li int Kristjan Lhudi li qed tgħix f’dak iż-żmien. Int tassew tirrispetta l-Liġi Mosajka u kburi li tagħmel parti mill-ġens t’Iżrael. Issa tirċievi ittri mnebbħin mingħand l-appostlu Pawlu. Fihom issir taf li l-Liġi m’għadhiex tgħodd u li Ġeħova ċaħad lill-Iżrael naturali u minflok qed jiġbor Iżrael spiritwali magħmul kemm mil-Lhud kif ukoll mill-Ġentili. (Rum. 10:12; 11:17-24; Gal. 6:15, 16; Kol. 2:13, 14) Kieku int kif kont tirreaġixxi?
21 Kristjani umli aċċettaw l-ispjegazzjoni mnebbħa taʼ Pawlu u tbierku minn Ġeħova. (Atti 13:48) Oħrajn irrabjaw b’dan l-irfinar u riedu jibqgħu ggranfati mal-fehma tagħhom stess. (Gal. 5:7-12) Dawn l-individwi li ma biddlux il-ħarsa tagħhom kienu se jitilfu l-opportunità li jkunu ħakkiema sħab maʼ Kristu.—2 Pt. 2:1.
22. Kif tħossok dwar irfinar fil-fehma tagħna dwar l-iskop t’Alla?
22 Fl-aħħar għaxriet taʼ snin, Ġeħova rfina l-fehma tagħna dwar is-Saltna. Pereżempju, għenna naraw iktar biċ-ċar meta dawk li se jkunu sudditi tas-Saltna se jiġu mifrudin minn dawk li ma jagħtux widen, bħalma jiġu mifrudin in-nagħaġ mill-mogħoż. Ukoll, għallimna meta l-għadd sħiħ tal-144,000 se jkun intgħażel, xi jfissru t-tixbihat li ta Ġesù dwar is-Saltna, u meta l-aħħar ftit mill-midlukin se jittieħdu għall-ħajja fis-sema. d Int kif tirreaġixxi għal irfinar bħal dan? Tissaħħaħ il-fidi tiegħek? Tarah bħala evidenza li Ġeħova għadu qed jeduka lin-nies umli tiegħu? Il-materjal li se niddiskutu f’dan il-ktieb se jgħinek tkun iktar konvint li Ġeħova bil-mod il-mod qed jikxef l-iskop tiegħu lil dawk li jibżgħu minnu.
a L-isem t’Alla ġej mill-verb Ebrajk li jfisser “isir.” L-isem taʼ Ġeħova jagħti x’jifhem li hu Dak li jwettaq il-wegħdi tiegħu. Ara l-kaxxa “Dak li jfisser l-isem t’Alla,” f’kapitlu 4.
b Għalkemm illum il-ġurnata dan jidher li hu tul taʼ żmien twil mhux ħażin, irridu niftakru li t-tul taʼ ħajja taʼ bniedem f’dak iż-żmien kien ħafna itwal mil-lum; bejn Adam u Abraham kien hemm it-tul taʼ ħajja taʼ erbaʼ bnedmin biss. Lamek, missier Noè, għex għal ċertu żmien fl-istess perijodu t’Adam. Sem, bin Noè, għex għal ċertu żmien fl-istess perijodu taʼ Lamek. Abraham għex għal ċertu żmien fl-istess perijodu taʼ Sem.—Ġen. 5:5, 31; 9:29; 11:10, 11; 25:7.
c Il-kelma “Satana” tidher 18-il darba fl-Iskrittura Ebrajka. Però, il-kelma “Satana” tidher iktar minn 30 darba fl-Iskrittura Griega Kristjana. Bix-xieraq, l-Iskrittura Ebrajka ma tatx enfasi żejda lil Satana, imma ffokat fuq li tidentifika lill-Messija. Meta wasal il-Messija, hu kixef għalkollox lil Satana, fatt li hu mniżżel bil-miktub fl-Iskrittura Griega Kristjana.
d Għal diskussjoni taʼ xi ftit minn dan l-irfinar fil-fehma, ara l-ħarġiet tat-Torri tal-Għassa li ġejjin: 1 taʼ Novembru 1995 paġni 17-22; 15 taʼ Jannar 2008, paġni 20-24; 15 taʼ Lulju 2008, paġni 17-21; 15 taʼ Lulju 2013, paġni 9-14.