LEZZJONI 9
Sa fl-aħħar għandna iben!
Abraham u Sara kienu ilhom miżżewġin għal ħafna snin. Huma kienu ħallew id-dar komda tagħhom f’Ur u kienu qed jgħixu f’kamp. Imma Sara ma qagħditx tgerger, għax fdat f’Ġeħova.
Sara tant riedet li jkollha t-tfal li qalet lil Abraham: ‘Jekk il-qaddejja tiegħi Ħagar ikollha tarbija minnek, jien inqisha daqslikieku tiegħi.’ Wara xi żmien, Ħagar kellha tifel. Kien jismu Ismagħel.
Ħafna snin wara, meta Abraham kellu 99 sena u Sara kellha 89 sena, ġew iżuruhom tlett irġiel. Abraham stidinhom biex jistrieħu taħt siġra u jieklu xi ħaġa flimkien. Taf min kienu dawn l-irġiel? Kienu anġli! Huma qalu lil Abraham: ‘Bħal daż-żmien sena, int u martek ikollkom iben.’ Sara kienet qed tismagħhom minn ġewwa l-kamp. Hi bdiet tidħaq u qalet f’qalbha: ‘Kif jistaʼ jkun li jien, fl-età tiegħi, ikolli tarbija?’
Is-sena taʼ wara, Sara welldet iben, eżatt kif l-anġlu taʼ Ġeħova kien wiegħed. Abraham semmieh Iżakk, li jfisser “Daħq.”
Meta Iżakk kellu madwar ħames snin, Sara rat lil Ismagħel iwaqqgħu għaċ-ċajt. Hi riedet tipproteġi lil binha, u allura tkellmet maʼ Abraham u talbitu biex Ħagar u Ismagħel jitilqu. Għall-ewwel, Abraham ma riedx jagħmel dan. Anke Ġeħova ried jipproteġi lil Iżakk, u allura qal lil Abraham: ‘Ismaʼ minn Sara. Lil Ismagħel se nieħu ħsiebu jien. Għax hu permezz taʼ Iżakk li l-wegħdi tiegħi se jitwettqu.’
“Bil-fidi wkoll Sara rċiviet qawwa biex toħroġ tqila b’nisel, . . . peress li qisitu leali lil dak li għamel il-wegħda.”—Ebrej 11:11