LEZZJONI 19
L-ewwel tliet kastigi
L-Iżraelin, bħala lsiera, kienu mġegħlin jaħdmu iebes. Ġeħova bagħat lil Mosè u lil Aron għand il-Fargħun b’dan il-messaġġ: ‘Ħalli lin-nies tiegħi jmorru ħalli jqimuni fid-deżert.’ Il-Fargħun bi kburija wieġeb: ‘Jien ma jimpurtanix x’jgħid Ġeħova, u jien m’iniex se nħalli lill-Iżraelin jitilqu.’ Imbagħad, il-Fargħun sforzahom jaħdmu aktar iebes. Ġeħova kien se jgħallem lill-Fargħun lezzjoni. Int taf kif? Hu bagħat l-Għaxar Kastigi fuq l-Eġittu. Ġeħova qal lil Mosè: ‘Il-Fargħun mhuwiex jismaʼ minni. Filgħodu, hu se jkun ħdejn ix-Xmara Nil. Mur ħdejh u għidlu li peress li ma ħalliex lin-nies tiegħi jitilqu, l-ilma kollu tax-Xmara Nil se jsir demm.’ Mosè obda u mar jiltaqaʼ mal-Fargħun. Il-Fargħun qagħad iħares hekk kif Aron mess il-bastun max-xmara, u l-ilma nbidel f’demm. Ix-xmara bdiet tinten, il-ħut miet, u ma kienx hemm ilma tajjeb għax-xorb. Imma, il-Fargħun xorta ma ħalliex lill-Iżraelin imorru.
Sebat ijiem wara, Ġeħova bagħat lura lil Mosè għand il-Fargħun b’dan il-messaġġ: ‘Jekk ma tibgħatx lill-poplu tiegħi, l-Eġittu se jimtela biż-żrinġijiet.’ Aron għolla l-bastun tiegħu, u ż-żrinġijiet bdew jgħattu l-art. In-nies sabu ż-żrinġijiet fid-djar tagħhom, fis-sodod tagħhom, u fir-reċipjenti tagħhom. Kullimkien kien mimli żrinġijiet! Il-Fargħun qal lil Mosè biex jitlob bil-ħerqa lil Ġeħova ħalli jwaqqaf il-kastig. Il-Fargħun wiegħed li kien se jħalli lill-Iżraelin imorru. Allura, Ġeħova waqqaf il-kastig, u l-Eġizzjani ġabru kwantità kbira taʼ żrinġijiet mejtin. L-art bdiet tinten. Imma, għal darb’oħra, il-Fargħun ma riedx iħalli lin-nies imorru.
Imbagħad, Ġeħova qal lil Mosè: ‘Aron għandu jmiss l-art bil-bastun tiegħu, u t-trab tal-art jinbidel f’nemus irqiq li joqros.’ Minnufih l-art imtliet kollha nemus. Xi wħud minn nies tal-Fargħun qalulu: ‘Dan kastig minn Alla.’ Imma l-Fargħun xorta ma riedx iħalli l-Iżraelin jitilqu.
“Se nġegħelhom ikunu jafu l-qawwa taʼ idi u s-setgħa tiegħi, u jkollhom ikunu jafu li ismi hu Ġeħova.”—Ġeremija 16:21