LEZZJONI 17
Mosè għażel li jqim lil Ġeħova
Fl-Eġittu, il-familja taʼ Ġakobb saret magħrufa bħala l-Iżraelin. Wara li mietu Ġakobb u Ġużeppi, beda jmexxi Fargħun ġdid. Hu kien qed jibżaʼ li l-Iżraelin kienu qed isiru iktar b’saħħithom mill-Eġizzjani. Allura, dan il-Fargħun għamel lill-Iżraelin ilsiera. Hu ġegħelhom jagħmlu l-brikks u jaħdmu xogħol iebes fl-għelieqi. Imma iktar ma l-Eġizzjani ġegħluhom jaħdmu iebes, l-Iżraelin iktar bdew jiżdiedu. Il-Fargħun ma ħax gost b’dan, u kkmanda li jinqatel kull tifel Iżraeli li jitwieled. Tistaʼ timmaġina kemm din kienet tal-biżaʼ għall-Iżraelin!
Mara Iżraelija jisimha Ġokebed, kellha tarbija tifel il-ġmiel tiegħu. Biex ma jiġix maqtul, hi poġġietu f’qoffa u ħbietu qalb il-qasab tax-Xmara Nil. Oħt it-tarbija, Mirjam, qagħdet fil-viċin biex tara x’se jsir minnu.
Bint il-Fargħun niżlet biex tinħasel fix-xmara, u rat il-qoffa. Ġo fiha sabet tarbija tibki, u hi tħassritha. Mirjam staqsietha: ‘Trid immur u
nsiblek mara biex treddaʼ lit-tarbija għalik?’ Xħin bint il-Fargħun qaltilha iva, Mirjam marret u ġabet lil ommha, Ġokebed. Bint il-Fargħun qaltilha: “Ħu lil dan it-tifel miegħek u reddagħhuli, u jien inħallsek.”Meta t-tifel kiber biżżejjed, Ġokebed ħaditu għand bint il-Fargħun, li semmietu Mosè u rabbietu daqslikieku kien it-tifel tagħha. Mosè kiber bħala prinċep u setaʼ jkollu dak kollu li ried. Imma Mosè qatt ma nesa lil Ġeħova. Hu kien jaf li kien Iżraeli, u mhux Eġizzjan. Hu għażel li jaqdi lil Ġeħova.
Meta kellu 40 sena, Mosè ddeċieda li jgħin lill-poplu tiegħu. Meta darba ra Eġizzjan isawwat ilsir Iżraeli, Mosè ta daqqa b’saħħitha lill-Eġizzjan, u qatlu. Mosè, imbagħad, ħeba l-ġisem tiegħu fir-ramel. Xħin il-Fargħun semaʼ b’dan, hu pprova joqtol lil Mosè. Imma Mosè ħarab ’il bogħod fl-art taʼ Midjan. Hemmhekk, Ġeħova ħa ħsiebu.
“Bil-fidi Mosè . . . ma riedx jissejjaħ bin bint il-Fargħun, imma għażel li jkun trattat ħażin mal-poplu t’Alla.”—Ebrej 11:24, 25