LEZZJONI 27
Huma ħaduha kontra Ġeħova
Ftit taż-żmien wara, waqt li l-Iżraelin kienu fid-deżert, Koraħ, Datan, Abiram, u 250 oħra ħaduha kontra Mosè u Aron. Dawn qalulhom: ‘Issaportejniekom biżżejjed! Għala għandek tkun int il-mexxej tagħna u Aron il-qassis il-kbir? Ġeħova mhuwiex biss miegħek u m’Aron, imma hu magħna wkoll.’ Ġeħova ma ħax gost. Għalih, dawn kienu qed jirribellaw kontrih!
Mosè qal lil Koraħ u lil dawk li ngħaqdu miegħu: ‘Għada ejjew it-tabernaklu, u ġibu magħkom ir-reċipjenti għall-inċens mimlijin. Ġeħova se jurina lil min ikun għażel.’
L-għada, Koraħ u l-250 raġel marru biex jiltaqgħu maʼ Mosè ħdejn it-tabernaklu. Hemmhekk huma ħarqu l-inċens bħallikieku kienu qassisin. Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: ‘Infirdu minn maʼ Koraħ u l-irġiel tiegħu.’
Għalkemm Koraħ kien mar jiltaqaʼ maʼ Mosè ħdejn it-tabernaklu, Datan, Abiram, u l-familji tagħhom ma ridux imorru. Ġeħova qal lill-Iżraelin biex jersqu minn ħdejn it-tined taʼ Koraħ, Datan, u Abiram. L-Iżraelin resqu mill-ewwel. Datan,
Abiram, u l-familji tagħhom ħarġu minn ġot-tined tagħhom. F’daqqa waħda, l-art infetħet u belgħethom kollha! Ħdejn it-tabernaklu niżel nar mis-sema u ħaraq lil Koraħ u lill-250 raġel.Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: ‘Ħu bastun mingħand il-kap taʼ kull tribù, u ikteb isem kull wieħed fuq il-bastun tiegħu. Imma fuq il-bastun tat-tribù taʼ Levi ikteb isem Aron. Poġġihom fit-tabernaklu, u l-bastun tar-raġel li jien nagħżel se joħroġ il-fjuri.’
L-għada, Mosè ħareġ il-bsaten kollha u wriehom lill-kapijiet tat-tribujiet. Il-bastun t’Aron kellu l-fjuri ħerġin minnu, u anki lewż misjur. B’dan il-mod, Ġeħova wera ċar li hu kien għażel lil Aron biex ikun il-qassis il-kbir.
“Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom.”—Ebrej 13:17