Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 52

L-armata tan-nar taʼ Ġeħova

L-armata tan-nar taʼ Ġeħova

Is-​sultan tas-​Sirja, Ben-​ħadad, baqaʼ jattakka lil Iżrael. Imma l-​profeta Eliżew kull darba kien jinforma lis-​sultan taʼ Iżrael, u b’hekk kien jirnexxilu jaħrab. Minħabba dan, Ben-​ħadad ried jaqbad lil Eliżew. Hu sar jaf li Eliżew kien f’belt jisimha Dotan, u għalhekk bagħat lill-​armata Sirjana hemm biex taqbdu.

Is-​Sirjani waslu Dotan billejl. L-​għada filgħodu, il-​qaddej taʼ Eliżew ħareġ barra u ra l-​belt imdawra b’armata kbira. Hu twerwer u għajjat: ‘Eliżew, x’se nagħmlu?’ Eliżew qallu: “Tibżax, għax hemm iktar magħna milli magħhom.” Dak il-​ħin stess, Ġeħova fetaħ għajnejn il-​qaddej taʼ Eliżew. Hu ra l-​muntanji taʼ madwar il-​belt b’ħafna żwiemel u karrijiet tal-​gwerra tan-​nar.

Meta l-​armata Sirjana pprovat taqbad lil Eliżew, hu talab lil Ġeħova għall-​għajnuna. Għalhekk, Ġeħova ġiegħel lis-​suldati jitħawdu u dawn ma kinux jafu fejn qegħdin. Eliżew qalilhom: ‘Intom qegħdin fil-​belt il-​ħażina. Ejjew warajja ħa niħodkom għand ir-​raġel li qed tfittxu.’ Huma marru warajh sal-​belt tas-​Samarija, fejn kien jgħix is-​sultan taʼ Iżrael.

Xħin is-​Sirjani indunaw fejn kienu, huma ma setgħu jagħmlu xejn. Is-​sultan taʼ Iżrael staqsa lil Eliżew: ‘Noqtolhom?’ Kien Eliżew se jieħu dan iċ-​ċans biex ipatti lil dawk li pprovaw iweġġgħuh? Le. Eliżew qal lis-​sultan: ‘Toqtolhomx. Agħtihom x’jieklu, u ibgħathom lura.’ Meta qallu hekk, is-​sultan għamlilhom festa kbira u mbagħad bagħathom lura pajjiżhom.

“Din hi l-​fiduċja li għandna fih, li, kulma nitolbuh skond ir-​rieda tiegħu, hu jismagħna.”—1 Ġwanni 5:14