Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU TLETTAX

Irrispetta l-għotja tal-ħajja

Irrispetta l-għotja tal-ħajja

1. Min tana l-​ħajja?

ĠEĦOVA “hu l-​Alla l-​ħaj.” (Ġeremija 10:10) Hu l-​Ħallieq tagħna u tana l-​ħajja. Il-​Bibbja tgħid: “Int ħlaqt l-​affarijiet kollha, u bir-​rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” (Rivelazzjoni 4:11) Iva, Ġeħova ried li jkollna l-​ħajja. Il-​ħajja hi għotja prezzjuża mingħandu.—Aqra Salm 36:9.

2. Kif jistaʼ jkollna s-​suċċess fil-​ħajja?

2 Ġeħova jagħtina dak li għandna bżonn biex nibqgħu ngħixu, bħall-​ikel u l-​ilma. (Atti 17:28) Imma iżjed minn hekk, hu jridna ngawdu l-​ħajja. (Atti 14:15-​17) Biex ikollna s-​suċċess fil-​ħajja, għandna bżonn nobdu l-​liġijiet t’Alla.—Isaija 48:17, 18.

KIF ALLA JĦOSSU DWAR IL-​ĦAJJA

3. Ġeħova x’għamel meta Kajjin qatel lil Abel?

3 Il-​Bibbja tgħallimna li l-​ħajja tagħna u dik taʼ ħaddieħor huma prezzjużi għal Ġeħova. Pereżempju, meta Kajjin—it-​tifel t’Adam u Eva—kien irrabjat ħafna għal ħuh Abel, li kien iżgħar minnu, Ġeħova wissa lil Kajjin li kellu bżonn jikkontrolla r-​rabja tiegħu. Imma Kajjin ma tax widen, u tant irrabja li “ħebb għal ħuh Abel u qatlu.” (Ġenesi 4:3-​8) Ġeħova kkastiga lil Kajjin talli qatel lil Abel. (Ġenesi 4:9-​11) Allura r-​rabja u l-​mibegħda huma perikolużi għax jistgħu jagħmluna vjolenti jew kattivi. Persuna bħal din ma tistax tingħata l-​ħajja taʼ dejjem. (Aqra l-​1 Ġwanni 3:15.) Biex nogħġbu lil Ġeħova, hemm bżonn li nitgħallmu nħobbu lin-​nies kollha.—1 Ġwanni 3:11, 12.

4. Waħda mil-​liġijiet li Alla ta lill-​Iżraelin x’tgħallimna dwar l-​għotja tal-​ħajja?

4 Eluf taʼ snin wara, Ġeħova wera li kien iqis il-​ħajja bħala li hi prezzjuża meta ta l-​Għaxar Kmandamenti lil Mosè. Waħda mil-​liġijiet hi: “Toqtolx.” (Dewteronomju 5:17) Jekk individwu kien joqtol lil xi ħadd apposta, hu kien jiġi maqtul.

5. Alla kif iħossu dwar l-​abort?

5 Alla kif iħossu dwar l-​abort? Anki l-​ħajja taʼ tarbija fil-​ġuf hi prezzjuża għal Ġeħova. Fil-​Liġi li Ġeħova ta lill-​Iżraelin, Ġeħova qal li jekk xi ħadd kien iweġġaʼ lil omm u minħabba f’hekk tmut it-​tarbija tagħha, dan l-​individwu kellu jinqatel. (Aqra Eżodu 21:22, 23; Salm 127:3.) Dan jgħallimna li l-​abort hu ħażin.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 28.

6, 7. Kif nuru lil Ġeħova li nqisu l-​ħajja bħala li hi prezzjuża?

6 Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li aħna nqisu l-​ħajja tagħna u dik t’oħrajn bħala li huma prezzjużi? Billi ma nagħmlu xejn li jistaʼ jipperikola l-​ħajja tagħna jew taʼ ħaddieħor. Allura m’aħniex se nużaw it-​tabakk jew nabbużaw mid-​drogi, għax dawn jagħmlulna l-​ħsara u jistgħu joqtluna.

7 Alla tana ħajjitna u ġisimna, u għandna nużawhom kif jixtieq hu. Allura rridu nieħdu ħsieb il-​ġisem tagħna. Jekk ma nagħmlux hekk, m’aħniex se nkunu nodfa f’għajnejn Alla. (Rumani 6:19; 12:1; 2 Korintin 7:1) Ma nistgħux inqimu lil Ġeħova, li tana l-​ħajja, jekk ma nqisux il-​ħajja bħala li hi prezzjuża. Avolja jistaʼ jkun diffiċli ħafna biex naqtgħu xi vizzju, Ġeħova se jgħinna jekk qed nagħmlu sforz għax inqisu l-​ħajja bħala li hi prezzjuża.

8. X’se nagħmlu biex inkunu ċerti li ma nipperikolawx il-​ħajja tagħna jew dik t’oħrajn?

8 Aħna tgħallimna li l-​ħajja hi għotja prezzjuża. Ġeħova hu fiduċjuż li se nagħmlu l-​aqwa tagħna biex qatt ma nipperikolaw il-​ħajja tagħna jew dik t’oħrajn. Dan nagħmluh bil-​mod kif insuqu l-​karozza, il-​mutur, jew xi vettura oħra. Aħna nevitaw sport perikoluż jew vjolenti. (Salm 11:5) Ukoll, nagħmlu l-​almu tagħna biex ma jkunx hemm xi ħaġa perikoluża fi djarna. Ġeħova kkmanda lill-​Iżraelin: “Jekk tibni dar ġdida, agħmel ċint mal-​bejt tiegħek, sabiex ma ġġibx il-​ħtija tad-​demm fuq darek għaliex jaqaʼ xi ħadd minn fuqu.”—Dewteronomju 22:8.

9. Kif għandna nittrattaw l-​annimali?

9 Anki l-​mod kif nittrattaw l-​annimali hu importanti għal Ġeħova. Hu jħallina noqtlu l-​annimali għall-​ikel u għall-​ilbies, u jippermettilna noqtlu annimal jekk ħajjitna tkun fil-​periklu. (Ġenesi 3:21; 9:3; Eżodu 21:28) Imma ma nistgħux naħqru l-​annimali jew noqtluhom sempliċement għall-​gost.—Proverbji 12:10.

IRRISPETTA L-​QDUSIJA TAL-​ĦAJJA

10. Kif nafu li d-​demm jirrappreżenta l-​ħajja?

10 Id-​demm hu qaddis għal Ġeħova għax id-​demm jirrappreżenta l-​ħajja. Wara li Kajjin qatel lil Abel, Ġeħova qal lil Kajjin: “Demm ħuk qed jgħajjatli mill-​art.” (Ġenesi 4:10) Id-​demm t’Abel kien jirrappreżenta ħajtu, u Ġeħova kkastiga lil Kajjin talli qatel lil Abel. Wara d-​Dulluvju taʼ żmien Noè, Ġeħova għal darb’oħra wera li d-​demm jirrappreżenta l-​ħajja. Ġeħova ħalla lil Noè u familtu jieklu l-​laħam tal-​annimali. Hu qal: “Kull annimal ħaj li jitħarrek tistgħu tikluh. Bħalma tajtkom il-​ħaxix aħdar, nagħtikom dan kollu.” Madankollu, kien hemm ħaġa waħda li Ġeħova kkmandahom biex ma jiklux: “Huwa biss il-​laħam b’ruħu—demmu—li ma tistgħux tieklu.”—Ġenesi 1:29; 9:3, 4.

11. Alla liema kmand ta lill-​ġens tal-​Iżrael dwar id-​demm?

11 Madwar 800 sena wara li Ġeħova qal lil Noè biex ma jikolx id-​demm, hu reġaʼ kkmanda lill-​poplu tiegħu: “Kull raġel mid-​dar taʼ Israel jew xi resident barrani li qed jgħammar bħala barrani f’nofskom u li waqt li jkun għall-​kaċċa jaqbad xi bhima salvaġġa jew xi tajra li tistaʼ tittiekel, irid iferraʼ demmha u jgħattih bit-​trab.” Imbagħad qal: “Ma tridu tieklu d-​demm t’ebda tip taʼ laħam.” (Levitiku 17:13, 14) Ġeħova xorta ried li l-​poplu tiegħu jqis id-​demm bħala li hu qaddis. Huma setgħu jieklu l-​laħam imma mhux id-​demm. Meta kienu joqtlu xi annimal għall-​ikel, kellhom iferrgħu d-​demm tiegħu fl-​art.

12. Il-​Kristjani kif iqisu d-​demm?

12 Xi snin wara l-​mewt taʼ Ġesù, l-​appostli u l-​anzjani fil-​kongregazzjoni Kristjana taʼ Ġerusalemm iltaqgħu biex jiddeċiedu liema partijiet tal-​Liġi, li kienet ingħatat lill-​Iżraelin, kienu għadhom japplikaw għall-​Kristjani. (Aqra Atti 15:28, 29; 21:25.) Ġeħova għenhom jifhmu li d-​demm kien għadu prezzjuż għalih u li huma kellhom jibqgħu jqisuh bħala li hu qaddis. Il-​Kristjani tal-​bidu ma setgħux jieklu jew jixorbu d-​demm jew jieklu laħam t’annimal li ma jkunx ġie skarnat. Li kieku għamlu dan, kien ikun bħallikieku qed iqimu l-​idoli jew jieħdu sehem f’immoralità sesswali. Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, il-​Kristjani veri rrifjutaw li jieklu jew jixorbu d-​demm. Xi ngħidu għal-​lum? Ġeħova għadu jridna nqisu d-​demm bħala li hu qaddis.

13. Il-​Kristjani għala ma jaċċettawx it-​trasfużjonijiet tad-​demm?

13 Ifisser dan li l-​Kristjani għandhom jirrifjutaw ukoll trasfużjonijiet tad-​demm? Iva, hekk hu. Ġeħova kkmandana biex ma niklux u ma nixorbux id-​demm. Li kieku t-​tabib jgħidlek biex ma tixrobx alkoħol, sejjer int tinjettah f’ġismek? Dażgur li le! Bl-​istess mod, il-​kmand biex ma niklux jew ma nixorbux id-​demm ifisser li ma naċċettawx trasfużjoni tad-​demm.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 29.

14, 15. Kemm hu importanti li Kristjan jirrispetta l-​ħajja u jobdi lil Ġeħova?

14 Xi ngħidu jekk tabib jgħidilna li se mmutu jekk ma niħdux trasfużjoni tad-​demm? Kull individwu jrid jiddeċiedi jekk iridx jobdi l-​liġi t’Alla dwar id-​demm. Bħala Kristjani aħna nirrispettaw ħafna l-​għotja tal-​ħajja mingħand Alla, u għalhekk se nfittxu kuri oħrajn biex nibqgħu ħajjin; imma m’aħniex se naċċettaw trasfużjoni tad-​demm.

15 Aħna nagħmlu kulma nistgħu biex nibqgħu f’saħħitna, imma peress li l-​ħajja hi prezzjuża għal Alla, ma naċċettawx trasfużjoni tad-​demm. Hu iktar importanti li nobdu lil Ġeħova milli nipprovaw intawlu ħajjitna billi ma nobduhx. Ġesù qal: “Kulmin irid isalva ruħu jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija jsibha.” (Mattew 16:25) Aħna rridu nobdu lil Ġeħova għax inħobbuh. Hu jaf x’inhu l-​aħjar għalina, u aħna nqisu l-​ħajja bħala li hi prezzjuża u qaddisa, bħalma jqisha Ġeħova.—Ebrej 11:6.

16. Il-​qaddejja t’Alla għala jobduh?

16 Il-​qaddejja leali t’Alla huma determinati li jobdu l-​liġi tiegħu dwar id-​demm. Huma mhumiex se jieklu jew jixorbu d-​demm, u mhumiex se jaċċettaw id-​demm għal raġunijiet mediċi. * Madankollu, huma se jaċċettaw kuri oħrajn biex isalvaw ħajjithom. Huma konvinti li l-​Ħallieq tal-​ħajja u tad-​demm jaf x’inhu l-​aħjar għalihom. Temmen int li hu jaf x’inhu l-​aħjar għalik?

L-​UNIKU MOD KIF ĠEĦOVA KIEN JIPPERMETTI L-​UŻU TAD-​DEMM

17. Fl-​Iżrael, x’kien l-​uniku mod kif Ġeħova ppermetta l-​użu tad-​demm?

17 Fil-​Liġi li Alla ta lil Mosè, Ġeħova qal lill-​Iżraelin: “Għax il-​ħajja tal-​laħam hi fid-​demm: u jien tajtulkom fuq l-​altar biex tagħmlu offerta ħa tgħattu dnubkom għalikom infuskom [jew, titolbu maħfra]; għax hu d-​demm, li hu l-​ħajja, li jgħatti d-​dnub.” (Levitiku 17:11, Il-​Bibbja Mqaddsa taʼ Karm Żammit) Meta l-​Iżraelin kienu jidinbu, huma setgħu jitolbu għall-​maħfra taʼ Ġeħova billi jissagrifikaw annimal u jitolbu lill-​qassis biex iferraʼ ftit mid-​demm tal-​annimal fuq l-​artal tat-​tempju. Dan kien l-​uniku mod kif Ġeħova ppermetta lill-​Iżraelin jużaw id-​demm.

18. Is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù x’għamel possibbli għalina?

18 Meta Ġesù ġie fuq l-​art, hu ħa post il-​liġi dwar is-​sagrifiċċji tal-​annimali billi ta ħajtu, jew demmu, għall-​maħfra taʼ dnubietna. (Mattew 20:28; Ebrej 10:1) Il-​ħajja taʼ Ġesù tant kienet taʼ valur li wara li Ġeħova rxoxta lil Ġesù lejn is-​sema, Ġeħova setaʼ jagħti lill-​bnedmin kollha l-​opportunità li jgħixu għal dejjem.—Ġwanni 3:16; Ebrej 9:11, 12; 1 Pietru 1:18, 19.

Kif tistaʼ turi li għandek rispett għall-ħajja u d-demm?

19. Xi rridu nagħmlu biex inkunu ‘nodfa mid-​demm tal-​bnedmin kollha’?

19 Aħna grati lejn Ġeħova għall-​għotja meraviljuża tiegħu tal-​ħajja! U rridu ngħidu lin-​nies li jekk ikollhom fidi f’Ġesù, huma jistgħu jgħixu għal dejjem. Aħna nħobbu n-​nies, u lesti li nagħmlu kulma nistgħu biex ngħallmuhom kif jistgħu jiksbu l-​ħajja. (Eżekjel 3:17-​21) Imbagħad, bħall-​appostlu Pawlu, se nkunu nistgħu ngħidu: “Jien nadif mid-​demm tal-​bnedmin kollha, għax ma żammejtx lura milli ngħidilkom l-​iskop kollu t’Alla.” (Atti 20:26, 27) Iva, aħna nuru li għandna rispett kbir lejn il-​ħajja u d-​demm meta ngħidu lil oħrajn dwar Ġeħova u dwar kemm hi prezzjuża l-​ħajja għalih.

^ par. 16 Għal informazzjoni dwar trasfużjonijiet tad-​demm, ara paġni 77-​79 tal-​ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla,” pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.