Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU ERBATAX

Il-familja tiegħek tistaʼ tkun ferħana

Il-familja tiegħek tistaʼ tkun ferħana

1, 2. Ġeħova xi jrid għall-​familji?

ALLA ĠEĦOVA għaqqad l-​ewwel koppja fiż-​żwieġ. Il-​Bibbja tgħidilna li għamel l-​ewwel mara u “ħadha għand ir-​raġel.” Adam tant feraħ li qal: “Sa fl-​aħħar, din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi.” (Ġenesi 2:22, 23) Dan jurina li Ġeħova jrid li l-​miżżewġin ikunu ferħanin.

2 B’dispjaċir, ħafna nies qatt m’esperjenzaw ħajja tal-​familja ferħana. Madankollu, il-​Bibbja fiha ħafna prinċipji li se jgħinu lill-​membri kollha tal-​familja biex jagħmlu l-​ħajja tal-​familja tagħhom waħda taʼ suċċess u biex jieħdu gost ikunu flimkien.—Luqa 11:28.

DAK LI ALLA JISTENNA MILL-​IRĠIEL MIŻŻEWĠIN

3, 4. (a) Raġel kif għandu jittratta lil martu? (b) Għala huwa importanti li r-​raġel u l-​mara jaħfru lil xulxin?

3 Il-​Bibbja tgħid li raġel tajjeb għandu jittratta lil martu bi mħabba u b’rispett. Jekk jogħġbok aqra Efesin 5:25-​29. Raġel dejjem se jittratta lil martu bl-​imħabba. Ukoll, se jipproteġiha, jieħu ħsiebha, u ma jagħmel xejn biex iweġġagħha.

4 Imma raġel miżżewweġ x’għandu jagħmel meta martu tiżbalja? L-​irġiel jintqalilhom: “Ibqgħu ħobbu lin-​nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom.” (Kolossin 3:19) Irġiel, ftakru li anki intom tiżbaljaw. U jekk tridu li Alla jaħfer lilkom, intom tridu taħfru lin-​nisa tagħkom. (Mattew 6:12, 14, 15) Meta kemm ir-​raġel u kemm il-​mara jkunu lesti li jaħfru, dan se jgħinhom ikollhom żwieġ ferħan.

5. Raġel għala għandu jonora lil martu?

5 Ġeħova jistenna li r-​raġel jonora lil martu. Hu għandu jaħseb bis-​serjetà dwar il-​bżonnijiet taʼ martu. Din hi kwistjoni serja ħafna. Jekk raġel miżżewweġ ma jittrattax lil martu sew, Ġeħova jistaʼ jirrifjuta li jismaʼ t-​talb tiegħu. (1 Pietru 3:7) Individwu jrid ikun iħobb lil Ġeħova biex ikun taʼ valur f’għajnejh. Ġeħova ma jippreferix l-​irġiel iktar min-​nisa.

6. Xi jfisser li raġel u mara jkunu “ġisem wieħed”?

6 Ġesù spjega li raġel u mara “m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.” (Mattew 19:6) Huma leali lejn xulxin u qatt ma se jkunu żleali lejn xulxin. (Proverbji 5:15-​21; Ebrej 13:4) L-​irġiel u n-​nisa miżżewġin għandhom jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet sesswali taʼ xulxin mingħajr egoiżmu. (1 Korintin 7:3-​5) Raġel għandu jiftakar li “ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.” Allura għandu jħobb u jgħożż lil martu. Fuq kollox, mara trid li żewġha juriha qalb tajba u mħabba.—Efesin 5:29.

DAK LI ALLA JISTENNA MIN-​NISA MIŻŻEWĠIN

7. Familja għala għandha bżonn kap?

7 Kull familja għandha bżonn kap, xi ħadd li jiggwida lill-​familja biex jaħdmu spalla maʼ spalla flimkien. Fl-​1 Korintin 11:3, il-​Bibbja tgħid: “Il-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu; u l-​kap tal-​mara hu r-​raġel; u l-​kap tal-​Kristu hu Alla.”

8. Mara kif tistaʼ turi rispett profond lejn żewġha?

8 Kull raġel jiżbalja. Imma meta mara tappoġġa d-​deċiżjonijiet taʼ żewġha u tikkoopera miegħu minn qalbha, il-​familja kollha tibbenefika. (1 Pietru 3:1-​6) Il-​Bibbja tgħid: “Il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:33) Xi ngħidu jekk raġel miżżewweġ ma jkollux l-​istess twemmin taʼ martu? Hi xorta trid turi rispett profond lejh. Il-​Bibbja tgħid: “Intom in-​nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-​kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-​kondotta tan-​nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-​kondotta safja tagħkom flimkien mar-​rispett profond.” (1 Pietru 3:1, 2) L-​eżempju tajjeb tal-​mara jistaʼ jgħin lil żewġha jifhem u jirrispetta t-​twemmin tagħha.

9. (a) Mara x’għandha tagħmel jekk ma taqbilx maʼ żewġha? (b) X’parir insibu għan-​nisa miżżewġin f’​Titu 2:4, 5?

9 Mara x’tistaʼ tagħmel meta ma taqbilx maʼ żewġha? Għandha tesprimi l-​opinjonijiet tagħha bir-​rispett. Pereżempju, Sara qalet xi ħaġa li ma daqqitx għal widnejn Abraham, imma Ġeħova qallu: “Ismaʼ minn kliemha.” (Ġenesi 21:9-​12) Raġel Kristjan rari se jieħu deċiżjoni li tmur kontra dak li tgħid il-​Bibbja, allura martu għandha tappoġġah. (Atti 5:29; Efesin 5:24) Mara tajba se tieħu ħsieb lill-​familja tagħha. (Aqra Titu 2:4, 5.) Meta żewġha u wliedha jaraw kemm taħdem iebes għalihom, huma se jħobbuha u jirrispettawha saħansitra iktar.—Proverbji 31:10, 28.

Sara kif inhi eżempju tajjeb għan-nisa miżżewġin?

10. Il-​Bibbja x’tgħid dwar is-​separazzjoni u d-​divorzju?

10 Kultant xi koppji malajr jieħdu d-​deċiżjoni li jisseparaw jew jiddivorzjaw. Madankollu, il-​Bibbja tgħid li “mara m’għandhiex tinfired minn żewġha” u li “raġel m’għandux jitlaq lil martu.” (1 Korintin 7:10, 11) Hemm ċerti ċirkustanzi estremi meta l-​koppji jistgħu jisseparaw, imma din hi deċiżjoni serja. Xi ngħidu għad-​divorzju? Il-​Bibbja turi li l-​unika raġuni valida għad-​divorzju hi jekk ir-​raġel jew il-​mara jkollha relazzjoni sesswali maʼ xi ħadd barra ż-​żwieġ.—Mattew 19:9.

DAK LI ALLA JISTENNA MILL-​ĠENITURI

Ġesù hu eżempju tajjeb għal kull membru tal-familja

11. It-​tfal x’għandhom bżonn iktar minn kull ħaġa oħra?

11 Ġenituri, qattgħu kemm tistgħu ħin maʼ wliedkom. It-​tfal tagħkom għandhom bżonnkom, u iktar minn kull ħaġa oħra, għandhom bżonn li tgħallmuhom dwar Ġeħova.—Dewteronomju 6:4-​9.

12. Il-​ġenituri x’għandhom jagħmlu biex jipproteġu lil uliedhom?

12 Id-​dinja taʼ Satana dejjem sejra għall-​agħar, u hemm xi wħud li forsi jkunu jridu jweġġgħu lil uliedna, saħansitra jabbużawhom sesswalment. Xi ġenituri jsibuha diffiċli biex jitkellmu dwar dan is-​suġġett. Imma l-​ġenituri għandhom bżonn iwissu lil uliedhom dwar nies bħal dawn u jgħallmuhom kif jevitawhom. Ġenituri, għandkom tipproteġu lil uliedkom. *1 Pietru 5:8.

13. Il-​ġenituri kif għandhom jgħallmu lil uliedhom?

13 Il-​ġenituri għandhom ir-​responsabbiltà li jgħallmu lil uliedhom kif iġibu ruħhom. Kif tistaʼ tgħallem lil uliedek? It-​tfal tiegħek għandhom bżonn it-​taħriġ, imma l-​kastig qatt m’għandu jkun aħrax. (Ġeremija 30:11) Allura qatt m’għandek tiddixxiplina lil uliedek meta tkun irrabjat. Kliemek ma jridx ikun bħal “daqqiet taʼ sejf” li jweġġagħhom. (Proverbji 12:18) Għallem lil uliedek biex jifhmu għala hemm bżonn li jobdu.—Efesin 6:4; Ebrej 12:9-​11; ara n-​Nota fl-​aħħar numru 30.

DAK LI ALLA JISTENNA MIT-​TFAL

14, 15. It-​tfal għala għandhom jobdu lill-​ġenituri tagħhom?

14 Ġesù dejjem obda lil Missieru, anki meta ma kienx faċli. (Luqa 22:42; Ġwanni 8:28, 29) Ġeħova jistenna wkoll li t-​tfal jobdu lill-​ġenituri tagħhom.—Efesin 6:1-​3.

15 Tfal, anki jekk tħossu li hu diffiċli biex tobdu lill-​ġenituri tagħkom, ftakru li meta tkunu ubbidjenti, Ġeħova u l-​ġenituri tagħkom jieħdu pjaċir bikom. *Proverbji 1:8; 6:20; 23:22-​25.

X’se jgħin liż-żgħażagħ ikunu leali lejn Alla meta jiġu mħajrin biex jagħmlu xi ħaġa ħażina?

16. (a) Satana kif jipprova jħajjar liż-​żgħażagħ biex jagħmlu xi ħaġa ħażina? (b) Għala hu importanti li tagħżel ħbieb li jħobbu lil Ġeħova?

16 Ix-​Xitan jistaʼ juża lil sħabek u lil żgħażagħ oħrajn biex jipprova jħajrek tagħmel xi ħaġa ħażina. Hu jaf li din il-​pressjoni tistaʼ tkun diffiċli ħafna biex tirreżistiha. Pereżempju, Dina, it-​tifla taʼ Ġakobb, kellha xi ħbieb li ma kinux iħobbu lil Ġeħova. Minħabba f’hekk, kemm hi u kemm familtha daħlu f’ħafna inkwiet. (Ġenesi 34:1, 2) Jekk sħabek ma jħobbux lil Ġeħova, għandhom mnejn jipprovaw iħajruk biex tagħmel xi ħaġa li Ġeħova jobgħod, u dan kieku jikkaġuna ħafna wġigħ għalik, għal familtek, u għal Alla. (Proverbji 17:21, 25) Għalhekk hu importanti ħafna li ssib ħbieb li jħobbu lil Ġeħova.—1 Korintin 15:33.

IL-​FAMILJA TIEGĦEK TISTAʼ TKUN FERĦANA

17. Liema responsabbiltà għandha kull persuna fil-​familja?

17 Meta l-​membri tal-​familja jsegwu l-​istruzzjonijiet t’Alla, huma jevitaw l-​inkwiet u ħafna problemi. Allura jekk int raġel miżżewweġ, ħobb lil martek u ttrattaha bl-​imħabba. Jekk int mara miżżewġa, uri rispett u sottomissjoni lejn żewġek u imita l-​eżempju tal-​mara deskritta fi Proverbji 31:10-​31. Jekk int ġenitur, għallem lil uliedek biex iħobbu lil Alla. (Proverbji 22:6) Jekk int missier, iggwida lil familtek “bl-​aħjar mod.” (1 Timotju 3:4, 5; 5:8) U tfal, obdu lill-​ġenituri tagħkom. (Kolossin 3:20) Ftakru li kull persuna fil-​familja tistaʼ tiżbalja, allura kunu umli u itolbu lil xulxin maħfra. Iva, il-​Bibbja fiha gwida mingħand Ġeħova għal kull persuna fil-​familja.

^ par. 12 Tistaʼ ssib iktar informazzjoni dwar kif tipproteġi lil uliedek f’kapitlu 32 tal-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 15 It-​tfal m’għandhomx għalfejn jobdu lill-​ġenituri tagħhom jekk ikunu jriduhom jagħmlu xi ħaġa li tmur kontra l-​liġi t’Alla.—Atti 5:29.