KAPITLU SBATAX
Il-privileġġ tat-talb
1, 2. Għala taħseb li t-talb hu għotja daqstant speċjali, u għala għandna bżonn inkunu nafu x’tgħid il-Bibbja dwar it-talb?
IMQABBLA mal-univers, id-dinja hi żgħira ħafna. Meta Ġeħova jħares lejn id-dinja, in-nies tal-pajjiżi kollha jidhru qishom qatra waħda minn barmil ilma. (Salm 115:15; Isaija 40:15) Avolja aħna żgħar ħafna meta mqabblin mal-univers, Salm 145:18, 19 jgħid: “Ġeħova hu qrib dawk kollha li jsejħulu, dawk kollha li jsejħulu bil-verità. Hu se jwettaq ix-xewqa taʼ dawk li jibżgħu minnu, u se jismaʼ l-għajta tagħhom għall-għajnuna u jsalvahom.” Xi privileġġ meraviljuż għandna! Ġeħova, il-Ħallieq li jistaʼ kollox, irid ikun qrib tagħna, u jrid jagħti widen għat-talb tagħna. Iva, it-talb hu privileġġ, għotja speċjali li Ġeħova ta lil kull wieħed u waħda minna.
2 Imma Ġeħova se jismagħna biss jekk inkellmuh bil-mod kif irid hu. Kif nistgħu nagħmlu dan? Ejja naraw x’tgħid il-Bibbja dwar it-talb.
GĦALA GĦANDNA NITOLBU LIL ĠEĦOVA?
3. Għala għandek titlob lil Ġeħova?
3 Ġeħova jridek titlob lilu, jew titkellem miegħu. Kif nafu dan? Jekk jogħġbok aqra Filippin 4:6, 7. Aħseb ftit dwar din l-istedina mill-qalb. Il-Mexxej tal-univers hu interessat ferm fik u jridek tiftaħ qalbek miegħu u tgħidlu dwar il-problemi tiegħek.
4. Talb regolari lil Ġeħova kif isaħħaħ il-ħbiberija tiegħek miegħu?
4 It-talb jgħinna biex ikollna ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova. Meta l-ħbieb jitkellmu regolarment maʼ xulxin dwar xi jkun għaddej minn moħħhom, dwar x’qed jinkwetahom, u dwar kif ikunu qed iħossuhom, il-ħbiberija tagħhom tissaħħaħ. L-istess meta nitolbu lil Ġeħova. Permezz tal-Bibbja, hu wriek x’jaħseb u xi jħoss, u jgħidlek x’se jagħmel fil-futur. Int tistaʼ taqsam saħansitra l-iktar sentimenti profondi tiegħek miegħu billi tkellmu regolarment. Hekk kif tagħmel hekk, il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova se tissaħħaħ ħafna iktar.—XI RRIDU NAGĦMLU BIEX ALLA JISMAGĦNA?
5. Kif nafu li Ġeħova ma jismax it-talb kollu?
5 Jismaʼ Ġeħova kull tip taʼ talb? Le. Fi żmien il-profeta Isaija, Ġeħova qal lill-Iżraelin: “Avolja tgħidu ħafna talb, m’iniex nismaʼ; idejkom imtlew bit-tixrid taʼ demm.” (Isaija 1:15) Allura jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nagħmlu xi ħaġa li tbegħedna minn Ġeħova, u b’hekk ma jagħtix kas it-talb tagħna.
6. (a) Il-fidi għala hi daqstant importanti? (b) Kif tistaʼ turi li għandek il-fidi?
6 Jekk irridu li Ġeħova jismaʼ t-talb tagħna jrid ikollna fidi fih. (Marku 11:24) L-appostlu Pawlu jispjega: “Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew, għax min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Imma mhuwiex biżżejjed li sempliċement ngħidu li għandna l-fidi. Irridu nagħtu prova ċara tal-fidi tagħna billi nobdu lil Ġeħova kuljum.—Aqra Ġakbu 2:26.
7. (a) Għala għandna nkunu umli u nuru rispett meta nitolbu lil Ġeħova? (b) Kif nistgħu nuru li aħna sinċieri meta nitolbu?
7 Meta nitolbu lil Ġeħova għandna nkunu umli u nuru rispett. Għala? Kieku konna se nkellmu lil xi re jew president, dan konna nagħmluh bir-rispett. Ġeħova hu Alla li Jistaʼ Kollox, allura m’għandniex aħna nuru saħansitra iktar rispett u umiltà meta nkellmuh? (Ġenesi 17:1; Salm 138:6) Għandna wkoll inkunu sinċieri u nitolbu lil Ġeħova minn qalbna, m’għandniex sempliċement nirripetu l-istess kliem darba wara l-oħra.—Mattew 6:7, 8.
8. Meta nitolbu dwar xi ħaġa, x’hemm bżonn li nagħmlu?
8 Fl-aħħar, meta nitolbu dwar xi ħaġa, għandna nagħmlu kulma nistgħu biex naħdmu fi qbil mat-talb tagħna. Pereżempju, jekk nitolbu lil Ġeħova għall-bżonnijiet tagħna taʼ kuljum, mela ma nistgħux inkunu għażżenin u nistennew li Ġeħova jagħtina kollox avolja aħna kapaċi naħdmu. Għandna naħdmu iebes u naċċettaw kwalunkwe xogħol li nistgħu nagħmlu. (Mattew 6:11; 2 Tessalonikin 3:10) Jew jekk nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna ħalli ma nibqgħux nagħmlu xi ħaġa ħażina, hemm bżonn li nevitaw kull sitwazzjoni li tistaʼ tħajjarna naqgħu fid-dnub. (Kolossin 3:5) Issa ejja neżaminaw xi mistoqsijiet komuni dwar it-talb.
MISTOQSIJIET KOMUNI DWAR IT-TALB
9. (a) Lil min għandna nitolbu? (b) Ġwanni 14:6 x’jgħallimna dwar it-talb?
9 Lil min għandna nitolbu? Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu lil “Missierna fis-smewwiet.” (Mattew 6:9) Qal ukoll: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6) Allura għandna nitolbu biss lil Ġeħova permezz taʼ Ġesù. Xi jfisser li nitolbu permezz taʼ Ġesù? Biex Ġeħova jaċċetta t-talb tagħna, hemm bżonn li nuru rispett għall-inkarigu speċjali li Ġeħova ta lil Ġesù. Bħalma tgħallimna, Ġesù ġie fuq l-art biex isalvana mid-dnub u l-mewt. (Ġwanni 3:16; Rumani 5:12) Barra minn hekk, Ġeħova ħatar lil Ġesù bħala Qassis il-Kbir u Mħallef.—Ġwanni 5:22; Ebrej 6:20.
10. Għandna bżonn noqogħdu f’xi pożizzjoni speċjali meta nitolbu? Spjega.
10 Għandna bżonn noqogħdu f’xi pożizzjoni speċjali meta nitolbu? Le, Ġeħova ma jgħidilniex biex noqogħdu għarkopptejna, biex inpoġġu bilqiegħda, jew biex inqumu bilwieqfa meta nitolbu. Il-Bibbja tgħallimna li nistgħu nitolbu lil Ġeħova fi kwalunkwe pożizzjoni dinjituża. (1 Kronaki 17:16; Neħemija 8:6; Danjel 6:10; Marku 11:25) L-iktar ħaġa importanti għal Ġeħova mhijiex f’liema pożizzjoni noqogħdu meta nitolbuh, imma li nkellmuh bl-attitudni t-tajba. Nistgħu nitolbu b’leħen għoli jew f’qalbna nkunu fejn inkunu u fi kwalunkwe ħin matul il-ġurnata jew billejl. Meta nitolbu lil Ġeħova, aħna nistgħu nkunu ċerti li se jismagħna anki meta ħadd iktar ma jismagħna.—Neħemija 2:1-6.
11. X’inhuma xi affarijiet li nistgħu nitkellmu maʼ Ġeħova dwarhom?
11 Għal xiex nistgħu nitolbu? Nistgħu nitolbu għal kull ħaġa li hi aċċettabbli għal Ġeħova. Il-Bibbja tgħid: “Kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.” (1 Ġwanni 5:14) Nistgħu nitolbu dwar affarijiet persunali? Iva. It-talb lil Ġeħova għandu jkun bħal meta nitkellmu maʼ ħabib tal-qalb. Maʼ Ġeħova nistgħu niftħu qalbna. (Salm 62:8) Nistgħu nitolbuh biex jagħtina l-ispirtu qaddis setgħan tiegħu biex jgħinna nagħmlu t-tajjeb. (Luqa 11:13) Nistgħu wkoll nitolbu lil Ġeħova għall-għerf biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin, u nistgħu nitolbu għas-saħħa biex inkampaw mad-diffikultajiet. (Ġakbu 1:5) Għandna nistaqsu lil Ġeħova biex jaħfrilna dnubietna. (Efesin 1:3, 7) Għandna nitolbu wkoll għal oħrajn, inkluż il-familja tagħna u ħutna fil-kongregazzjoni.—Atti 12:5; Kolossin 4:12.
12. X’għandu jkun l-iktar importanti fit-talb tagħna?
12 X’għandu jkun l-iktar importanti fit-talb tagħna? Ġeħova u r-rieda tiegħu. Għandna nirringrazzjawh minn qalbna għal dak kollu li għamel għalina. (1 Kronaki 29:10-13) Dan nafuh għax meta Ġesù kien fuq l-art, hu għallem lid-dixxipli tiegħu kif għandhom jitolbu. (Aqra Mattew 6:9-13.) Hu qal li l-ewwel għandhom jitolbu biex l-isem t’Alla jitqaddes, jiġifieri, li jiġi trattat bħala li hu sagru jew qaddis. Imbagħad Ġesù wera li għandna nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla u biex ir-rieda t’Alla sseħħ mad-dinja kollha. Ġesù qal li huwa biss wara li nitolbu għal dawn l-affarijiet importanti ħafna li għandna nitolbu għall-bżonnijiet persunali tagħna. Meta npoġġu lil Ġeħova u r-rieda tiegħu l-ewwel fit-talb tagħna, inkunu qed nuru x’inhu l-iktar importanti għalina.
13. Kemm għandu jkun twil it-talb tagħna?
13 Kemm għandu jkun twil it-talb tagħna? Il-Bibbja ma tgħidx. It-talb tagħna jistaʼ jkun twil jew qasir, skont 1 Samwel 1:12, 15) Ma rridux nitolbu fit-tul sempliċement biex nimpressjonaw lil oħrajn, kif kienu jagħmlu xi wħud fi żmien Ġesù. (Luqa 20:46, 47) Talb bħal dan ma jimpressjonax lil Ġeħova. L-iktar ħaġa importanti għal Ġeħova hi li nitolbu minn qalbna.
is-sitwazzjoni. Pereżempju, forsi ngħidu talba qasira qabel ma nieklu imma talba itwal meta nkunu qed nirringrazzjaw lil Ġeħova jew niftħu qalbna miegħu. (14. Kemm għandna nitolbu spiss, u dan x’jgħallimna dwar Ġeħova?
14 Kemm għandna nitolbu spiss? Ġeħova jistidinna biex inkellmuh regolarment. Il-Bibbja tgħid li għandna ‘nitolbu kontinwament,’ ‘nipperseveraw fit-talb,’ u ‘nitolbu bla waqfien.’ (Mattew 26:41; Rumani 12:12; ) Ġeħova dejjem hu lest li jagħtina widen. Nistgħu nirringrazzjawh kuljum għall-imħabba u l-ġenerożità tiegħu. Nistgħu nistaqsuh ukoll għall-gwida, is-saħħa, u l-faraġ tiegħu. Jekk verament ngħożżu l-privileġġ li nistgħu nitolbu lil Ġeħova, se nużaw kull opportunità biex inkellmuh. 1 Tessalonikin 5:17
15. Għala għandna ngħidu “ammen” fl-aħħar tat-talba?
15 Għala għandna ngħidu “ammen” fl-aħħar tat-talba? Il-kelma “ammen” tfisser “żgur” jew “hekk ikun.” Huwa mod kif nuru li verament nemmnu dak li għedna fit-talba, jiġifieri, li aħna sinċieri. (Salm 41:13) Il-Bibbja tgħallimna li hu tajjeb ukoll li ngħidu “ammen,” jew f’qalbna jew b’leħen għoli, fl-aħħar taʼ talba pubblika biex nuru li naqblu maʼ dak li ntqal.—1 Kronaki 16:36; 1 Korintin 14:16.
KIF ALLA JWIEĠEB IT-TALB TAGĦNA
16. Ġeħova verament iwieġeb it-talb tagħna? Spjega.
16 Ġeħova verament iwieġeb it-talb tagħna? Iva. Il-Bibbja tgħid li hu “Semmiegħ it-talb.” (Salm 65:2) Ġeħova jismaʼ u jwieġeb it-talb sinċier taʼ miljuni taʼ bnedmin, u dan jagħmlu b’ħafna modi differenti.
17. Ġeħova kif juża l-anġli u l-qaddejja tiegħu fuq l-art biex iwieġeb it-talb tagħna?
17 Ġeħova juża l-anġli u l-qaddejja tiegħu fuq l-art biex iwieġeb it-talb tagħna. (Ebrej 1:13, 14) Hemm bosta eżempji taʼ nies li talbu għall-għajnuna biex jifhmu l-Bibbja u ftit wara dan ħabbtilhom il-bieb wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-Bibbja turi li l-anġli huma involuti f’li jxandru “aħbar tajba” mad-dinja kollha. (Aqra Rivelazzjoni 14:6.) Ukoll, ħafna minna tlabna lil Ġeħova dwar xi problema jew bżonn speċifiku u mbagħad irċivejna l-għajnuna li kellna bżonn minn xi ħu jew oħt Kristjana.—Proverbji 12:25; Ġakbu 2:16.
18. Ġeħova kif juża l-ispirtu qaddis tiegħu u l-Bibbja biex iwieġeb it-talb?
18 Ġeħova juża l-ispirtu qaddis tiegħu biex iwieġeb it-talb tagħna. Meta nitolbu għall-għajnuna biex inkampaw maʼ xi problema, hu għandu mnejn juża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jiggwidana u jsaħħaħna. (2 Korintin 4:7) Ġeħova juża wkoll il-Bibbja biex iwieġeb it-talb tagħna u biex jgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Meta naqraw il-Bibbja, nistgħu nsibu skritturi li se jgħinuna. Ġeħova jistaʼ wkoll iqanqal lil xi ħadd li jikkummenta f’xi laqgħa biex jgħid dak li għandna bżonn nisimgħu jew xi anzjan fil-kongregazzjoni biex jaqsam xi ħsieb mill-Bibbja magħna.—Galatin 6:1.
19. Għala jistaʼ jidher li Ġeħova ma wiġibx it-talb tagħna?
19 Iżda kultant forsi nistaqsu, ‘Ġeħova għax għadu ma wiġibx it-talb tiegħi?’ Ftakar, hu jaf meta u kif għandu jwieġeb it-talb tagħna. Hu jaf x’għandna bżonn. Forsi jkollna nibqgħu nitolbu għal xi żmien biex nuru li verament nixtiequ dak li qed nitolbuh u biex nuruh li tassew għandna fidi fih. (Luqa 11:5-10) Kultant Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna b’mod li ma nkunux qed nistennew. Pereżempju, għandna mnejn nitolbu dwar sitwazzjoni diffiċli, imma minflok ma jneħħilna l-problema, forsi jagħtina s-saħħa biex nissaportuha.—Aqra Filippin 4:13.
20. Għala għandna nitolbu lil Ġeħova spiss?
20 Xi privileġġ meraviljuż għandna li nistgħu nitolbu lil Ġeħova! Nistgħu nkunu ċerti li hu se jismagħna. (Salm 145:18) U iktar ma nitolbu lil Ġeħova minn qalbna, iktar se nsaħħu l-ħbiberija tagħna miegħu.