Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 14

Għala Għandna Naħfru

Għala Għandna Naħfru

QATT kien hemm xi ħadd li għamillek xi ħaġa ħażina?— Forsi weġġgħek jew qallek xi ħaġa kattiva?— Għandek int tkun kattiv miegħu bħalma hu kien kattiv miegħek?—

Jekk xi ħadd jagħmel xi ħaġa biex iweġġagħhom, ħafna nies iweġġgħuh huma wkoll biex ipattuhielu. Imma Ġesù għallimna li għandna naħfru lil dawk li jagħmlulna xi ħaġa ħażina. (Mattew 6:12) X’jiġri jekk persuna tkun kattiva magħna għal ħafna drabi? Kemm-il darba għandna naħfrulha?—

Pietru xtaq ikun jaf din il-​ħaġa. Allura darba waħda hu staqsa lil Ġesù: ‘Irrid naħfirlu anki sa sebaʼ darbiet?’ Sebaʼ darbiet m’humiex biżżejjed. Ġesù qal: ‘Int trid taħfirlu sebgħa u sebgħin darba’ jekk l-​individwu jidneb kontrik daqshekk.

Pietru x’ried ikun jaf dwar il-​maħfra?

Kemm irridu naħfru! Aħna lanqas biss jirnexxilna niftakru daqshekk dnubiet jew affarijiet ħżiena li jagħmlilna xi ħadd, hux veru? U Ġesù hekk kien qed jgħidilna: M’għandniex nipprovaw niftakru kemm-il darba xi ħadd jagħmlilna xi ħaġa ħażina. Jekk dan jitlobna biex naħfrulu, aħna għandna naħfrulu.

Ġesù ried juri lid-​dixxipli tiegħu li huwa importanti ħafna li naħfru. Allura, wara li wieġeb il-​mistoqsija taʼ Pietru, hu qal storja lid-​dixxipli tiegħu. Tixtieq tismagħha?—

Darba waħda kien hemm sultan tajjeb. Dan kien qalbu tajba ħafna. Kien anki jsellef il-​flus lill-​ilsiera tiegħu meta kien ikollhom bżonn lgħajnuna. Imma wasal il-​jum meta s-​sultan ried li dawk l-​ilsiera li kien tahom il-​flus iħallsuh lura. Ġie quddiem is-​sultan wieħed ilsir li kellu jagħtih 60 miljun biċċa tal-​flus. Dawn kienu ħafna flus!

X’ġara meta l-​ilsir talab lis-​sultan għal iktar żmien biex iħallsu?

Imma l-​ilsir kien nefaq il-​flus kollha tas-​sultan u ma setax iħallas lura lis-​sultan. Għalhekk, is-​sultan ordna biex ibigħu lil dan l-​ilsir. Is-​sultan qal ukoll biex ibigħu lill-​mara u t-​tfal taʼ l-​ilsir u dak kollu li kellu. Imbagħad, bil-​flus li jiġbru mill-​bejgħ, l-​ilsir setaʼ jħallas lis-​sultan. Kif taħseb li ħassu l-​ilsir?—

Hu niżel għarkopptejh quddiem is-​sultan u talbu bil-​ħniena: ‘Jekk jogħġbok, agħtini iktar żmien, u nħallas dak kollu li għandi nagħtik.’ Li kieku kont is-​sultan, x’kont tagħmel bl-​ilsir?— Is-​sultan tħassru lill-​ilsir, u għalhekk ħafirlu. Hu qal lill-​ilsir li ma kellux għalfejn jagħtih lura l-​flus, lanqas munita waħda mis-​60 miljun biċċa tal-​flus. Min jaf kemm feraħ l-​ilsir!

Imma mbagħad x’għamel l-​ilsir? Mar u sab ilsir ieħor bħalu li kellu jagħtih mitt biċċa tal-​flus biss. Hu ħataf lil dan l-​ilsir minn għonqu u beda jifgah u jgħidlu: ‘Ħallas lura l-​mitt biċċa li għandek tagħtini!’ Tistaʼ timmaġina lil xi ħadd jagħmel hekk, iktar u iktar meta s-​sultan kien ħafirlu dawk il-​flus kollha?—

L-​ilsir x’għamillu lill-​ilsir sieħbu li ma setax iħallsu lura dak li kellu jagħtih?

L-ilsir li kellu jagħti biss mitt biċċa tal-​flus kien fqir. Hu ma setax jagħti lura l-​flus mill-​ewwel. Għalhekk niżel fl-​art quddiem l-​ilsir sieħbu u talbu bil-​ħniena: ‘Jekk jogħġbok, agħtini iktar żmien, u nħallas dak li għandi nagħtik.’ Kellu dan ir-​raġel jagħti iktar żmien lill-​ilsir sieħbu?— Int x’kont tagħmel?—

Dan ir-​raġel ma kellux qalbu tajba, bħalma kien is-​sultan. Hu ried il-​flus tiegħu mill-​ewwel. U peress li l-​ilsir sieħbu ma setax iħallsu, hu tefgħu fil-​ħabs. Ilsiera oħra raw dan kollu jiġri, u ma ħadux pjaċir. Huma tħassruh lill-​ilsir li kien il-​ħabs. Għalhekk marru u qalu kollox lis-​sultan.

Is-​sultan ukoll ma ħax pjaċir. Hu rrabja ħafna għall-​ilsir li ma riedx jaħfer. Għalhekk bagħat għalih u qallu: ‘Ja lsir ħażin, jien ma ħfirtlikx dak li kellek tagħtini? Allura ma messikx int ħfirtlu lil sieħbek l-​ilsir?’

Is-​sultan x’għamillu lill-​ilsir li ma riedx jaħfer?

L-ilsir li ma ħafirx messu ħa tagħlima mis-​sultan tajjeb. Imma m’għamilx hekk. Għalhekk, is-​sultan tefaʼ lil dan l-​ilsir il-​ħabs sakemm iħallas lura s-​60 miljun biċċa tal-​flus. U fil-​ħabs, dan żgur ma setax jaqlaʼ l-​flus biex iħallas lura lis-​sultan. Allura kien se jibqaʼ hemm sakemm imut.

X’ħin Ġesù spiċċa jirrakkonta l-​istorja tiegħu, hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Hekk ukoll jagħmlilkom Missieri tas-​sema jekk ma taħfrux minn qalbkom kull wieħed lil ħuh.”—Mattew 18:​21-35.

Trid tifhem li lkoll kemm aħna għandna ħafna affarijiet xi nħallsuh lura lil Alla. Fil-​fatt, anki l-​ħajja tagħna tahielna Alla! Mela nies oħra ftit għandhom jagħtuna affarijiet x’ħin inqabbluhom maʼ kemm aħna għandna nagħtu lil Alla. Dak li għandhom jagħtuna huwa bħall-​mitt biċċa tal-​flus li lsir wieħed kellu jagħti lill-​ieħor. Imma dak li għandna nagħtu lil Alla minħabba l-​affarijiet ħżiena li nagħmlu huwa bħas-​60 miljun biċċa li l-​ilsir kellu jagħti lis-​sultan.

Alla huwa qalbu tajba ħafna. Għalkemm nagħmlu affarijiet ħżiena, hu jaħfrilna. Hu ma jgħidilniex biex inħallsuh billi jieħu l-​ħajja tagħna għal dejjem. Imma din hija t-​tagħlima li rridu niftakru: Alla jaħfrilna biss jekk aħna naħfru lil nies li jagħmlulna xi ħaġa ħażina. Huwa tajjeb li naħsbu fuq din it-​tagħlima, hux veru?—

Int x’se tagħmel jekk xi ħadd jitolbok taħfirlu?

Mela jekk xi ħadd jagħmillek xi ħaġa kattiva imma mbagħad jgħidlek li jiddispjaċih, x’se tagħmel? Se taħfirlu?— U jekk jagħmel hekk ħafna drabi? Xorta tibqaʼ taħfirlu?—

Li kieku aħna nitolbu lil xi ħadd biex jaħfrilna, inkunu nixtiequ li dan jaħfrilna, hux veru?— Mela aħna rridu nagħmlu l-​istess miegħu. Mhux biss irridu ngħidu li naħfrulu imma għandna verament naħfrulu minn qalbna. Meta nagħmlu dan, aħna nuru li veru nixtiequ nkunu dixxipli taʼ l-​Għalliem il-​Kbir.

Biex nifhmu kemm hu importanti li naħfru, ejja naqraw ukoll Proverbji 19:11; Mattew 6:​14, 15; u Luqa 17:​3, 4.