KAPITLU 24
Qatt Issir Ħalliel!
QATT kien hemm xi ħadd li seraqlek xi ħaġa?— Kif ħassejtek?— Min seraq dik il-ħaġa kien ħalliel, u ħadd ma jieħu pjaċir b’ħalliel. Kif taħseb li bniedem isir ħalliel? Taħseb li jitwieled hekk?—
Għadna kif tgħallimna li n-nies jitwieldu bid-dnub. Mela aħna kollha imperfetti. Imma ħadd ma jitwieled ħalliel. Ħalliel jistaʼ jkun ġej minn familja tajba. Il-ġenituri tiegħu u ħutu jistgħu jkunu onesti. Imma dan jistaʼ jsir ħalliel għax ikun jixtieq affarijiet bħalma huma l-flus u dak li jistaʼ jixtri bihom.
Min taħseb li kien l-ewwel ħalliel?— Ejja naħsbu ftit. LGħalliem il-Kbir kien jafha lil din il-persuna meta kien fis-sema. Dan il-ħalliel kien anġlu. Imma peress li Alla għamel l-anġli kollha perfetti, dan l-anġlu kif sar ħalliel?— Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 8 taʼ dan il-ktieb, hu ried xi ħaġa li ma kinitx tiegħu. Tiftakar x’kienet?—
Wara li Alla ħalaq l-ewwel raġel u mara, dan l-anġlu riedhom iqimu lilu. Hu ma kellu l-ebda dritt li jqimuh. Huma kellhom iqimu lil Alla. Imma hu seraq dik il-qima! Billi kkonvinċa lil Adam u Eva biex iqimuh, l-anġlu sar ħalliel. Sar Satana x-Xitan.
Wieħed għala jsir ħalliel?— Għax ikun jixtieq xi ħaġa li mhix tiegħu. Din ix-xewqa tistaʼ tant tkun kbira li minħabba fiha anki nies tajbin jistgħu jagħmlu affarijiet ħżiena. Xi kultant, dawk in-nies li jsiru ħallelin qatt ma jiddispjaċihom u qatt ma
jerġgħu jibdew jagħmlu t-tajjeb. Wieħed minnhom kien appostlu taʼ Ġesù. Kien jismu Ġuda l-Iskarjota.Ġuda kien jaf li hu ħażin li tisraq għax kien tgħallem il-Liġi t’Alla minn mindu kien tifel żgħir. Kien jaf li darba waħda Alla kien saħansitra tkellem mis-sema u qal lill-poplu tiegħu: “La tisraqx.” (Eżodu 20:15) Meta Ġuda kiber, hu ltaqaʼ maʼ l-Għalliem il-Kbir u sar wieħed mid-dixxipli tiegħu. Wara, Ġesù saħansitra għażel lil Ġuda biex ikun wieħed mit-12-il appostlu tiegħu.
Ġesù u l-appostli tiegħu kienu jivvjaġġaw flimkien u jieklu flimkien. Il-flus kollha li kellhom kienu jpoġġuhom ġo kaxxa. Ġesù ta l-kaxxa lil Ġuda biex jieħu ħsiebha. Ovvjament, il-flus ma kinux taʼ Ġuda. Imma taf x’beda jagħmel Ġuda wara ftit?—
Ġuda beda jieħu l-flus mill-kaxxa meta ma kienx suppost. Kien jieħu l-flus meta l-oħrajn ma kinux jarawh, u beda anki jipprova jara kif se jsib iktar flus. Beda jaħseb il-ħin kollu fuq il-flus. Ejja naraw għal xiex wasslet din ix-xewqa ħażina ftit ġranet qabel ma nqatel l-Għalliem il-Kbir.
Marija, oħt Lazzru li kien il-ħabib taʼ Ġesù, qabdet ftit żejt fin ħafna u dilket saqajn Ġesù. Imma Ġuda beda jgerger. Taf għala?— Hu qal li beda jgerger għax huma messhom biegħu ż-żejt u taw il-flus lill-foqra. Imma fil-fatt hu ried jitfaʼ iktar flus fil-kaxxa ħalli mbagħad ikollu x’jisraq.—Ġwanni 12:1-6.
Ġesù qal lil Ġuda biex ma joqgħodx idejjaq lil Marija li tant kellha qalbha tajba. Ġuda ma ħax pjaċir meta Ġesù qallu hekk, u għalhekk mar għand il-qassisin ewlenin, li kienu għedewwa taʼ Ġesù. Dawn riedu jarrestaw lil Ġesù, imma riedu jagħmlu hekk bil-lejl biex ma jarawhomx in-nies.
Ġuda qal lill-qassisin: ‘Jekk tagħtuni l-flus ngħidilkom kif tistgħu taqbdu lil Ġesù. Kemm tagħtuni?’
‘Nagħtuk tletin biċċa tal-fidda,’ wiġbuh il-qassisin.—Mattew 26:14-16.
Ġuda ħa l-flus. Kien qisu qiegħed ibigħ ’l-Għalliem il-Kbir lil dawn l-irġiel! Tistaʼ timmaġina li xi ħadd jagħmel xi ħaġa daqshekk ħażina?— Xi ħaġa hekk jagħmel wieħed li jsir ħalliel u jisraq il-flus. Hu jkun iħobb il-flus iktar milli jħobb lil nies oħra jew saħansitra lil Alla.
Forsi int tgħid, ‘Jien ma se nħobb xejn iktar milli nħobb lil Alla Ġeħova.’ Tajjeb li tħossok hekk. Meta Ġesù għażel lil Ġuda bħala appostlu, Ġuda x’aktarx li hekk ħassu. Forsi nies oħra li saru ħallelin ħassewhom hekk ukoll. Ejja nitkellmu dwar xi wħud minnhom.
Wieħed minn dawn kien qaddej t’Alla jismu Akan, li għex ħafna żmien qabel ma twieled l-Għalliem il-Kbir. Akan ra libsa sabiħa, blokka tad-deheb, u xi flus tal-fidda. Dawn ma kinux tiegħu. Il-Bibbja tgħid li dawn kienu taʼ Ġeħova għax kienu ġabuhom Ġożwè 6:19; 7:11, 20-22.
mingħand l-għedewwa tal-poplu t’Alla. Imma Akan tant riedhom li seraqhom.—Ħa nsemmu eżempju ieħor. Ħafna żmien ilu, Ġeħova għażel lil David biex ikun sultan fuq il-poplu taʼ Iżrael. Darba waħda, David beda jħares lejn il-mara sabiħa Batseba. Hu baqaʼ jħares lejn Batseba u jaħseb kif se jiħodha d-dar biex toqgħod miegħu. Madankollu, din kienet il-mara taʼ Urija. David x’suppost li għamel?—
David suppost li ma baqax jaħseb fuq li jieħu lil Batseba. Imma m’għamilx hekk u għalhekk ħadha d-dar tiegħu. Wara dan hu ftiehem biex Urija jinqatel. David għala għamel dawn l-affarijiet 2 Samwel 11:2-27.
ħżiena?— Għax baqaʼ jixtieq mara li kienet taʼ ħaddieħor.—Peress li David iddispjaċieh, Ġeħova ħallieh jgħix. Imma issa David kellu ħafna problemi. It-tifel tiegħu Absalom ried isir sultan floku. Allura meta kienu jiġu n-nies biex jaraw lil David, Absalom kien jibda jgħannaqhom u jbushom. Il-Bibbja tgħid: “Absalom seraq qalb in-nies taʼ Iżrael.” (Korsiv tagħna.) Hu kkonvinċa lin-nies biex jixtiequ lilu bħala sultan minflok lil David.—2 Samwel 15:1-12.
Qatt kien hemm xi ħaġa li xtaqtha ħafna, bħalma għamlu Akan, David, u Absalom?— Jekk din il-ħaġa hi taʼ ħaddieħor, tkun qed tisraq jekk tiħodha bla permess. Taf xi xtaq l-ewwel ħalliel, Satana?— Xtaq li n-nies iqimu lilu flok lil Alla. Allura Satana kien qed jisraq meta kkonvinċa lil Adam u Eva jobduh.
Meta persuna jkollha xi ħaġa tagħha, hi għandha dritt tgħid min jistaʼ jużaha. Per eżempju, forsi tmur tilgħab maʼ tfal oħra fid-dar tagħhom. Ikun sew li taqbad xi ħaġa mingħandhom u tiħodha d-dar tiegħek?— Le, ħlief meta ommhom jew missierhom jgħidlek li tistaʼ. Jekk tieħu xi ħaġa d-dar mingħajr ma tistaqsihom, tkun qed tisraq.
Għala tistaʼ tiġi ttantat tisraq?— Għax tkun tixtieq xi ħaġa li mhix tiegħek. Anki jekk ma jkunx hemm persuna oħra li tarak tiħodha, min jistaʼ jarak?— Alla Ġeħova. U rridu niftakru li Alla jobgħod is-serq. Mela l-imħabba għal Alla u għall-proxxmu tiegħek se tgħinek biex qatt ma ssir ħalliel.
Il-Bibbja turi ċar li huwa ħażin li tisraq. Jekk jogħġbok aqra Marku 10:17-19; Rumani 13:9; u Efesin 4:28.