Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 30

Għajnuna Biex Ma Nibżgħux

Għajnuna Biex Ma Nibżgħux

TĦOSS li hu faċli taqdi lil Ġeħova?— L-​Għalliem il-​Kbir ma qalx li dan kien se jkun faċli. Il-​lejl qabel ma Ġesù nqatel, hu qal lill-​appostli tiegħu: “Jekk id-​dinja tobgħodkom, tafu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom.”​—Ġwanni 15:18.

Pietru ftaħar li qatt ma kien se jitlaq lil Ġesù, imma Ġesù qal li f’dak il-​lejl stess Pietru tliet darbiet kien se jiċħad li jafu. U Pietru eżatt hekk għamel! (Mattew 26:​31-35, 69-75) Kif setgħet tiġri ħaġa bħal din?— Ġrat għax Pietru beda jibżaʼ, u l-​istess għamlu l-​appostli l-​oħra.

Taf għala bdew jibżgħu l-​appostli?— Kienu naqsu li jagħmlu xi ħaġa importanti ħafna. Il-​fatt li nitgħallmu din x’inhi se jgħinna naqdu lil Ġeħova, minkejja x’jistgħu jgħidu jew jagħmlulna n-​nies. L-​ewwel, iżda, irridu nerġgħu naraw x’ġara fl-​aħħar lejl li Ġesù qattaʼ maʼ l-​appostli tiegħu.

L-ewwel, huma jiċċelebraw il-​Qbiż flimkien. Din kienet ikla speċjali li kienet issir kull sena. In-​nies t’Alla kienu jiċċelebrawha biex jiftakru f’meta Alla ħelishom mill-​jasar fl-​Eġittu. Imbagħad Ġesù jagħmel ikla speċjali ġdida magħhom. Din se nitkellmu dwarha f’kapitlu ieħor u se nispjegaw kif din l-​ikla tgħinna niftakru f’Ġesù. Wara din l-​ikla u ftit kliem taʼ inkuraġġiment lill-​appostli tiegħu, Ġesù jiħodhom fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. Dan il-​post huwa wieħed mill-​favoriti tagħhom u marru hemm kemm-il darba.

Ġesù jitlaq għalih waħdu fil-​ġnien biex jitlob. Hu jgħid ukoll lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni biex jitolbu. Imma dawn jorqdu. Ġesù tliet darbiet imur għalih waħdu biex jitlob, u fit-​tliet darbiet jiġi lura u jsib lil Pietru u lill-​oħrajn reqdin! (Mattew 26:​36-47) Taf għala messhom baqgħu mqajmin jitolbu?— Ejja nitkellmu fuq dan.

Pietru, Ġakbu, u Ġwanni għala messhom baqgħu mqajmin?

Iktar kmieni f’dik il-​lejla, Ġuda l-​Iskarjota kien fl-​ikla tal-​Qbiż maʼ Ġesù u l-​appostli l-​oħra. Bħalma tistaʼ tiftakar, Ġuda kien sar ħalliel. Issa jsir traditur. Hu jaf bil-​post fil-​ġnien tal-​Ġetsemani fejn Ġesù mar kemm-il darba maʼ l-​appostli tiegħu. Għalhekk, Ġuda jieħu lis-​suldati hemmhekk biex jarrestaw lil Ġesù. Meta jaslu, Ġesù jistaqsihom: “Lil min qed tfittxu?”

Is-suldati jwieġbu: “Lil Ġesù.” Ġesù ma jibżax, u għalhekk jgħidilhom: “Jien hu.” Is-​suldati tant jibqgħu skantati bil-​kuraġġ taʼ Ġesù li jersqu lura u jaqgħu maʼ l-​art. Imbagħad Ġesù jgħid: ‘Jekk qed tfittxu lili, ħallu lill-​appostli tiegħi jmorru.’—Ġwanni 18:​1-9.

Meta s-​suldati jaqbdu lil Ġesù u jorbtuh, l-​appostli jibżgħu u jaħarbu jiġru. Imma Pietru u Ġwanni jridu jaraw x’se jiġri, u għalhekk jimxu warajhom mill-​bogħod. Sadanittant, lil Ġesù jiħduh fid-​dar taʼ Kajfa, il-​qassis il-​kbir. Peress li Ġwanni kien jaf lill-​qassis il-​kbir, il-​qaddejja tal-​bieb tħalli lilu u lil Pietru jidħlu fil-​bitħa.

Il-qassisin diġà nġabru flimkien fid-​dar taʼ Kajfa biex jiġġudikaw lil Ġesù. Huma jridu li jinqatel. Għalhekk iġibu lil xi wħud biex jgħidu l-​gideb fuq Ġesù. In-​nies jagħtuh daqqiet taʼ ħarta u bil-​ponn. Waqt li jiġri dan kollu, Pietru jinsab fil-​qrib.

Waħda mill-​qaddejja, dik li daħħlet lil Pietru u lil Ġwanni, tinnota lil Pietru. “Int ukoll kont maʼ Ġesù!” hi tgħid. Imma Pietru jiċħad li saħansitra kien jaf lil Ġesù. Wara ftit, tifla oħra tagħraf lil Pietru u tgħid lil dawk li kienu hemm: “Dan ir-​raġel kien maʼ Ġesù.” Pietru jerġaʼ jiċħad li jafu. Xi ħin wara, xi nies jaraw lil Pietru u jgħidulu: “Żgur li int ukoll wieħed minnhom.” Għat-​tielet darba Pietru jiċħad dan, u jgħid: “Ma nafux lil dak ir-​raġel!” Pietru saħansitra jaħlef li qed jgħid il-​verità, u Ġesù jdur u jħares lejh.—Mattew 26:​57-75; Luqa 22:​54-62; Ġwanni 18:​15-27.

Pietru għala tant beżaʼ u gideb li ma kienx jaf lil Ġesù?

Taf għala gideb Pietru?— Iva, għax kien qed jibżaʼ. Imma għala beżaʼ? X’naqas li jagħmel biex isaħħaħ il-​kuraġġ tiegħu? Aħseb ftit. Ġesù x’kien għamel biex ikollu l-​kuraġġ?— Kien talab lil Alla, u Alla għenu biex jagħmel kuraġġ. U ftakar, Ġesù tliet darbiet kien qal lil Pietru biex jitlob u biex jibqaʼ mqajjem u joqgħod għassa. Imma x’kien ġara?—

Kull darba, Pietru raqad. Hu ma talabx, u ma qagħadx għassa. Allura nħasad x’ħin Ġesù ġie arrestat. Iktar tard waqt il-​proċess, meta sawtu lil Ġesù u bdew jiftiehmu biex joqtluh, Pietru twerwer. Madankollu, ftit tas-​sigħat qabel, Ġesù x’kien qalilhom li kellhom jistennew lill-​appostli?— Ġesù kien qalilhom li bħalma d-​dinja kienet bagħditu, din kienet se tobgħod lilhom ukoll.

Kif tistaʼ ssib ruħek f’sitwazzjoni bħal dik taʼ Pietru?

Issa ejja naħsbu f’xi ħaġa li tistaʼ tiġri lilna u tixbah ħafna lil dak li ġralu Pietru. Immaġina li qiegħed fil-​klassi u tfal oħra jibdew jgħidu affarijiet kontra nies li ma jsellmux il-​bandiera jew li ma jiċċelebrawx il-​Milied. Imbagħad x’jiġri jekk xi ħadd idur fuqek u jistaqsik: “Veru li int ma ssellimx il-​bandiera?” Jew oħrajn jgħidulek: “Smajna li int lanqas biss tiċċelebra l-​Milied!” Se tibżaʼ tgħid il-​verità?— Se tħossok ittantat li tigdeb, bħalma għamel Pietru?—

Wara dan, Pietru ddispjaċieh ħafna li kien ċaħad li jaf lil Ġesù. Meta induna x’għamel, ħareġ barra u beka. Iva, hu reġaʼ lura għand Ġesù. (Luqa 22:32) Issa aħseb ftit. X’jistaʼ jgħinna biex ma nibżgħux iżżejjed u nispiċċaw ngħidu xi ħaġa bħalma qal Pietru?— Ftakar, Pietru kien naqas li jitlob u jibqaʼ għassa. Mela, x’taħseb li għandna bżonn nagħmlu biex inkunu dixxipli taʼ l-​Għalliem il-​Kbir?—

Żgur li għandna bżonn nitolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna. Meta Ġesù talab, taf x’għamillu Alla?— Bagħat anġlu biex iqawwilu qalbu. (Luqa 22:43) Jistgħu jgħinuna l-​anġli t’Alla?— Il-​Bibbja tgħid: “L-​anġlu tal-​Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.” (Salm 34:8 [34:​7, NW]) Imma biex nirċievu l-​għajnuna t’Alla, irridu nagħmlu xi ħaġa iktar milli nitolbu għaliha. Taf x’għandna bżonn nagħmlu iktar?— Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex jibqgħu mqajmin u joqogħdu għassa. Kif taħseb li nistgħu nagħmlu hekk?—

Irridu nisimgħu sew x’jintqal fil-​laqgħat Kristjani tagħna u nagħtu kas taʼ dak li naqraw mill-​Bibbja. Imma rridu wkoll nitolbu lil Ġeħova regolarment u nitolbuh biex jgħinna naqduh. Jekk nagħmlu hekk, se nirċievu l-​għajnuna biex ma nibżgħux. Imbagħad se nieħdu pjaċir meta jkollna l-​opportunità li ngħidu lil nies oħra dwar l-​Għalliem il-​Kbir u Missieru.

Dawn l-​iskritturi jistgħu jgħinuna biex qatt ma nibżgħu minn nies oħra u minħabba f’hekk ma nagħmlux it-​tajjeb: Proverbji 29:25; Ġeremija 26:​12-15, 20-24; u Ġwanni 12:​42, 43.