Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 2

Ittra Mingħand Alla li Jħobb

Ittra Mingħand Alla li Jħobb

GĦIDLI ftit, liema hu l-​ktieb favorit tiegħek?— Xi tfal jagħżlu wieħed li jitkellem fuq l-​annimali. Oħrajn jagħżlu ktieb li fih ħafna stampi. Dawn il-​kotba jistgħu jkunu sbieħ ħafna.

Imma l-​isbaħ kotba li jeżistu fid-​dinja huma dawk li jgħidulna l-​verità dwar Alla. Wieħed minn dawn il-​kotba huwa iktar prezzjuż mill-​oħrajn kollha. Taf liema wieħed hu?— Il-​Bibbja.

Il-Bibbja għala hi daqshekk importanti?— Għax ġiet mingħand Alla. Tgħidilna dwaru u dwar l-​affarijiet tajbin li se jagħmel għalina. U turina x’għandna nagħmlu biex nogħġbuh. Hija bħal ittra mingħand Alla.

Issa Alla setaʼ kiteb il-​Bibbja kollha fis-​sema u mbagħad taha lill-​bnedmin. Imma m’għamilx hekk. Għalkemm l-​ideat kienu ġejjin mingħand Alla, hu uża lill-​qaddejja tiegħu fuq l-​art biex jiktbu l-​biċċa l-​kbira tal-​Bibbja.

Alla kif għamlu dan?— Biex nifhmu kif, aħseb dwar dan. Meta nisimgħu l-​leħen taʼ xi ħadd fuq ir-​radju, il-​leħen jistaʼ jkun taʼ persuna li qiegħda ’l bogħod ħafna. Meta naraw it-​televixin, nistgħu anki naraw stampi taʼ nies f’pajjiżi oħra tad-​dinja, u nistgħu nisimgħu x’qegħdin jgħidu.

Il-bnedmin jistgħu saħansitra jivvjaġġaw ’il bogħod ħafna u jaslu sal-​qamar bir-​rokits tagħhom. Minn hemmhekk jistgħu jibagħtu messaġġi għal fuq l-​art. Kont tafu dan?— Jekk il-​bnedmin jistgħu jagħmlu dan, ma jistax Alla jibgħat messaġġi mis-​sema?— Dażgur li jistaʼ! U hu għamel hekk ħafna żmien qabel ma n-​nies kellhom ir-​radju u t-​televixin.

Kif nafu li Alla jistaʼ jkellimna mill-​bogħod ħafna?

Mosè kien raġel li fil-​fatt semaʼ lil Alla jitkellem. Mosè ma setax jara lil Alla, imma setaʼ jismaʼ leħnu. Kien hemm miljuni taʼ nies meta ġara dan. Fil-​fatt, dakinhar Alla ċaqlaq muntanja sħiħa, u kien hemm ir-​ragħad u l-​beraq. In-​nies kienu jafu li Alla kien tkellem, imma beżgħu ħafna. Għalhekk qalu lil Mosè: ‘Tħallix lil Alla jkellimna, għax immutu!’ Iktar tard, Mosè kiteb l-​affarijiet li kien qal Alla. U dak li kiteb Mosè jinsab fil-​Bibbja.—Eżodu 20:​18-21.

Mosè kiteb l-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja. Imma mhux hu biss kiteb partijiet minnha. Alla uża madwar 40 raġel biex jiktbu biċċiet mill-​Bibbja. Dawn in-​nies għexu żmien twil ilu, u l-​Bibbja damet ħafna snin biex tlestiet. Iva, damet madwar 1,600 sena! Il-​ħaġa taʼ l-​għaġeb hi li għalkemm xi wħud minn dawn l-​irġiel qatt ma ltaqgħu flimkien, dak kollu li kitbu jaqbel mill-​bidu sa l-​aħħar.

X’jisimhom dawn il-​kittieba tal-​Bibbja?

Xi rġiel li ntużaw minn Alla biex jiktbu l-​Bibbja kienu nies famużi. Għalkemm Mosè kien ragħaj, hu sar il-​mexxej tal-​ġens taʼ Iżrael. Salamun, li kien sultan, kien l-​iktar bniedem għaref u l-​iktar bniedem sinjur fid-​dinja. Imma hemm kittieba oħra li ma tantx kienu magħrufin. Għamos kien jieħu ħsieb is-​siġar tat-​tin.

Kien hemm kittieb ieħor tal-​Bibbja li kien tabib. Taf x’jismu?— Kien Luqa. Kittieb ieħor kien kollettur tat-​taxxi, jiġifieri kien jiġbor il-​flus tat-​taxxi. Kien jismu Mattew. Jerġaʼ kien hemm ieħor li kien avukat, u kien jifhem ħafna fil-​liġi reliġjuża tal-​Lhud. Hu kiteb ħafna iktar kotba tal-​Bibbja mill-​kittieba l-​oħrajn kollha. Taf x’jismu?— Pawlu. U d-​dixxipli taʼ Ġesù, Pietru u Ġwanni, li wkoll kienu kittieba tal-​Bibbja, kienu sajjieda.

Ħafna minn dawn il-​kittieba tal-​Bibbja kitbu dwar affarijiet li Alla kien se jagħmel fil-​futur. Huma kif kienu jafu dawn l-​affarijiet meta lanqas biss kienu għadhom ġraw?— Alla kien ta l-​informazzjoni lil dawn l-​irġiel. Hu kien qalilhom x’kien se jiġri.

Parti kbira mill-​Bibbja kienet diġà nkitbet meta Ġesù, l-​Għalliem il-​Kbir, ġie fuq l-​art. Issa, ftakar, l-​Għalliem il-​Kbir kien għex fis-​sema. Kien jaf x’għamel Alla. Kien hu jemmen li l-​Bibbja ġejja mingħand Alla?—Iva, kien.

Meta Ġesù kien jitkellem man-​nies dwar l-​affarijiet li kien għamel Alla, hu kien jaqra mill-​Bibbja. Xi kultant kien jgħidilhom bl-​amment x’tgħid il-​Bibbja. Ġesù tana wkoll iktar informazzjoni dwar Alla. Ġesù qal: “Dak li smajt mingħandu qed ngħidu fid-​dinja.” (Ġwanni 8:26) Ġesù kien semaʼ ħafna affarijiet mingħand Alla għax hu kien għex m’Alla. U fejn nistgħu naqraw dawn l-​affarijiet li qal Ġesù?— Fil-​Bibbja. Dan kollu nkiteb għalina biex naqrawh.

Ovvjament, meta Alla uża lin-​nies biex jiktbu, dawn kitbu bil-​lingwa li kienu jitkellmu biha s-​soltu. Allura, ħafna mill-​Bibbja nkitbet bl-​Ebrajk, ftit minnha bl-​Aramajk, u parti kbira oħra nkitbet bil-​Grieg. Peress li ħafna nies illum ma jafux jaqraw b’dawn il-​lingwi, il-​Bibbja nqalbet b’lingwi oħra. Illum, partijiet mill-​Bibbja jinsabu b’iktar minn 2,260 lingwa. Kemm hu numru kbir! Il-​Bibbja hija l-​ittra li Alla bagħat lin-​nies kollha. Imma għalkemm ġiet ikkopjata ħafna drabi, il-​messaġġ xorta huwa mingħand Alla.

Dak li tgħid il-​Bibbja huwa importanti għalina. Din inkitbet ħafna żmien twil ilu. Imma din titkellem fuq affarijiet li qed jiġru bħalissa. U tgħidilna x’se jagħmel Alla dalwaqt fil-​futur. Kemm hu sabiħ il-​kliem li fiha! Il-​Bibbja tagħtina tama meraviljuża.

Liema affarijiet tistaʼ titgħallem jekk taqra l-​Bibbja?

Il-Bibbja tgħidilna wkoll kif Alla jridna ngħixu. Tgħidilna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Int għandek bżonn tkun tafu dan, u anki jien. Il-​Bibbja tgħidilna dwar nies li għamlu affarijiet ħżiena u xi ġralhom, ħalli aħna ma jkollniex il-​problemi li kellhom huma. Tgħidilna wkoll dwar nies li għamlu t-​tajjeb u r-​riżultati tajbin li kellhom. Il-​Bibbja kollha nkitbet għall-​ġid tagħna.

Imma biex nitgħallmu kemm nistgħu mill-​Bibbja, irridu nkunu nafu t-​tweġiba għal mistoqsija waħda. Il-​mistoqsija hi: Min tana l-​Bibbja? Int x’taħseb?— Iva, il-​Bibbja kollha ġejja mingħand Alla. Mela, kif nistgħu nuru li aħna verament bil-​għaqal?—Billi nisimgħu minn Alla u nagħmlu dak li jgħid hu.

Mela aħna rridu nsibu l-​ħin biex naqraw il-​Bibbja flimkien. Meta nirċievu ittra mingħand xi ħadd li nħobbuh ħafna, aħna naqrawha iktar minn darba. L-​ittra tkun prezzjuża għalina. Il-​Bibbja hekk għandha tkun għalina għax din hija ittra mingħand l-​iktar Wieħed li jħobbna. Hija ittra mingħand Alla taʼ mħabba.

Issa ħu ftit minuti oħra biex taqra dawn l-​iskritturi li juru li l-​Bibbja hija verament il-​Kelma t’Alla u nkitbet għall-​ġid tagħna: Rumani 15:4; it-​2 Timotju 3:​16, 17; u t-​2 Pietru 1:​20, 21.