Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

MISTOQSIJA 6

Kif nistaʼ nirreżisti l-​pressjoni minn dawk tampari?

Kif nistaʼ nirreżisti l-​pressjoni minn dawk tampari?

GĦALA HU IMPORTANTI

Meta tiddefendi lilek innifsek, int se jkollok il-​kontroll taʼ ħajtek u mhux tħalli lil oħrajn jikkontrollawha għalik.

INT KIEKU X’TAGĦMEL?

Immaġina din ix-​xena: Hekk kif tnejn minn sħabu tal-​iskola jersqu lejh, Brian jibda jħoss għoqda fuq l-​istonku. Diġà darbtejn din il-​ġimgħa pprovaw iġegħluh ipejjep. Din se tkun it-​tielet darba li se jipprovaw.

L-​ewwel tifel jgħid:

“Erġajt waħdek? Ħa nlaqqgħek maʼ sieħbi.”

Hu jenfasizza l-​kelma “sieħbi” billi jehmeż lil sieħbu hekk kif joħroġ xi ħaġa mill-​but u jressaq idu lejn Brian.

Brian jara li l-​ieħor għandu sigarett f’idu. L-​istonku jħossu iktar jingħafas.

“Skużawni,” jgħid Brian. “Diġà għedtilkom li jien ma . . . ”

Jaqbeż it-​tieni tifel u jgħid: “Tkunx beżżiegħ!”

Brian irabbi l-​kuraġġ u jwieġeb: “M’iniex beżżiegħ!”

It-​tieni tifel ipoġġi idu madwar Brian. “Ħudu,” jgħidlu bil-​ħlewwa.

L-​ewwel tifel iressaq is-​sigarett maʼ wiċċ Brian u minn taħt l-​ilsien jgħidlu: “Mhu se ngħidu lil ħadd. Ħadd qatt mhu se jkun jaf.”

Li kieku kont Brian, int x’kont tagħmel?

IEQAF U AĦSEB!

Dawk tampar Brian kienu ħasbu verament dwar dak li kienu qed jagħmlu? Kienu ħaduhom huma d-​deċiżjonijiet tagħhom? Probabbilment li le. X’aktarx li huma ċedew għall-​influwenzi t’oħrajn. Riedu jkunu aċċettati, allura ħallew lil ħaddieħor jikkontrolla dak li jagħmlu.

Li kieku kellek tiffaċċja l-​istess sitwazzjoni, kif tistaʼ tieħu deċiżjoni differenti u tirreżisti l-​pressjoni minn dawk tamparek?

  1. AĦSEB MINN QABEL X’JISTAʼ JIĠRI

    Il-​Bibbja tgħid: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-​piena.”—Proverbji 22:3.

    Spiss, tistaʼ tinduna minn qabel bl-​inkwiet. Pereżempju, ejja ngħidu li tara xi ftit minn sħabek tal-​iskola ftit ’il bogħod minnek, u qed ipejpu. Billi taħseb minn qabel x’tistaʼ tkun il-​problema, int se tkun lest biex issolviha.

  2. AĦSEB

    Il-​Bibbja tgħid: “Żommu kuxjenza tajba.”—1 Pietru 3:16.

    Staqsi lilek innifsek, ‘Eventwalment kif se nħossni jekk nimxi mal-​folla?’ Veru, għal ftit jistaʼ jkun li ma jkollokx id-​diżapprovazzjoni taʼ dawk tamparek. Imma kif se tħossok wara? Se tkun lest tissagrifika l-​identità tiegħek sempliċement biex tingħoġob minn sħabek tal-​klassi?—Eżodu 23:2.

  3. ĦU DEĊIŻJONI

    Il-​Bibbja tgħid: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.”—Galatin 6:7.

    Illum jew għada, ilkoll irridu nagħmlu għażliet u ngħixu bil-​konsegwenzi tagħhom. Il-​Bibbja tgħidilna dwar irġiel bħal Ġużeppi, Ġob, u Ġesù, li lkoll kemm huma għamlu għażliet tajba. Titkellem ukoll dwar Kajjin, Għesaw, u Ġuda, li għamlu għażliet ħżiena. Int x’se tagħmel?

Il-​Bibbja tgħid: “Żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.” (Rumani 12:9) Jekk int diġà ħsibt dwar il-​konsegwenzi u ħadt deċiżjoni, li tgħid x’inhi l-​pożizzjoni tiegħek jistaʼ jkun faċli iktar milli taħseb u jġib barkiet.

Toqgħodx tinkwieta—m’għandekx għalfejn tagħmel prietka lil dawk tamparek. Sempliċi LE b’mod sod jaf ikun biżżejjed. Jew biex turi li int sod fil-​fehma tiegħek, tistaʼ tgħid:

  • “Tqisunix lili!”

  • “Jien ma nagħmilx dawk l-​affarijiet!”

  • “U ejja, ma tafux li jien mhux se nagħmel hekk!”

Is-​sigriet hu li twieġeb minnufih u b’konvinzjoni. Jekk tagħmel hekk, taf tibqaʼ sorpriż kemm malajr dawk tamparek ma jibqgħux jagħmlulek pressjoni.

KIF TKAMPA MAT-​TWAQQIGĦ GĦAĊ-​ĊAJT

Jekk iċċedi għal pressjoni minn dawk tamparek, issir qisek robot li jkun fil-kontroll tagħhom

Xi ngħidu jekk dawk tamparek joqogħdu jaqbdu miegħek? U jekk jgħidu, “X’hemm ħażin? Int beżżiegħ!” Irrikonoxxi li dan it-​twaqqigħ għaċ-​ċajt hu pressjoni minn dawk tamparek. Int kif tistaʼ twieġeb? Minn tal-​inqas għandek żewġ għażliet.

  • Int tistaʼ tuża din il-​kritika. (“Għandkom raġun, jien nibżaʼ!” Imbagħad fil-​qosor tgħid għala.)

  • Int tistaʼ titfaʼ l-​pressjoni fuqhom. Tgħid għala qed tirrifjuta, u mbagħad tipprova tirraġuna magħhom. (Intom tpejpu? Ħsibt li jilħqilkom iktar minn hekk!”)

Jekk dawk tamparek jibqgħu jaqbdu miegħek, itlaq ’l hemm! Ftakar, iktar ma ddum hemm, iktar se jagħmlulek pressjoni. Billi titlaq, tkun qed turi li int mhux se tħalli lil oħrajn ibiddlu min int.

Irridu nkunu realistiċi, ma tistax tinħeba mill-​pressjoni taʼ dawk tamparek. Imma tistaʼ tiddeċiedi dak li trid tagħmel, tgħid x’inhi l-​pożizzjoni tiegħek, u tieħu l-​kontroll. Fl-​aħħar mill-​aħħar, l-​għażla hi f’idejk!—Ġożwè 24:15.