MISTOQSIJA 7
Kif nistaʼ nkampa mal-pressjoni biex nagħmel is-sess?
INT KIEKU X’TAGĦMEL?
Immaġina din ix-xena: Heather ilha xahrejn biss toħroġ maʼ Mike, imma tħossha bħallikieku ilha tafu ħajjitha kollha. Huma l-ħin kollu jibagħtu l-messaġġi lil xulxin, jitkellmu għal sigħat sħaħ fuq it-telefown, u saħansitra jaħsbu u jitkellmu bl-istess mod! Imma issa Mike irid iktar milli sempliċement jitkellem.
F’dawn l-aħħar xahrejn, Mike u Heather m’għamlu xejn ħlief iżommu id xulxin u jbusu lil xulxin ħafif ħafif. Heather ma trid tagħmel xejn iżjed minn hekk. Imma lanqas ma trid titlef lil Mike. Ħadd ħliefu ma jġegħelha tħossha daqshekk sabiħa u speċjali. Bejnha u bejn ruħha, hi tirraġuna: ‘Barra minn hekk, jien u Mike inħobbu ’l xulxin . . . ’
Jekk int kbir biżżejjed biex toħroġ maʼ xi ħadd u kont fis-sitwazzjoni taʼ Heather, kieku x’kont tagħmel?
IEQAF U AĦSEB!
Jekk tikser xi liġi tal-fiżika, bħalma hi l-liġi tal-gravità, se tbati l-konsegwenzi. L-istess jistaʼ jingħad jekk tikser xi liġi morali, bħal-liġi li tgħid: ‘Tbiegħdu miż-żína,’ jew mill-immoralità sesswali.—1 Tessalonikin 4:3.
Liema konsegwenzi se tbati jekk ma tobdix dan il-kmand? Il-Bibbja tgħid: “Min jipprattika ż-żína qed jidneb kontra ġismu stess.” (1 Korintin 6:18) Dan kif inhu minnu?
Xi riċerkaturi sabu li ħafna żgħażagħ li għamlu s-sess qabel iż-żwieġ normalment jesperjenzaw waħda jew iktar mill-konsegwenzi li ġejjin.
-
NIKET. Ħafna miż-żgħażagħ li għamlu s-sess qabel iż-żwieġ jgħidu li wara ddispjaċiehom.
-
NUQQAS TAʼ FIDUĊJA. Wara li jkollhom relazzjoni sesswali, kull wieħed mill-imseħbin jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Min jaf maʼ min iktar għamel/għamlet is-sess?’
-
DIŻAPPUNT. Fil-fond taʼ qalbhom, ħafna tfajliet jippreferu lil xi ħadd li jipproteġihom u mhux lil xi ħadd li jużahom. U ħafna ġuvintur iħossuhom inqas miġbudin lejn tfajla li tkun marret magħhom.
-
Il-konklużjoni: Jekk iċċedi għas-sess qabel iż-żwieġ tkun qed tbaxxi lilek innifsek għax tkun qed tarmi xi ħaġa prezzjuża. (Rumani 1:24) Ġismek hu prezzjuż wisq, ibżaʼ għalih!
Uri li għandek karattru sod biżżejjed biex titbiegħed mill-immoralità sesswali. (1 Tessalonikin 4:3) Imbagħad, jekk xi darba tiżżewweġ, int tkun tistaʼ tagħmel is-sess. U tkun tistaʼ tgawdih bis-sħiħ, mingħajr ebda inkwiet, dispjaċir, u dubju li spiss huma r-riżultat li jiġu minn relazzjoni sesswali qabel iż-żwieġ.—Proverbji 7:22, 23; 1 Korintin 7:3.
INT X’TAĦSEB?
-
Taħseb li xi ħadd li verament iħobbok se jipperikola l-benesseri fiżiċi u emozzjonali tiegħek?
-
Xi ħadd li verament jimpurtah minnek sejjer jipperikola r-relazzjoni tiegħek m’Alla?—Ebrej 13:4.