Il-Ġiraffi Annimali Għoljin, Saqajhom Twal, u Eleganti
Il-Ġiraffi Annimali Għoljin, Saqajhom Twal, u Eleganti
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-KENJA
IL-BLAT griż tal-granit kien jinħass kiesaħ u mxarrab kmieni mas-sebħ. Qgħadna nistkennu qalb dan il-blat kbir b’bott tè sħun f’idejna u għajnejna msammrin fuq il-pjanuri Afrikani li kien hemm ’l isfel minna, miksijin bil-ħaxix. * Fl-aħħar, il-paċenzja li wrejna serviet għal xi ħaġa. Fid-dawl bikri taʼ fil-għodu, qatgħa ġiraffi—kbar, saqajhom twal, u eleganti—għaddew minn ġol-pjanura. Kienu donnhom mexjin bil-mod ħafna bħal f’xi film, għaddejjin ħelu ħelu b’par saqajn qishom lasti, u b’għonq twil u xi ftit milwi jixxejjer mar-riħ qisu arblu taʼ bastiment. Tant kienet sabiħa x-xena li ħallietna bla nifs!
Mingħajr ma taw kasna, il-ġiraffi daru qatgħa waħda lejn masġar fertili taʼ siġar taʼ l-akaċja u tawlu għonqhom lejn il-friegħi għoljin u jniggżu. B’mod delikat u bil-galbu, il-ġganti ġentili qatgħu weraq aħdar żgħir bl-ilsien twil tagħhom. Hemmhekk, ’il fuq ħafna mill-art, huma deffsu rashom qalb kolonja t’għasafar li jinsġu l-bejta u qagħdu jittawlu għall-affari tagħhom. L-għasafar tgħidx kemm għajtu biex ikeċċu lil dawn id-deffisin b’għonqhom twil. Il-ġiraffi nħasdu b’dan l-istorbju, u bid-dinjità kollha telqu bil-kwiet minn hemm u erħewlha lejn siġar oħra.
Ħfief u Ħelwin
Il-biċċa l-kbira minna raw dawn il-ħlejjaq f’xi ġnien żooloġiku, b’għonqhom ħiereġ minn bejn il-ħadid. Għalhekk għandna mnejn insibuha diffiċli biex inġibu quddiem għajnejna kemm dawn l-annimali huma tassew sbieħ u grazzjużi, x’ħin jiġġerrew ħelsin fl-ambjent naturali tagħhom taʼ l-Afrika. Il-ġiraffi jiċċaqalqu bl-akbar grazzja, qishom mexjin fuq it-tajjar. Huma u jiggaloppjaw fil-pjanuri wesgħin miksijin bil-ħaxix, tistħajjilhom li se jitgerbu u jaqgħu maʼ l-inqas ostaklu, minħabba d-dehra delikata u kważi fraġli tagħhom. Għall-kuntrarju, ġiraff raġel taʼ daqs kbir li jiżen maʼ l-1,300 kilo huwa ġerrej sod u lvent u jistaʼ jilħaq veloċità qrib is-60 kilometru fis-siegħa.
Din il-ħlejqa affaxxinanti tinsab biss fl-Afrika. Fiha
għaxqa tħares lejha tant kemm għandha natural ġentili u kwiet. Wiċċ il-ġiraffa jistaʼ jiġi deskritt bħala uniku u saħansitra gustuż, b’widnejn dojoq u twal u żewġt iqrun żgħar miksijin bi troffi bellusin taʼ xagħar iswed. Għajnejha huma kbar ħafna u skuri, u protetti minn xagħar taʼ l-għajnejn twil u rromblat. Meta l-ġiraffa tħares ’il bogħod mill-pożizzjoni għolja u vantaġġuża tagħha, fuq wiċċha jkollha dehra taʼ kurżità innoċenti.Fi żmien l-antik il-ġiraffa kienet apprezzata u stmata għad-dehra sabiħa tagħha u l-karattru mistħi, kwiet u ġwejjed li għandha. Ġiraffi żgħar kienu jingħataw lil mexxejja u slaten bħala għotjiet li jissimbolizzaw paċi u rieda tajba bejn il-ġnus. Illum il-ġurnata, wieħed għadu jistaʼ jara fl-Afrika stampi, li bil-kemm għadhom jidhru, taʼ ġiraffi mpittra mal-ħitan.
It-Tul
Il-ġiraffa hija l-itwal waħda mill-annimali kollha. Ġiraffi rġiel maturi jistgħu jitwalu iktar minn 5.5 metri mill-qrun sad-difrejn. Fil-ġeroglifika antika taʼ l-Eġittu, il-ġiraffa kienet tirrappreżenta l-verb “profetizza” jew “ħabbar,” minħabba t-tul grandjuż tagħha u l-abbiltà li tara fil-bogħod.
X’ħin il-ġiraffa titħallat maʼ gruppi t’annimali oħra bħal żebri, ngħam, antilopijiet, u annimali Afrikani oħra li jgħixu fil-pjanuri, din tkun qisha torri taʼ l-għassa ħdejhom. Permezz tat-tul u l-vista eċċellenti li għandha, hi tkun tistaʼ tara fil-bogħod u tinduna minn qabel b’xi periklu li jkun riesaq. M’hemmx dubju għalhekk li l-preżenza taʼ dan l-annimal twil toffri ċerta sigurtà għall-annimali l-oħra.
Disinjata b’Mod Meraviljuż
Ġisem il-ġiraffa ġie disinjat b’mod taʼ l-għaġeb biex din tilħaq l-iktar friegħi għoljin taʼ siġar twal, friegħi li l-ebda annimal ieħor ma jistaʼ jilħaqhom ħlief l-iljunfant. Ix-xoffa taʼ fuq ġiet disinjata biex taqbad biha u l-ilsien jistaʼ jintlewa sabiex bit-tnejn li huma l-ġiraffa tkun tistaʼ tiġbed ħelu ħelu l-weraq minn mal-friegħi li jkunu mimlijin xewk iniggeż.
Il-ġiraffi jistgħu jieklu sa 34 kilo
ħaxix kuljum. Għalkemm jistgħu jieklu tipi differenti taʼ weraq, huma jippreferu s-siġar iniggżu taʼ l-akaċja mxerrdin mal-pjanuri Afrikani. Ġiraff raġel jistaʼ jtawwal ilsienu 42 ċentimetru biex jilħaq l-ikel. Għonq il-ġiraffa huwa flessibbli għall-aħħar. B’hekk il-ġiraffa tkun tistaʼ ddawwar u tmejjel ir-ras twila li għandha f’angoli li ma jitwemmnux sabiex iddaħħalha qalb il-friegħi għoljin tas-siġar.Il-ġiraffa m’għandhiex problemi biex tilħaq fl-għoli. Imma biex tixrob l-ilma, dik hija storja oħra. Meta toqrob lejn għajn taʼ l-ilma, il-ġiraffa trid tiftaħ saqajha taʼ quddiem bil-mod il-mod u mbagħad tilwi rkobbtejha t-tnejn biex tlaħħaq maʼ l-ilma. F’din il-pożizzjoni antipatka, il-ġiraffa trid iġġebbed l-għonq twil tagħha kemm tiflaħ biex tkun tistaʼ tixrob. Għallinqas, il-ġiraffa m’għandhiex għalfejn tixrob taʼ spiss, peress li normalment tieħu biżżejjed likwidu mill-weraq immerraq li tiekol.
L-għonq u l-ġnub tal-ġiraffa huma miksijin b’nisġa sabiħa taʼ linji dojoq u bojod li jifformaw kannizzata f’għamla taʼ weraq. Il-kuluri jvarjaw minn kannella dehbi għal kannella qastni skur u saħansitra iswed. Il-kulur tal-ġiraffa jiskura iktar ma jgħaddi ż-żmien.
Il-Ħajja tal-Familja
Il-ġiraffi huma ħlejjaq soċjevoli, u jimxu fi qtajjaʼ mferrxin li jkun fihom minn 2 annimali sa 50 wieħed. Ġiraffa li tkun se tixtri ddum tqila minn 420 sa 468 jum u l-ġiraffa li titwieled tkun twila żewġ metri. Malli titwieled, il-ġiraffa ż-żgħira letteralment taqaʼ għal rasha f’għoli taʼ iktar minn żewġ metri! Imma f’temp taʼ kwarta l-ġiraffa żgħira tqum fuq saqajha bla ħsara taʼ xejn u tkun lesta biex tixrob il-ħalib. Wara ġimagħtejn jew tlieta, il-ġiraffa minn jeddha tibda tnaqqar it-truf tarjin tal-friegħi taʼ l-akaċja u malajr tikseb biżżejjed saħħa biex tlaħħaq mal-passi twal t’ommha.
Il-ġiraffa ż-żgħira hija verżjoni ċkejkna tal-ġenituri tagħha. Għalkemm ħdejn il-ġiraffi l-oħra din tkun tidher qasira, hija itwal mill-biċċa l-kbira tan-nies. Il-ġiraffa żgħira fiha għaxqa tħares lejha, wieqfa wieqfa b’dawk l-għajnejn kurjużi u bla biżaʼ taħt il-ħarsien taʼ l-omm ’il fuq minnha.
Matul l-istaġun tat-twelid, il-ġiraffi ż-żgħar jinġabru fi grupp għalihom, fejn iqattgħu l-jum jistrieħu, jilagħbu, u josservaw dak li jkun qed jiġri madwarhom. Il-ġiraffi ż-żgħar jikbru b’rata mgħaġġla ħafna. F’sitt xhur, ġiraffa żgħira tistaʼ titwal b’metru, u f’sena tistaʼ tirdoppja t-tul tagħha. F’ġimgħa waħda biss, ġiraffa żgħira tistaʼ titwal bi 23 ċentimetru! Il-ġiraffa omm hija protettiva ħafna, u għalkemm liż-żgħir tagħha tħallih jitbiegħed xi ftit, hi xorta tkun taf fejn jinsab permezz tal-vista eċċellenti li għandha.
Meta wieħed iqis id-daqs, il-ħeffa, u l-veloċità taʼ l-għaġeb li għandha l-ġiraffa, kif ukoll il-vista eċċellenti tagħha, jistaʼ jara li din ftit għandha annimali għedewwa tagħha. L-uniku għadu li għandha huwa l-iljun. Madankollu, kienu l-bnedmin li kkaċċjaw u qatlu bil-gzuz lil din il-ħlejqa mill-isbaħ. Il-kaċċa għal dan l-annimal ma tieqaf qatt, speċjalment minħabba l-ġilda sabiħa, il-laħam tajjeb u x-xagħar iswed u twil tad-denb. Xi wħud jemmnu li dan
ix-xagħar għandu qawwa maġika. Minħabba dan kollu, dan l-annimal kwiet issa qiegħed jiffaċċja futur inċert. Fejn qabel ħafna partijiet taʼ l-Afrika kienu miżgħudin bil-ġiraffi, illum l-uniċi postijiet fejn tistaʼ tgħid li jinsabu protetti u għall-kwiet huma fis-santwarji u fir-riservi naturali.Illum il-ġurnata n-nies li jmorru safari fl-Afrika għadhom jistgħu jgawdu d-dehra sabiħa tal-ġiraffi b’għonqhom twil jiġġerrew ħelsin fil-pjanuri kbar u ħodor. Dawn jidhru jħufu qalb il-friegħi għoljin tas-siġar iniggżu taʼ l-akaċja jew sempliċement jiċċassaw fil-bogħod bħalma jafu jagħmlu l-ġiraffi. Din il-ħlejqa meraviljuża, bl-għamla stramba imma sabiħa u b’karattru kwiet, hija tabilħaqq disinjata b’mod meraviljuż—evidenza oħra tal-qawwa kreattiva u l-personalità unika taʼ dak Alla li jistaʼ kollox, Jehovah.—Salm 104:24.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 3 L-għoljiet żgħar u blatin li hemm imxerrdin mal-pjanuri wesgħin Afrikani jissejħu kopjes.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 18]
IL-MIRAKLU TAʼ L-GĦONQ TWIL
Dak li jkun jistaʼ jaħseb li minħabba l-għamla stramba taʼ ġisem il-ġiraffa u d-daqs enormi tagħha, bilfors iridu jqumu xi problemi. Meta wieħed iqis it-tul enormi u l-għonq twil tal-ġiraffa, għandu mnejn jidher impossibbli kif id-demm jistaʼ jitqassam mal-partijiet kollha tal-ġisem. Skond ir-regoli tal-gravità, per eżempju, il-ġiraffa suppost jinżlilha d-demm għal rasha f’daqqa malli tbaxxi rasha sa l-art, u b’hekk tfawwar il-moħħ bid-demm. Malli l-ġiraffa tgħolli rasha, id-demm suppost jinżel jiġri lejn il-qalb, u minħabba f’hekk tintilef minn sensiha. Imma fil-fatt, mhux hekk jiġri. Għala le?
Is-sistema ċirkulatorja tal-ġiraffa hija tabilħaqq disinjata b’mod mirakoluż. Din intgħamlet skond il-qjies eżatt, biex taddatta ruħha għall-għamla u d-daqs uniċi taʼ ġisem l-annimal. Il-qalb infisha hija akbar mis-soltu u trid tippompja ħafna biex twassal id-demm sal-moħħ, li jkun madwar tliet metri u nofs ’il bogħod mill-qalb. Il-qalb tħabbat 170 darba fil-minuta, u permezz tal-ħitan tagħha ħoxnin 7 ċentimetri, din tipproduċi pressjoni tad-demm kważi tliet darbiet iktar minn dik taʼ bniedem. Biex din il-pressjoni qawwija tintuża mingħajr ħsara, l-arterji tal-qalb iridu jkunu kbar. Fil-fatt, kemm l-arterja tal-karotide, li ġġorr id-demm sal-moħħ, u kemm il-vina taʼ l-għonq, li terġaʼ twassal id-demm sal-qalb, għandhom dijametru taʼ iktar minn 2.5 ċentimetri. Dawn huma msaħħin b’tessuti ibsin u li jiġġebbdu sabiex ikunu flessibbli u b’saħħithom.
Meta l-ġiraffa tbaxxi rasha, valvijiet fil-vina taʼ l-għonq iżommu d-demm milli jinżel jiġri lejn il-moħħ. Fin-naħa taʼ taħt tal-moħħ, l-arterja l-kbira tal-karotide tgħaddi minn sistema oħra li ġiet disinjata b’mod taʼ l-għaġeb. Din tissejjaħ ix-xibka straordinarja. Hawnhekk in-nixxiegħa qawwija tad-demm lejn il-moħħ li tirriżulta x’ħin il-ġiraffa tbaxxi rasha, titnaqqas billi tgħaddi minn nisġa speċjali taʼ vini rqaq tad-demm. Dawn il-vini jirregolaw il-pressjoni tad-demm u jipproteġu l-moħħ minn kwantità kbira taʼ demm. Din ix-xibka taʼ vini titwessaʼ x’ħin titbaxxa r-ras u tingħalaq x’ħin il-ġiraffa tgħolli rasha. B’hekk dan jagħmel tajjeb għall-pressjoni tad-demm li tkun tbaxxiet ħafna u l-periklu li l-ġiraffa tintilef minn sensiha.
Għonq il-ġiraffa wkoll huwa disinjat b’mod meraviljuż. Ix-xjenzati baqgħu skantati meta skoprew li minkejja l-għonq twil li għandha l-ġiraffa, għandha l-istess ammont taʼ għekiesi fis-sinsla tad-dahar, l-istess bħalma jkollu ġurdien jew il-biċċa l-kbira tal-mammiferi l-oħra! Id-differenza mill-biċċa l-kbira tal-mammiferi l-oħra hija li l-għekiesi tas-sinsla tad-dahar huma itwal u disinjati b’mod speċjali u għalhekk huma flessibbli ħafna. B’hekk il-ġiraffa jirnexxilha tmejjel u tgħawweġ għonqha biex tnaddaf kull parti taʼ ġisimha jew biex tiekol il-weraq mill-friegħi għoljin tas-siġar.