Kif Nistaʼ Nkun Apprezzat għal Min Jien Minflok Ma Niġi Mqabbel maʼ Ħuti?
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Kif Nistaʼ Nkun Apprezzat għal Min Jien Minflok Ma Niġi Mqabbel maʼ Ħuti?
“Ridt l-individwalità tiegħi, imma dejjem ħassejt li ridt naġixxi skond ir-reputazzjoni taʼ ħuti. Ħassejt li qatt ma stajt nagħmel l-affarijiet li għamlu ħuti.”—Clare.
GĦANDEK ħuk jew oħtok li donnhom jirnexxu f’kulma jagħmlu? Il-ġenituri tiegħek dejjem iħeġġuk biex tkun bħalhom? Jekk inhu hekk, għandek mnejn tibżaʼ li se tkun dejjem imqabbel magħhom—li l-valur tiegħek dejjem se jitqies skond kemm jirnexxilek twettaq l-affarijiet li wettqu ħutek.
Barry * għandu żewġ ħutu akbar minnu li t-tnejn li huma ggradwaw mill-iskola rispettata ferm tat-Taħriġ Ministerjali * u għandhom reputazzjoni eċċellenti bħala Kristjani. Barry jammetti: “Ma tantx kelli fiduċja fija nnifsi, peress li ħassejt li qatt ma stajt nilħaq il-livelli tagħhom fix-xogħol taʼ l-ippridkar jew inkun tajjeb daqshom meta nitkellem fil-pubbliku. Sibtha diffiċli biex nagħmel ħbieb għalija nnifsi għaliex kont dejjem immur maʼ ħuti meta xi ħadd jistidinhom biex joħorġu. Ħassejt li n-nies kienu dħulin miegħi sempliċement minħabba ħuti.”
Huwa diffiċli biex ma tgħirx meta jkollok ħutek li ħaddieħor spiss ifaħħarhom. Fi żminijiet Bibliċi ż-żagħżugħ Ġużeppi spikka fost ħutu. X’effett kellu dan fuq ħutu? “Saru jobogħduh u ma kellhomx ħila jkellmuh bis-sliem.” (Ġenesi 37:1-4) M’għandniex xi ngħidu, Ġużeppi kien modest. Imma forsi ħutek iqanqlu fik spirtu taʼ kompetizzjoni u jirritawk billi l-ħin kollu jfakkruk f’dak li rnexxielhom jagħmlu.
Xi żgħażagħ jirreaġixxu għal dan kollu billi jirribellaw—forsi billi apposta jġibu marki baxxi l-iskola, inaqqsu s-sehem tagħhom fl-attivitajiet Kristjani, jew iġibu ruħhom b’mod li jaħsdek. Għandhom mnejn jaħsbu li jekk ma jistgħux imorru tajjeb daqs ħuthom, għalxejn jipprovaw. Imma fl-aħħar mill-aħħar, ir-ribelljoni se tagħmillek biss ħsara. Kif tistaʼ ma tibqax titqabbel maʼ ħutek b’tali mod li tibda tħossok tajjeb dwarek innifsek ?
Tqegħedhomx fuq Pedestall
Meta tara l-attenzjoni kollha li jingħataw ħutek għandek mnejn tibda temmen li huma perfetti u li int qatt u qatt ma tistaʼ tkun bħalhom. Imma huwa minnu dan? Il-Bibbja tgħid ċar u tond: “Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla.”—Rumani 3:23.
Iva, huma x’inhuma l-abbiltajiet jew it-talenti taʼ ħutek, xorta waħda huma bnedmin li għandhom l-istess dgħjufijiet bħalma għandna aħna. (Atti 14:15) M’għandekx għalfejn tpoġġihom fuq pedestall jew tagħmilhom idoli. L-uniku bniedem li qatt tana eżempju perfett hu Ġesù Kristu.—1 Pietru 2:21.
Tgħallem Minnhom!
Wara dan, ipprova ara s-sitwazzjoni tiegħek bħala esperjenza li tistaʼ titgħallem minnha. Per eżempju, ikkunsidra lil ħut Ġesù Kristu. (Mattew 13:55, 56) Immaġina kemm setgħu jitgħallmu minn ħuhom li kien perfett! Minkejja dan, “anqas ħutu ma emmnu fih.” (Ġwanni 7:5) Forsi l-kburija u l-għira ma ħallewhomx ipoġġu fidi fih. Kienu l-aħwa spiritwali taʼ Ġesù—id-dixxipli tiegħu—li wieġbu għall-istedina ġeneruża tiegħu: “Tgħallmu minni.” (Mattew 11:29) U kien biss wara li Ġesù ġie rxoxtat li ħutu naturali fl-aħħar bdew japprezzaw lil Ġesù. (Atti 1:14) Qabel dan, huma tilfu l-ħafna opportunitajiet tad-deheb biex jitgħallmu minn ħuhom li tant kien jispikka.
Kajjin għamel żball simili. Ħuh, Abel, kien qaddej li jispikka t’Alla. Il-Bibbja tgħid li “lMulej ħares [b’approvazzjoni] lejn Abel u l-offerta tiegħu.” (Ġenesi 4:4) Però, għal xi raġuni, “lejn Kajjin u lejn l-offerta tiegħu [Alla] ma ħarisx” b’approvazzjoni. Kajjin setaʼ umilja ruħu u tgħallem minn ħuh. Minflok, “Kajjin għalhekk saħan sewwa” u spiċċa biex qatel lil ħuh.—Ġenesi 4:5-8.
Mhux li int se tispiċċa biex tirrabja daqshekk maʼ ħutek. Imma int ukoll għandek mnejn titlef opportunitajiet prezzjużi jekk tħalli l-kburija u l-għira jfixkluk. Jekk għandek lil xi ħadd minn ħutek li jmur tajjeb ħafna fil-matematika, jitgħallem l-istorja malajr, jaf jilgħab sew l-isport favorit tiegħek, għandu għarfien li jispikka mill-Iskrittura, jew imur tajjeb fit-taħditiet fil-pubbliku, trid tiġġieled kontra l-għira! Wara kollox, ‘l-għira tħassar l-għadam’ u tistaʼ biss tagħmillek il-ħsara. (Proverbji 14:30; 27:4) Minflok ma toqgħod tirrabja, ipprova tgħallem minn ħutek. Aċċetta l-fatt li huma għandhom xi abbiltajiet jew talenti li int m’għandekx. Osserva l-mod kif jagħmlu l-affarijiet—jew saħansitra aħjar, itlob l-għajnuna.
Barry, li semmejna qabel, ibbenefika mill-eżempju tajjeb li tawh ħutu. Hu jgħid: “Rajt kemm ħuti kienu kuntenti għaliex kienu lesti li jgħinu lin-nies fil-kongregazzjoni u fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Allura, iddeċidejt li nsegwi l-eżempju taʼ ħuti, u involvejt ruħi fix-xogħol tal-bini tas-Swali tas-Saltna u tad-djar Betel. L-esperjenza li ksibt tatni l-fiduċja fija nnifsi u għenitni nkabbar ir-relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah.”
Sib Fiex Int Tajjeb
Forsi tibżaʼ li jekk timita l-kwalitajiet tajbin taʼ ħutek mhux se jkollok l-individwalità tiegħek. Imma mhux neċessarjament se jkun hekk. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu: “Ixbhu lili.” (1 Korintin 4:16) Ifisser dan li Pawlu ma riedx li jkollhom l-individwalità tagħhom? Lanqas xejn. Hemm ħafna affarijiet li fihom tistaʼ tvarja. Jekk m’intix tajjeb fil-matematika daqs xi ħadd minn ħutek ma jfissirx li għandek xi difett. Ifisser sempliċement li int differenti.
Pawlu jagħti dan il-parir prattiku: “Kull wieħed jgħarbel għemilu, mbagħad ikun jistaʼ jiftaħar bih innifsu, u [“ma jqabbilx lilu nnifsu ma’,” NW] ħaddieħor.” (Galatin 6:4) Għax ma taħdimx biex tipprova tiżviluppa t-talenti u l-abbiltajiet tiegħek stess? Tistaʼ tibda tħossok aħjar dwarek innifsek jekk tipprova titgħallem xi lingwa barranija, iddoqq xi strument mużikali, jew tuża l-kompjuter, u b’dan il-mod tistaʼ wkoll titgħallem abbiltajiet siewja. Toqgħodx tinkwieta dwar li tagħmel kollox perfett! Tgħallem kif tagħmel l-affarijiet bir-reqqa, u b’mod effiċjenti. (Proverbji 22:29) Forsi ma tantx tiġik naturali li tagħmel xi ħaġa, imma “min hu bieżel jimxi ’l quddiem,” jgħid Proverbji 12:24.—Korsiv tagħna.
Però, l-iktar ħaġa li għandek tkun trid tikkultiva hi l-iżvilupp spiritwali tiegħek. L-abbiltajiet spiritwali tiegħek għandhom valur li jdum ħafna iktar minn kwalunkwe talent li jistaʼ jiġbed iktar l-attenzjoni taʼ l-oħrajn. Ikkunsidra t-tewmin Għesaw u Ġakobb. Għesaw qalaʼ ħafna tifħir mingħand missieru għaliex kien “kaċċatur tas-sengħa, raġel tar-rabaʼ.” Għall-ewwel, setaʼ kien faċli li ħuh Ġakobb jitwarrab għaliex kien “raġel kwiet, jgħix fl-għerejjex.” (Ġenesi 25:27) Għesaw naqas li jiżviluppa l-ispiritwalità tiegħu u tilef ħafna barkiet. Ġakobb ikkultiva l-imħabba tiegħu għall-affarijiet spiritwali u Jehovah bierku bil-kbir. (Ġenesi 27:28, 29; Lhud 12:16, 17) X’tagħlima għandek tieħu? Żviluppa l-ispiritwalità tiegħek, ħalli ‘d-dawl tiegħek jiddi’ u “kulħadd [se] jara li int miexi ’l quddiem.”—Mattew 5:16; 1 Timotju 4:15.
Clare, li semmejnieha qabel, tgħid: “Kont kuntenta li l-attenzjoni kienet taqaʼ fuq ħuti l-kbar. Imma mbagħad iddeċidejt li nsegwi l-parir Skritturali biex ‘niftaħ qalbi beraħ’ fl-imħabba tiegħi. Ħdimt fil-ministeru taʼ l-għalqa maʼ diversi wħud fil-kongregazzjoni tiegħi, u fittixt modi prattiċi kif ngħin lil dawk li huma fil-bżonn fil-kongregazzjoni. Stidint ukoll lil diversi aħwa taʼ etajiet differenti biex jiġu d-dar għand il-familja tiegħi u sajjartilhom. Illum ingawdi l-kumpanija taʼ ħafna iktar ħbieb, u għandi iktar fiduċja fija nnifsi.”—2 Korintin 6:13.
Kultant il-ġenituri tiegħek jagħmlu l-iżball li jwissuk biex tkun iktar bħal ħutek. Imma jekk iżżomm f’moħħok li huma jagħmlu dan għax jixtiqulek il-ġid, tkun tistaʼ ttaffi l-uġigħ li tħoss. (Proverbji 19:11) Madankollu, jistaʼ jkun tajjeb li bir-rispett kollu tgħid lill-ġenituri tiegħek kif tħossok meta joqogħdu jqabbluk maʼ ħutek b’dan il-mod. Forsi jipprovaw isibu modi oħra kif jesprimu t-tħassib tagħhom lejk.
Qatt tinsa li Alla Jehovah stess jinnotak jekk int taqdih. (1 Korintin 8:3) Barry jiġbor kollox billi jgħid: “Inħoss li iktar ma ndum naqdi lil Jehovah iktar inkun ferħan. In-nies issa jħarsu lejja bħala individwu u japprezzawni, bħalma japprezzaw lil ħuti.”
[Noti taʼ taħt]
^ par. 5 Xi wħud mill-ismijiet ġew mibdulin.
^ par. 5 Imħejjija mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Stampa f’paġna 25]
Huma ħutek spiss iċ-ċentru taʼ l-attenzjoni?
[Stampa f’paġna 26]
Eżamina t-talenti tiegħek stess u dak li jinteressak
[Stampa f’paġna 26]
Ħalli ‘d-dawl tiegħek jiddi’ billi tiżviluppa l-abbiltajiet spiritwali tiegħek