Mingħand il-Qarrejja
Mingħand il-Qarrejja
Id-Dijabete Nirringrazzjakom minn qalbi għas-serje “Il-Ħajja bid-Dijabete.” (8 taʼ Mejju, 2003) Ili nissielet mad-dijabete minn meta kelli erbaʼ snin. Dejjem kont naħseb li l-affarijiet bħaż-żwieġ u l-ministeru full-time ma kinux possibbli għalija, imma dawn l-artikli tawni tama. Issa li għandi 17-il sena qed nagħmilha l-mira li nidħol fil-ministeru full-time, u se nagħmel l-aħjar li nistaʼ biex nilħaqha.
T. A., Ġappun
Veru narah utli s-suġġeriment li sar lill-familji u lill-ħbieb taʼ min ibati bid-dijabete biex ma jħeġġuhomx jieklu affarijiet li m’humiex tajbin għalihom. Jien insibha diffiċli biex insajjar għall-familja u mbagħad ma nkunx nistaʼ niekol mill-affarijiet li nkun ħejjejt. Għal min m’għandux id-dijabete, din tistaʼ tidher bħala xi ħaġa insinifikanti, iżda niżgurakom li m’hijiex!
V. N., Italja
Jien naħdem bħala infermiera u għalliema. Fil-bidu tat-term li jmiss, se ngħallem lill-istudenti tiegħi dwar id-dijabete. L-istampa f’paġni 8 u 9 tinftiehem malajr, u se nużaha waqt li ngħallem. Grazzi talli tippubblikaw artikli magħmulin sempliċi dwar suġġetti mediċi.
C. B., Franza
Grazzi taʼ l-artikli dwar id-dijabete. Jien m’għandix din il-marda, imma oħti li għandha 14-il sena tbati biha. Issa qed nifhem minn xiex tgħaddi oħti. Huwa minnu li rrid nagħmel xi sagrifiċċji għaliha, imma dan m’huwiex taʼ sfida daqs li tgħix bid-dijabete!
E.D.M., Italja
Ommi ilha tbati bid-dijabete għal dawn l-aħħar ħames snin. Spiss ninkwieta dwar saħħitha, peress li ngħix ’il bogħod minnha. Qed nippjana li nibagħtilha kopja taʼ din ir-rivista. Tistaʼ tgħinha meta ma nkunx hemm jien.
R. W. Indoneżja
L-Adozzjoni Grazzi taʼ l-artiklu li ġie f’waqtu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għala Kelli Niġi Adottat?” (8 taʼ Mejju, 2003) Binti kellha tagħti lit-tarbija tagħha għall-adozzjoni minħabba ċ-ċirkustanzi tagħha, u dan niggiżli ħafna l-kuxjenza tiegħi. Din l-informazzjoni ġiet f’waqtha. Dan l-artiklu bgħattu lil binti.
E. D., Gujana
Qed niktbilkom biex nirringrazzjakom ħafna taʼ l-artikli li ħarġu f’waqthom dwar l-adozzjoni fil-ħarġiet tat-8 taʼ Mejju u t-8 taʼ Ġunju. Dan l-aħħar, jien u żewġi adottajna tifel żgħir. Maż-żmien, se nużaw dawn iż-żewġ artikli biex ngħinu lit-tifel tagħna jkun jaf u jifhem kemm hu maħbub minn Jehovah, minn missieru, u minni.
S. R., Stati Uniti
Grazzi ħafna taʼ l-artiklu dwar l-adozzjoni. Għandi 47 sena u għadni nissielet mal-fatt li ġejt adottat. Il-ġenituri adottivi tiegħi—li nirrispettahom u nħobbhom ħafna—ma kinux kapaċi jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tiegħi għall-imħabba u l-affezzjoni. Qatt ma kienu jgħannquni jew ibusuni, anki meta kont nitlobhom. Kien diffiċli għalija li nkun imċaħħda minn dan. Minkejja dan, l-artikli kienu taʼ faraġ kbir u tassew qawwewli qalbi.
D. H., l-Istati Uniti