Ħarsa Lejn id-Dinja
Ħarsa Lejn id-Dinja
Tfal li Jiġu Bombardjati bl-Ikel Mhux Sustanzjuż
Numru li dejjem qed jiżdied taʼ esperti fil-qasam tan-nutriment, qiegħed jakkuża lill-kumpaniji li jipproduċu ikel mhux sustanzjuż li dawn qegħdin jagħmlu “kampanja kbira li tikkorrompi d-drawwiet taʼ l-ikel tat-tfal u twassalhom fi triq lejn l-obeżità,” jgħid artiklu pubblikat fil-gazzetta IHT Asahi Shimbun taʼ Tokjo. “It-televixin jibqaʼ l-iktar mezz qawwi li jinkuraġġixxi lit-tfal biex jixtru,” jgħid ir-rapport, iżda barra minn hekk, il-kumpaniji taʼ l-ikel qegħdin “jagħmlu minn kollox biex jirreklamaw il-prodotti tagħhom lit-tfal.” Il-films, il-logħob, is-siti taʼ l-Internet, il-kotba tas-somom, u varjetà kbira taʼ pupi u ġugarelli, kollha għandhom ir-reklamar tal-kumpaniji taʼ l-ikel. Għala jagħmlu r-reklami għat-tfal? “L-akbar numru taʼ xerrejja huma t-tfal,” jistqarr il-professur tar-reklamar James McNeal taʼ Texas A&M. Madankollu, il-Professur Walter Willet taʼ l-Iskola tas-Saħħa Pubblika taʼ Harvard jgħid: “Il-biċċa l-kbira mill-affarijiet li jbigħu huwa ikel mhux sustanzjuż. Kemm-il darba jirreklamaw il-frott u l-ħaxix?”
Il-Mikrobi fil-Fliexken taʼ l-Ilma
Studju li sar fl-Università taʼ Calgary, il-Kanada, sab “livell għoli u perikoluż taʼ mikrobi fil-fliexken taʼ l-ilma li reġgħu ntużaw mingħajr ma nħaslu,” tirrapporta r-rivista Better Homes & Gardens. L-istudju wera li iktar minn 13 fil-mija mill-fliexken użati minn studenti fl-iskejjel primarji qabżu l-livelli tal-mikrobi li ma jagħmlux ħsara. Il-mikrobi kienu jinkludu varjetà taʼ dawk li jinsabu fil-ħmieġ taʼ l-imsaren—l-iktar minħabba li l-istudenti ma kinux jaħslu idejhom sew. Riċerka waħda tissuġġerixxi li l-fliexken taʼ l-ilma għandhom ikunu maħsulin sew regolarment bil-misħun u bis-sapun u għandhom jitħallew jinxfu kompletament qabel ma jerġgħu jimtlew.
Kemm Hemm Stilel?
The Daily Telegraph taʼ Londra tirrapporta: “L-astronomi rnexxielhom jikkalkulaw li hemm 70 elf miljun miljun miljun—jew sebgħa bi 22 żero warajh—stilla viżibbli mill-Art” bit-teleskopju. L-astronomi, mill-Amerika, mill-Awstralja, u mill-Iskozja, “għoddew il-galassji kollha f’parti żgħira waħda taʼ l-univers qrib l-Art” u kkalkulaw kemm-il stilla kellha kull galassja. Minn dak in-numru mbagħad ikkalkulaw in-numru taʼ stilel fil-bqija tas-sema. “Dan m’huwiex in-numru totali taʼ stilel fl-univers, iżda huwa n-numru taʼ stilel li t-teleskopji tagħna jistgħu jidentifikaw,” jgħid Dr. Simon Driver taʼ l-Awstralja, li mexxa t-tim. “Anki għal astronomu professjonali li huwa mdorri jaħdem b’numri enormi, dan huwa taʼ taħbil il-moħħ.” Bl-għajn naturali, tistaʼ tara ftit eluf taʼ stilel biss mill-iktar postijiet mudlama fuq l-art, u 100 biss minn belt kbira.
In-Nisa tad-Dar Jilagħbu l-Logħob tal-Flus
Fil-Britannja “iktar u iktar nisa tad-dar qegħdin jaqbdu l-vizzju li jilagħbu l-logħob tal-flus fuq is-siti taʼ l-Internet, u jqattgħu sigħat sħaħ kuljum jiddejnu b’eluf taʼ liri,” tirrapporta The Sunday Telegraph taʼ Londra. Nisa li jżommu lura milli jidħlu fil-ħwienet fejn jilagħbu l-logħob tal-flus isibuha iktar faċli li jagħmlu dan fuq l-Internet. Barra minn hekk, il-logħob tal-flus isir parti mill-ħajja taʼ kuljum tagħhom. Hemm ħafna li qed jaqbdu l-vizzju, iżda minħabba r-reputazzjoni ħażina li hemm assoċjata mal-logħob tal-flus li jsir min-nisa, taʼ spiss ma jammettux li għandhom problema. Skond il-gazzetta, il-Professur Mark Griffiths, taʼ l-Università taʼ Nottingham, qal li l-vizzju tal-logħob tal-flus fuq l-Internet jirrifletti “tibdil kulturali kbir ħafna li qed iħalli l-logħob tal-flus fil-każinò jkompli fid-dar jew fuq il-post tax-xogħol.” Hu osserva wkoll: “Jekk biex tilgħab il-flus se tikkaġuna problema, . . . iċ-ċans huwa li m’humiex sa jħalluk tidħol fil-każinò jew fil-ħwienet tal-logħob tal-flus. Bl-Internet, m’hemm l-ebda persuna li tistaʼ żżommok milli tagħmel dan.”
Iktar Żgħażagħ Jgħixu fit-Toroq
“In-numru taʼ żgħażagħ li qegħdin jgħixu fit-toroq taʼ Madrid qiegħed jiżdied,” tirrapporta l-edizzjoni Ingliża taʼ El País, gazzetta Spanjola li toħroġ kuljum. Skond studju li sar minn università, “mill-5,000 ruħ f’Madrid li m’għandhomx fejn jgħixu, 1,250 minnhom kienu taħt l-età taʼ 20 sena meta sabu lilhom infushom mingħajr post li jistgħu jsejħulu dar.” Mir-riċerka nstab li “l-biċċa l-kbira miż-żgħażagħ mingħajr dar jiġu minn familji mkissrin u li bla dubju jkunu għaddew minn trawma f’ħajjithom.” Fil-fatt, “żewġ adolexxenti minn kull tlieta huma l-ulied t’alkoħoliċi jew drogati u numru simili ġew abbużati minn membru tal-familja.” Manuel Muñoz, awtur tar-rapport, qal li “r-rabtiet tradizzjonali fil-familja li normalment issibhom fil-kulturi Mediterranji qed jibdew jiddgħajfu.”
Nanniet għall-Kiri
“Iktar minn 1,000 omm u missier waħedhom li għandhom tfal taʼ għaxar snin u inqas setgħu jagħżlu nanniet għal uliedhom,” tirrapporta l-gazzetta Ġermaniża Nassauische Neue Presse. “Il-proprja nanniet tiegħi jgħixu ’l bogħod ħafna minn Berlin,” tgħid Melanie li għandha sebaʼ snin. “In-nanna Klara toqgħod biss ftit ’il bogħod minna. Hi tiġi għalija l-iskola u tiħodni magħha fiż-żu, il-bandli, u ngħum. Hi ssajjar ukoll, u tiekol miegħi u m’ommi d-dar.” In-nanna Klara kienet mibgħuta minn servizz “tan-nanniet” li jagħmel lix-xjuħ disponibbli għall-ġenituri waħedhom billi jħallsu Lm1 sa Lm2 is-siegħa. “Il-proġett huwa s-soluzzjoni eżatta għal dawk il-ġenituri waħedhom li għandhom ftit flus,” jgħid ir-rapport.
Il-Baħar Mediterran Qed Jisħon
“Ilna nżommu rekord għal għaxar snin . . . dwar kemm qed jisħon il-Mediterran,” jgħid Maurizio Wurtz, bijologu tal-baħar fl-Università taʼ Ġenova, l-Italja. Ir-rapport, li kien fil-gazzetta Taljana La Repubblica, jgħid li l-ilmijiet iktar sħan qegħdin jattiraw pjanti u annimali akkwatiċi ġodda. “Ħafna speċi,” jgħid Wurtz, “qegħdin jiċċaqalqu mill-kosta Afrikana lejn it-tramuntana tal-Mediterran.” L-immigranti jinkludu l-marzpan, li hu oriġinalment ħuta taʼ l-ilma tropikali; iċ-ċawla mil-latitudni tropikali taʼ l-Atlantiku; il-ħmar, li normalment jgħix fl-oċean Indjan u Paċifiku; u alka li vvjaġġat fil-Mediterran permezz tal-Kanal taʼ Swejz.
Xatt għall-Imbaċċin
Lukanda fil-Messiku warrbet żona għal dawk li jistħu jmorru l-baħar fejn ikun hemm ħafna nies irqaq, tirrapporta l-gazzetta El Economista. Il-lukanda ħdejn il-baħar f’Cancún għandha l-motto “Kun Oħxon u Kun Ferħan.” Il-lukanda tittama “li tiġbed lil dawk il-persuni li jibżgħu jmorru l-baħar bil-malja minħabba l-piż żejjed tagħhom.” Il-ħaddiema tal-lukanda, li jinkludu nies taʼ piżijiet differenti, huma mħarrġin biex jittrattaw lil turisti mbaċċin mingħajr diskriminazzjoni, jgħid ir-rapport, “ladarba diġà jiġu diskriminati ħafna fil-ħajja tagħhom taʼ kuljum.”