Inżul T’emerġenza!
Inżul T’emerġenza!
KIF RAKKONTAT MINN CÉSAR MUÑOZ
Wara li gawdejt vaganza mill-isbaħ inżur lill-familja tiegħi fil-belt taʼ Monterrey, il-Messiku, kont lest biex immur lura lejn l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Belt tal-Messiku, fejn għandi l-privileġġ li naqdi. Kien il-Ħadd, l-1 taʼ Diċembru, 2002. Kont fuq it-Titjira 190 li telqet fis–7:00 p.m.
WARA titjira tajba taʼ ftit inqas minn siegħa u nofs, l-ajruplan beda nieżel. Fid-daqqa u l-ħin, telaʼ f’salt u lkoll inħsadna bil-ħoss qawwi li kien ġej minn taħtna. Imbagħad, il-kaptan ħabbar li l-bibien minfejn joħorġu r-roti taʼ l-ajruplan ma setgħux jinfetħu. Kienu weħlu! Bil-biżaʼ, xi passiġġieri bdew jibku. Oħrajn bdew jitolbu b’leħen għoli. Jien ma kontx naf x’se jiġri.
Il-kaptan għarrafna li kien se jkollu jagħmel xi ħaġa biex jiskossja u jiftaħ il-bibien tar-roti. Allura waqt li konna qed intiru fuq il-Belt tal-Messiku, il-kaptan dam xi siegħa jġiegħel l-ajruplan joqmos ’il fuq u ’l isfel u minn naħa għal oħra. Dan kien agħar minn kwalunkwe rikba li rkibt fil-lunapark. Imma dan żgur li ma kienx pjaċevoli! Imbagħad il-kaptan ħabbar: “Jiddispjaċina ninformawkom li l-bibien ma nfetħux. L-unika ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li ninżlu b’emerġenza mingħajr roti.” Ilkoll ħarisna lejn xulxin b’ansjetà kbira fuqna għax bdejna nimmaġinaw l-agħar ħaġa li setgħet tiġri.
Ngħatajna l-istruzzjonijiet għal inżul t’emerġenza. Inżajna ż-żarbun, neħħejna dak kollu li setaʼ jikkaġuna ġrieħi, u qgħadna fil-pożizzjoni li ssuġġerewlna. Ħsibt li żgur se nikkraxxjaw fir-runway! Dak il-ħin, tlabt lil Alla Jehovah u ġiet fuqi kalma kbira.—Filippin 4:6, 7.
Ħafna drabi smajt li meta persuna tkun f’ħalq il-mewt, f’moħħha tara xeni t’affarijiet li għamlet f’ħajjitha u jiġuha ħsibijiet dwar affarijiet li setgħet għamlet. Iddispjaċieni li lit-tfajla li kienet bil-qiegħda ħdejja ma kontx kellimtha dwar is-Saltna u ddeċidejt li jekk insalva, dejjem kont se nieħu vantaġġ minn kull opportunità biex nagħti xiehda. Ukoll, analizzajt malajr is-servizz tiegħi lil Jehovah.
Meta l-ajruplan beda nieżel, stajt nara xi trakkijiet tat-tifi tan-nar, ambulanzi, u ħafna nies jistennew. Imbagħad ħassejna daqqa qawwija hekk kif l-ajruplan ħabat maʼ l-art fuq żaqqu. Hekk kif l-ajruplan beda jitkaxkar, kien hemm ħafna xrar taʼ nar itir minħabba li l-metall kien qed iħokk maʼ l-art. Minnufih, it-trakkijiet tat-tifi tan-nar li kienu fuq kull naħa tal-passaġġ fejn niżel l-ajruplan bdew jitfgħu ħafna ilma fuqu biex inaqqsulu s-sħana.
Fl-aħħar, wara mumenti t’ansjetà kbira, l-ajruplan waqaf. Aħna nfexxejna nċapċpu bil-ferħ kif ukoll bis-serħan kbir li ħassejna minħabba li l-pilota kien irnexxielu jieħu ħsieb din l-emerġenza. Imbagħad intqalilna biex noħorġu mill-ajruplan mill-ewwel. Malajr morna ħdejn il-postijiet taʼ ħruġ u żżerżaqna ’l isfel mill-għoli għal fuq il-ħaxix fejn konna ħelsin mill-periklu.
X’ħin kont ’il bogħod biżżejjed mill-ajruplan u nitriegħed minħabba l-effett taʼ din l-esperjenza, stajt nara l-ajruplan imxaqleb fuq ġenb wieħed fuq l-art imwittija fejn niżel. Fortunatament, ftit kienu l-passiġġieri li weġġgħu, u kellhom biss ġrieħi ħfief. Fl-ambulanzi li kien hemm fil-qrib, l-oħrajn ngħataw attenzjoni medika minħabba x-xokk emozzjonali.
Jien kont ippjanajt li nasal id-dar madwar id–9:00 p.m., imma spiċċajt wasalt erbaʼ sigħat wara. Meta tqis kollox, jien grat li għadni ħaj! Din l-esperjenza ġagħlitni nirrifletti. Kelli naċċetta kemm hi inċerta l-ħajja. Vera tumilja ruħek meta tirrealizza li tistaʼ titlef kollox f’temp taʼ ftit minuti. Meta jkun jidher li m’intix se ssalva, jistaʼ jkun tard wisq biex tirranġa ħajtek jew iżżid maʼ l-azzjonijiet tajbin tiegħek li Alla jkun jistaʼ jiftakar. Issa napprezzaha ħafna iktar l-opportunità li għandi li nuża ħajti bil-għaqal u nagħmel kull ġurnata tiswa fis-servizz t’Alla tiegħi, Jehovah.—Salm 90:12.