Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Battalja Kontinwa Kontra l-Ilma

Battalja Kontinwa Kontra l-Ilma

Battalja Kontinwa Kontra l-​Ilma

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​OLANDA

“Darbtejn kuljum, l-​oċean bil-​mewġ kbir tiegħu jgħarraq pajjiż kbir, tant li jkun hemm dubju jekk dan il-​pajjiż jappartjenix lill-​art jew lill-​baħar. Nies imsejknin jgħixu hemmhekk fuq għoljiet li bnew huma stess sa għoli li, safejn jafu huma, il-​livell taʼ l-​ilma qatt ma laħaq.”

DAK li għadek kif qrajt huwa deskrizzjoni minn Plinju l-​Kbir, kittieb Ruman taʼ l-​ewwel seklu, tal-​battalja kontra l-​ilma li kienu jiġġieldu l-​abitanti tar-​reġjuni fil-​baxx maġenb il-​Baħar tat-​Tramuntana. Illum il-​battalja għadha għaddejja. Fil-​fatt, f’dan ir-​reġjun hemm iktar minn 16-il miljun individwu u madwar nofshom jgħixu u jaħdmu taħt il-​livell tal-​baħar.

Minkejja l-​battalja kontinwa, dawn l-​abitanti taʼ l-​Olanda, jew il-​Pajjiżi Baxxi, ma jikkunsidrawx lilhom infushom bħala msejknin. Huwa minnu li l-​pajjiż tagħhom hu żgħir a u fil-​baxx, imma hu wieħed mill-​iktar nazzjonijiet sinjuri. U b’sorpriża għal min ma jafx, ħafna mill-​prosperità taʼ l-​Olanda hi minħabba l-​ilma u l-​battalja kontrih.

Raġuni importanti għala l-​Olandiżi jagħżlu li jibqgħu f’dan ir-​reġjun hi minħabba l-​fertilità taʼ l-​art. Hija addattata ħafna għall-​agrikultura, l-​ortikultura, u t-​trobbija taʼ l-​annimali. U minħabba li x-​xmajjar prinċipali taʼ l-​Ewropa jispiċċaw fil-​baħar hawnhekk, il-​pożizzjoni tal-​pajjiż hija importanti ekonomikament. Mhux taʼ b’xejn li l-​Olanda​—inkluż il-​port taʼ Rotterdam, l-​akbar port fid-​dinja​—hi msejħa l-​bieb għall-​Ewropa!

Bini taʼ Digi li Qatt Ma Jispiċċa

Madankollu, il-​prosperità ma ġietx waħedha. L-​Olandiżi ilhom jibnu digi għal dawn l-​aħħar 900 sena biex jipproteġuhom mill-​ilma, kemm mix-​xmajjar li jgħaddu mill-​pajjiż u kemm mill-​baħar. Bħala riżultat, issa l-​Olanda hi protetta mill-​ilma tal-​baħar u tax-​xmajjar permezz t’eluf taʼ kilometri taʼ digi​—biċċa xogħol impressjonanti!

Pajjiżi oħra wkoll għandhom id-​digi. Madankollu, fatturi bħall-​għoli mill-​baħar jagħmlu d-​digi hawnhekk kruċjali. Koos Groen, wieħed mill-​awturi tal-​ktieb Dijken (Digi), qal: “Kieku l-​popolazzjoni kollha taʼ l-​Isvizzera kellha tieħu sena vaganza barra minn pajjiżha, x’ħin tiġi lura, il-​pajjiż tagħha jkun għadu hemmhekk. Kieku l-​Olandiżi kellhom jagħmlu l-​istess, x’ħin jiġu lura, nofs arthom u 75 fil-​mija mid-​djar tagħhom jisparixxu.” b

Illum il-​miljuni t’Olandiżi li jgħixu taħt il-​livell tal-​baħar huma kapaċi jżommu saqajhom nexfin u jorqdu sew bil-​lejl għax qed tiġi miġġielda battalja kontinwa. Ikkunsidra l-​isforzi involuti biex ir-​ramliet u d-​duni jinżammu f’kundizzjoni tajba.

Il-​Manutenzjoni tar-​Ramliet u d-​Duni

Matul il-​medda t’eluf taʼ snin, żviluppat barrikata naturali li tikkonsisti f’ramliet u duni, u din ipproteġiet dan ir-​reġjun mill-​baħar. Imma din il-​barrikata tiddgħajjef kontinwament minħabba l-​erożjoni. Biex ipattu għal dan it-​telf, vapuri apposta jtellgħu r-​ramel minn qiegħ il-​baħar bejn disgħa u għoxrin kilometru ’l barra mill-​kosta u jitfgħuh fuq ir-​ramla, jew ħdejha. Mill-​1970 ’l hawn, ittellgħu kważi 85 miljun metru kubu taʼ ramel biex id-​duni tal-​pajjiżi jinżammu f’posthom!

Madankollu, mhux il-​popolazzjoni umana biss tibbenefika mill-​ħarsien tad-​duni. “Għalkemm id-​duni jokkupaw biss wieħed fil-​mija mill-​wiċċ taʼ l-​art fl-​Olanda,” tgħid il-​gazzetta Olandiża NRC Handelsblad, “tliet kwarti taʼ l-​ispeċi kollha taʼ l-​għasafar li jgħixu fil-​pajjiż u żewġ terzi taʼ l-​ispeċi kollha tal-​pjanti rari jinsabu hawnhekk.”

Id-​Difiża Mqassra

Fl-​1932 l-​Olandiżi bnew l-​Afsluitdijk, diga biex twaqqaf l-​ilma, li hi twila 32 kilometru. F’daqqa waħda, din id-​diga bidlet iz-​Zuider Zee, il-​Baħar tan-​Nofsinhar, minn baħar għal għadira li jisimha IJsselmeer. Fl-​istess ħin, dan naqqas il-​kosta tal-​pajjiż minn madwar 1,900 kilometru għal ftit iktar minn 1,300 kilometru.

Xi 20 sena wara, fl-​1953, wara li għargħar diżastruż qatel 1,835 persuna, il-​bennejja tad-​digi bdew proġett saħansitra akbar. Il-​mira tagħhom kienet li jagħlqu d-​daħliet tal-​baħar kollha fin-​naħa tal-​lbiċ tal-​pajjiż minbarra dawk li jagħtu għall-​portijiet taʼ Rotterdam u Antwerp. Dan il-​Pjan tad-​Delta, kif issejjaħ il-​proġett, eventwalment irriżulta f’iktar tnaqqis tal-​kosta tal-​pajjiż li issa ġiet madwar 622 kilometru.

Protezzjoni mix-​Xmajjar

It-​theddida taʼ l-​ilma ma tiġix biss mill-​baħar imma anki minn xmajjar li jgħaddu mill-​Olanda qabel ma jaslu fil-​baħar. Lejn it-​tmiem tax-​xitwa, wara l-​perijodu twil taʼ xita u fiż-​żmien meta s-​silġ taʼ fuq il-​muntanji jibda jinħall, ammonti kbar taʼ ilma mill-​Isvizzera, —il-​Ġermanja, Franza, u l-​Belġju jgħaddu b’saħħa kbira minn dawn ix-​xmajjar u jidħlu fl-​Olanda.

Dawn il-​kwantitajiet kbar taʼ ilma jistgħu jikkaġunaw problemi serji. Per eżempju, fi Frar taʼ l-​1995, ix-​xmajjar fiċ-​ċentru tal-​pajjiż tant kellhom ammonti kbar taʼ ilma li kien hemm il-​biżaʼ li d-​digi kienu se jinfaqgħu bil-​pressa taʼ l-​ilma. Kieku kellha tinkiser waħda mid-​digi, l-​ilma kien jgħatti l-​art taʼ warajha b’għoli taʼ ħafna metri. Groen, li ssemma qabel, jgħid: “Ftit nies jirrealizzaw x’setaʼ ġara kieku ċedew id-​digi tax-​xmajjar.”

“Banju” Mingħajr Saqaf

M’hemm ebda pajjiż ieħor bħall-​Olanda li hija magħrufa għall-​polders tagħha, biċċiet taʼ “art ġdida” taħt il-​livell tal-​baħar, magħluqin permezz tad-​digi. Sa l-​aħħar tas-​seklu 19, il-​livell taʼ ilma fil-​polders kien regolat permezz taʼ l-​imtieħen tar-​riħ. Illum jintużaw stazzjonijiet taʼ pompi taʼ l-​ilma li huma kompjuterizzati. Peter Nowak, li jieħu ħsieb stazzjon ħdejn Amsterdam, spjega x’inhu involut.

“Tistaʼ tqabbel polder maʼ banju,” qal Nowak. “Polder spiss ikun għadd taʼ metri taħt il-​livell tal-​baħar. Id-​diga taʼ madwaru ma tħallix il-​polder jegħreq bl-​ilma. Imma d-​diga mhix saqaf. Xita qawwija tistaʼ ġġiegħel lill-​polder, jew il-​banju, jimtela. Sabiex tiġi evitata ħsara serja, l-​ilma bilfors ikollu jiġi pompjat ’il barra. Imma l-​ilma fejn se jmur?”

Kull polder fih numru taʼ kanali li jġorru l-​ilma lejn l-​istazzjonijiet tal-​pompi. Biex jiġi evitat li dawn il-​kanali jinstaddu, kull bidwi jrid inaddaf dawk li jkunu fl-​għalqa tiegħu. L-​istazzjon imbagħad jippompja l-​ilma żejjed mill-​polder għal ġol-​boezem, sistema maħsuba tajjeb ħafna t’għadajjar u kanali li tintuża bħala ħażna taʼ l-​ilma barra mill-​polder. L-​ilma żejjed fil-​boezem jintrema fil-​baħar meta l-​kurrent ikun baxx.

“Li jinżamm il-​livell tajjeb taʼ ilma fil-​polder huwa vitali għall-​ekonomija taʼ l-​Olanda,” kompla jgħid Nowak. “Matul is-​sjuf li fihom ma tagħmilx ħafna xita, l-​ilma jitħalla jidħol għax il-​bdiewa jeħtieġu l-​ilma fil-​kanali tagħhom biex ikabbru l-​ħaxix jew il-​prodotti tagħhom. F’xi polders ikabbru l-​fjuri​—wieħed mill-​iktar prodotti famużi li jiġu esportati.”

Jgħixu Fejn Kien Baħar

Fis-​seklu 20, il-​polders ma baqgħux jitqiesu sempliċement bħala iktar art għall-​bdiewa; bdew jitqiesu wkoll bħala post fejn joqogħdu n-​nies. Madwar ħamsin sena ilu, meta dawk li jippjanaw il-​bliet bdew jiddisinjaw djar fil-​polders, ftit kellhom esperjenza biex jorganizzaw komunitajiet ġodda. Madankollu, illum jekk iżżur il-​polders, se tara li dawk li ppjanaw il-​bliet irnexxielhom jibnu komunitajiet tajbin biex jgħixu fihom in-​nies fuq dak li darba kien qiegħ il-​baħar! Għax ma tiġix u tara b’għajnejk stess ?

Jaqaw għedt li qed taħsibha darbtejn biex tmur mixja taħt il-​livell tal-​baħar? Għandek raġun, imma ħafna kienu sorpriżi meta saru jafu li dan diġà għamluh mingħajr ma kienu jafu. Per eżempju, jekk qatt inżilt bl-​ajruplan fl-​Ajruport taʼ Schiphol, ħdejn Amsterdam, l-​ajruplan tiegħek niżel f’post li darba kien qiegħ t’għadira. Il-​fatt li int lanqas biss indunajt li kont madwar 4 metri taħt il-​livell tal-​baħar juri li d-​digi fl-​Olanda għadhom f’kundizzjoni tajba!

[Noti taʼ taħt]

a L-Olanda tkopri medda art taʼ 41,500 kilometru kwadru.

b Fl-Olanda, ftit inqas min-​nofs il-​pajjiż jikkonsisti f’polders, meddiet t’art taħt il-​livell tal-​baħar. Dawn il-​polders jegħrqu jekk id-​digi ma jinżammux kontinwament f’kundizzjoni tajba. Pajjiżi muntanjużi bħall-​Isvizzera huma ’l fuq mil-​livell tal-​baħar, u għalhekk ma jiffaċċjawx l-​istess periklu.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 18]

Laqgħat taħt il-​Livell tal-​Baħar

Waħda miż-​żewġ Swali taʼ l-​Assembleat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Olanda qiegħda ħames metri taħt il-​livell tal-​baħar. “Aħna u sejrin għall-​assembleat tagħna li jsiru darbtejn fis-​sena,” qal wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, “spiss niftakru fil-​kliem t’Alla mniżżel f’Ġob 38:8 u 11: ‘Min kien dak li għalaq il-​baħar b’bibien u qal: “Sa hawn biss tasal u mhux aktar, ma taqbiżx minn hawn il-​qawwa taʼ mwieġek”?’ Dan il-​kliem ifakkarna li l-​mod kif Ġeħova jistaʼ jikkontrolla l-​forza inkredibbli taʼ l-​ilma huwa ħafna iktar superjuri mix-​xogħlijiet taʼ l-​inġinieri idrawliċi, avolja jkun impressjonanti dak li jwettqu.”

[Kaxxa f’paġna 19]

Min Jieħu Ħsieb id-​Digi?

Id-​digi u s-​sistemi tad-​dranaġġ għandhom bżonn il-​manutenzjoni u kultant xi tiswijiet. Mill-​Medju Evu ’l hawn, awtoritajiet lokali u reġjonali li jieħdu ħsieb l-​ilma, imsejħin kumitati taʼ l-​ilma, ħadu din ir-​responsabbiltà f’idejhom. Dawn il-​kumitati kienu bbażati fuq tliet prinċipji: interess, ħlas, u opinjoni. Kulmin għandu interess fis-​sigurtà tad-​digi għandu jħallas għat-​tmexxija u l-​manutenzjoni. Imma jkun jistaʼ wkoll jesprimi l-​opinjonijiet tiegħu rigward il-​manutenzjoni tad-​digi u dwar il-​mod taʼ kif jintefqu l-​flus li jinġabru.

Il-​kumitati taʼ l-​ilma ilhom joperaw fl-​Olanda mit-​12-il seklu. Fil-​preżent, hemm iktar minn 30 kumitat. L-​awtoritajiet provinċjali għandhom id-​dritt li jistabbilixxu, itemmu, u jirregolaw dawn il-​kumitati. F’idejhom qiegħda r-​responsabbiltà li jiddeterminaw id-​daqs u minn jagħmel parti mill-​“armata tad-​digi.” Il-​membri taʼ din l-​armata jgħixu fil-​post li jridu jipproteġu. Għandhom motivazzjoni tajba​—il-​protezzjoni u s-​sigurtà tal-​familja u tal-​komunità tagħhom stess. Meta jogħla l-​ilma, huma jgħassu d-​diga, lesti biex jieħdu azzjoni bix-​xkejjer tar-​ramel u għodod oħra li ma jmurx ikun hemm xi qsim. Din is-​sistema taʼ kumitati taʼ l-​ilma, li ilha għaddejja snin sħaħ, tiżgura li d-​digi jiġu protetti sew.

[Mappa f’paġna 16]

(Ara pubblikazzjoni)

Mingħajr id-​duni u d-​digi, din il-​parti blu kienet tkun kważi dejjem mgħarrqa

[Stampa f’paġna 16, 17]

Digi kbar biex jilqgħu l-​ilma tal-​baħar inbnew biex jipproteġu l-​art baxxa taʼ wara d-​digi

[Stampa f’paġna 17]

Kull sena jkollhom jitqiegħdu miljuni taʼ metri kubi taʼ ramel

[Stampa f’paġna 18]

Spiss jiġri li l-​karozzi jivvjaġġaw f’livell iktar baxx mill-​vapuri

[Stampa f’paġna 18]

Id-​diżastru tad-​diga fl-​1953

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 17]

Iż-​żewġ ritratti: Met vriendelijke toestemming van het Nederlandse Ministerie van Verkeer en Waterstaat

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 18]

Iż-​żewġ ritratti taʼ fuq: Met vriendelijke toestemming van het Nederlandse Ministerie van Verkeer en Waterstaat