IT-Trobbija tat-Tfal fid-Dixxiplina t’Alla
Il-Ħarsa tal-Bibbja
IT-Trobbija tat-Tfal fid-Dixxiplina t’Alla
“Kif Tistabbilixxi Regoli li t-Tfal Tiegħek Ma Jiksruhomx”
“Ħames Valuri li Għandek Tgħallem lil Uliedek Qabel Ma Jagħlqu l-Ħames Snin”
“Ħames Abbiltajiet Emozzjonali li t-Tfal Kollha Għandhom Ikollhom”
“Ħames Sinjali li Juru li Qed Tfissidhom Iżżejjed”
“Il-Maġija tad-Dixxiplina f’Minuta”
LI KIEKU d-dixxiplina tat-tfal kienet xi ħaġa faċli, ftit li xejn kien ikun hemm interess f’artikli fir-rivisti bħal dawn li ssemmew hawn fuq. Kieku maż-żmien jinxef il-gelgul taʼ kotba li jinkitbu fuq it-trobbija tat-tfal. Madankollu, it-trobbija tat-tfal qatt ma kienet xi ħaġa ħafifa. Anki eluf taʼ snin ilu ntqal li “iben iblah hu l-għali taʼ missieru, u l-imrar taʼ ommu li wilditu.”—Proverbji 17:25.
Illum, minkejja l-abbundanza taʼ pariri dwar dan is-suġġett, ħafna ġenituri m’humiex ċerti dwar kif għandhom jiddixxiplinaw lil uliedhom. Il-Bibbja x’għajnuna toffri?
It-Tifsira Vera tad-Dixxiplina
Il-Bibbja tindika b’mod ċar x’inhu l-irwol tal-ġenituri rigward id-dixxiplina. Per eżempju, Efesin 6:4 jgħid: “Intom, missirijiet, iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” Dan il-vers isemmi b’mod partikulari li l-missier għandu jkun dak li jieħu l-inizjattiva fil-ħarsien tat-tfal tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, l-omm taħdem id f’id maʼ żewġha.
Dwar dan is-suġġett The Interpreter’s Dictionary of the Bible jgħid: “Fil-Bibbja, id-dixxiplina hija assoċjata mill-qrib, fuq naħa waħda, mat-taħriġ, l-istruzzjoni, u l-għarfien, u fuq l-oħra, mat-twiddib, il-korrezzjoni, u l-kastig. Id-dixxiplina normalment tiġi applikata fit-taħriġ tat-tfal.” B’hekk, id-dixxiplina tinvolvi ferm iktar miċ-ċanfir; tinkludi t-taħriġ kollu li jinħtieġu t-tfal biex jirnexxu fil-ħajja. Iżda kif jistgħu l-ġenituri ma jkunux il-kaġun li jdejqu lil uliedhom?
Uri l-Mogħdrija
X’inhu li jdejjaq lit-tfal? Aħseb dwar din is-sitwazzjoni. Għandek lil xi ħadd jaħdem miegħek li hu nervuż u bla paċenzja. Ma jogħġbu xejn fik. Jikkritika kulma tgħid u kulma tagħmel. Spiss jirrifjuta x-xogħol li tagħmel u jġagħlek tħossok li bħala persuna ma tiswa għal xejn. Ma tkunx din sitwazzjoni li ddejqek u tiskuraġġik?
L-istess jistaʼ jiġri lit-tfal meta l-ġenituri tagħhom kontinwament igergrulhom jew jikkoreġuhom fir-rabja. Huwa veru li kultant it-tfal jeħtieġu l-korrezzjoni u li l-Bibbja tawtorizza lill-ġenituri biex jikkoreġuhom. Madankollu, li ddejjaq lit-tfal billi tittrattahom b’mod aħrax u bla mħabba jistaʼ jikkaġuna ħsara emozzjonali, spiritwali, u anki fiżika.
Uliedek Jixirqilhom l-Attenzjoni
Il-ġenituri għandhom isibu ħin għal uliedhom. Dewteronomju 6:7 jgħid lill-missirijiet dwar ir-regolamenti t’Alla: “Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.” It-tfal jitwieldu bil-bżonn li jħossu li l-ġenituri tagħhom jieħdu interess profond fihom. Konversazzjonijiet bil-kalma kuljum mat-tfal tiegħek jistgħu jgħinuk tifhem is-sentimenti tagħhom. Dan jistaʼ jagħmilha eħfef għalik li tilħqilhom qalbhom bi prinċipji bbażati fuq il-Bibbja, u b’hekk tqanqalhom biex ‘iħobbu lil Alla u jħarsu l-kmandamenti tiegħu.’ (Koħèlet 12:13) Din hi parti mid-dixxiplina t’Alla.
Jekk it-trobbija tat-tfal tistaʼ titqabbel mal-bini taʼ dar, allura d-dixxiplina hija biċċa għodda tal-bini. Meta jużawha kif suppost, il-ġenituri jistgħu jibnu kwalitajiet mixtieqa fil-personalitajiet taʼ wliedhom u jgħinuhom biex ikunu mgħammrin biex jiffaċċjaw il-provi tal-ħajja. Proverbji 23:24, 25 jiddeskrivi r-riżultat: “Missier il-ġust għandu ħafna għax jifraħ, min għandu ibnu għaref jithenna bih. Jithennew bik missierek u ommok, u tifraħ bik dik li wilditek!”
[Kaxxa/Stampa f’paġna 27]
IL-“GWIDA MENTALI TAʼ ĠEĦOVA”
Efesin 6:4 jsemmi “l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” It-terminu oriġinali bil-Grieg għall-espressjoni “gwida mentali” f’xi Bibbji jiġi tradott “li tkun konxju,” “pariri,” u “twiddib.” Dawn it-termini kollha jindikaw li l-familji għandhom jagħmlu iktar milli sempliċement jaqraw il-Bibbja jew jgħaddu xi materjal minn xi pubblikazzjoni bbażata fuq il-Bibbja b’mod taʼ rutina. Jeħtieġ li l-ġenituri jkunu ċerti li wliedhom jifhmu xi tfisser il-Kelma t’Alla, l-importanza taʼ l-ubbidjenza, l-imħabba li Ġeħova għandu għalihom, u l-protezzjoni li joffrilhom.
Dan kif jistaʼ jsir? Judy, omm taʼ tlett itfal ħasset il-bżonn li tagħmel iktar milli kontinwament tfakkar lil uliedha dwar prinċipji divini. “Indunajt li ma kinux jieħdu gost meta kont dejjem nirripeti l-istess affarijiet bl-istess mod. Bdejt infittex modi differenti kif ngħallimhom. Mod wieħed kien li nfittex artikli fir-rivista Stenbaħ! li kienu jippreżentaw il-punti li xtaqt ngħallimhom minn perspettiva differenti. B’hekk tgħallimt kif nagħti lit-tfal tfakkiriet meħtieġa mingħajr ma ndejjaqhom.”
Angelo, li l-familja tiegħu għaddiet minn żminijiet diffiċli, isemmi kif għallem lil uliedu bniet biex jimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla: “Naqraw versi mill-Bibbja flimkien, u mbagħad nagħżel ċerti frażijiet u nispjega kif dawn japplikaw għaċ-ċirkustanzi taʼ wliedi. Iktar tard, meta kienu jkunu qed jaqraw il-Bibbja waħedhom, kont narahom miġburin fi ħsibijiethom, jimmeditaw fuq is-sinifikat li kellha għalihom.”