Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġiet mill-Ispazju

Ġiet mill-Ispazju

Ġiet mill-​Ispazju

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIT-​TANZANIJA

ĠIELI rajt strixxa tad-​dawl f’sema mimli kwiekeb? Forsi sejjaħtilha kewkba feġġa (shooting star). Fil-​fatt, dawn l-​istrixxi tad-​dawl huma magħrufin iktar bħala meteoriti.

Il-maġġuranza mill-​meteoriti li jidħlu fl-​atmosfera tagħna mill-​ispazju jinħarqu kompletament qabel ma jilħqu l-​art. Però, kultant biċċiet kbar taʼ meteoriti tal-​ġebel jew metall ma jdubux bis-​sħana immensa u jilħqu wiċċ l-​art. Dawn huma l-​hekk imsejħin meteoriti. Il-​maġġuranza huma żgħar fid-​daqs, imma wħud minnhom jiżnu eluf taʼ kilogrammi. Fin-​Namibja, l-​Afrika, hemm meteorita li jingħad li tiżen madwar 60,000 kilogramma.

Ejjew inżuru l-​meteorita Mbozi fit-​Tanzanija, li hija t-​tmien l-​akbar li nstabet fid-​dinja. Tinsab fuq l-​għolja Marengi fid-​distrett taʼ Mbozi fin-​nofsinhar tat-​Tanzanija, ħdejn il-​fruntieri tal-​Malawi u z-​Zambja. Din il-​meteorita li hi twila xi tliet metri u wiesgħa metru, tiżen madwar 16,000 kilogramma u tikkonsisti minn 90 fil-​mija ħadid, madwar 9 fil-​mija nîkil, u porzjonijiet żgħar taʼ kobalt, ram, kubrit, u fosfru.

Ħadd ma jaf meta waqgħet din il-​meteorita, imma żgur li kien ħafna żmien ilu għax m’hemmx leġġendi lokali dwarha. W. H. Nott minn Johannesburg, li xogħlu kien jispezzjona l-​art, irrapporta li sabha f’Ottubru, 1930. Minn dakinhar ’l hawn, tħaffer gandott madwar l-​oġġett, u l-​meteorita ġiet tidher qisha ġiet merfugħa u mqiegħda fuq artal tal-​ġebel. B’hekk, il-​meteorita baqgħet fl-​istess post fejn waqgħet.

Xi wħud ipprovaw jaqtgħu jew jisserraw il-​wiċċ tal-​meteorita bħala suvenir​—biċċa xogħol diffiċli ħafna. F’Diċembru, 1930, meta Dr. D. R. Grantham tas-​Soċjetà Ġeoloġika uża sega biex jaqtaʼ kampjun taʼ madwar 10 ċentimetri, dam madwar għaxar sigħat! Dan il-​kampjun issa jinsab fil-​kollezzjoni tal-​meteoriti fil-​British Museum f’Londra.

Il-post fejn tinsab il-​meteorita Mbozi ġie rranġat biex uħud jistgħu jmorru jżuruha. Hemm dar żgħira fejn jilqgħuk u hemm ftit bankijiet u mejda. Il-​gwardjan, li jgħix f’dar żgħira magħmula mit-​tajn xi 50 metru ’l bogħod mill-​meteorita, jistaqsina bil-​ħlewwa biex niffirmaw ktieb fejn dawk li jżuru jiktbu isimhom. Ninnotaw li eluf taʼ viżitaturi minn madwar id-​dinja ġew iżuru dan il-​post. Inqallbu l-​paġni taʼ ktejjeb żgħir li jiddeskrivi l-​meteorita, u mbagħad nieħdu ftit ritratti.

Xi tfal jitilgħu fuq il-​meteorita u jimmaġinaw li qegħdin fuq vettura spazjali. Hekk kif nieklu xi ħaġa hemmhekk stess, u ngawdu x-​xeni kollhom trankwillità, nistagħġbu bid-​dehra taʼ dan l-​oġġett straordinarju li vvjaġġa d-​distanza kollha mill-​ispazju sa Mbozi.

[Stampa f’paġna 11]

Daqqiet taʼ serrieq fuq il-​meteorita