Iżomm Sod mal-Id il-Leminija t’Alla
Iżomm Sod mal-Id il-Leminija t’Alla
◼ Jezreel fil-Messiku twieled b’marda tal-ġilda rari li bl-Ingliż tissejjaħ congenital lamellar ichthyosis. B’din il-marda ħafna minn ġismu għandu l-ġilda qxur qxur u bil-kallijiet. “Minħabba fiha, id-dehra tiegħi timbottak,” jispjega Jezreel, “imma l-marda ma titteħidx.”
Mindu kien għadu ċkejken, Jezreel ħa l-kura f’diversi sptarijiet. Meta kellu sentejn, qegħduh f’ambjent sterili f’sezzjoni iżolata tal-isptar biex jevita l-infezzjonijiet. Madankollu, il-kundizzjoni tal-ġilda li kellu ma riedet titjieb b’xejn. Tawh ukoll kura psikjatrika biex ikampa mas-sentimenti tiegħu meta kien iħossu mwarrab.
Nies li jemmnu li l-marda taʼ Jezreel tittieħed, spiss jevitawh. Dan kien diffiċli għalih speċjalment meta kien għadu żgħir u kien ikun irid jilgħab mat-tfal l-oħrajn. Hu jiftakar, “Kienu jidħqu bija u jgħajruni bi kliem li kien iweġġagħni bħal Mumja u Estraterrestrijali.”
Mill-banda l-oħra, it-tbatija li ġarrab minħabba l-marda tiegħu li tant hi ovvja, Jezreel kellu ħafna opportunitajiet biex jitkellem m’oħrajn dwar it-tama tiegħu bbażata fuq il-Bibbja. Spiss in-nies jersqu fuqu u jistaqsuh jekk kienx inħaraq. Meta jgħidilhom le, jistaqsuh għala għandu din id-dehra. Hu jispjegalhom dwar il-marda tal-ġilda tiegħu u jgħidilhom li għalissa ma titfejjaqx.
Imbagħad iżid, “Jien għandi l-aqwa tama fid-dinja għax Alla Ġeħova jwiegħed li dawk li jobdu l-liġijiet tiegħu se jgħixu f’dinja ġdida mingħajr mard u wġigħ.” (Rivelazzjoni 21:3, 4) Minħabba li jiddiskuti l-kundizzjoni tiegħu b’dan il-mod, Jezreel irnexxielu jibda studji tal-Bibbja maʼ xi nies, u kellu l-ferħ li jara ħafna minnhom jibdew iqimu lil Alla miegħu.
Jezreel jgħid: “Jien grat li twilidt f’familja Kristjana, u li bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova għandi ħbieb tal-qalb. Ħadd minnhom ma jwarrabni minħabba kif nidher. Jien tgħammidt meta kelli 17-il sena, u f’dawn l-aħħar 14-il sena kelli l-privileġġ li naqdi lill-Ħallieq tagħna b’ħafna modi.”
Jezreel iżomm f’moħħu l-kliem inkuraġġanti taʼ Ġeħova li jinsab f’Isaija 41:10, 13, u li jgħid: “Tibżax, għax jien miegħek. . . . Jien inżommok sod tassew b’idi l-leminija tas-sewwa. Għax jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”
Il-fatt li jżomm sod l-id il-leminija taʼ Ġeħova jgħin lil Jezreel biex ma jkunx konxju żżejjed tiegħu nnifsu u jkampa mal-problemi li toħloq din il-marda. Flimkien maʼ miljuni oħrajn, hu qed jistenna t-twettiq tal-wegħdi grandjużi t’Alla.