Id-Dipressjoni—Xi Jħoss Min Ibati Biha?
Id-Dipressjoni—Xi Jħoss Min Ibati Biha?
“DARBA minnhom meta kelli 12-il sena qomt filgħodu,” jiftakar James, a “qgħadt bilqiegħda f’tarf is-sodda, u staqsejt lili nnifsi, ‘Tgħid illum se mmut?’” James kienet ħakmitu dipressjoni maġġura. “Kull ġurnata taʼ ħajti,” jgħid James 30 sena wara, “kelli nikkumbatti maʼ din il-marda emozzjonali u mentali.” Meta kien żgħir, James tant kien iħossu ma jiswa xejn li qattaʼ r-ritratti taʼ meta kien tifel. Hu jiftakar: “Lanqas biss kont naħseb li kont taʼ min jiftakarni.”
Peress li lkoll nitqabdu maʼ sentimenti taʼ dwejjaq minn żmien għall-ieħor, għandna mnejn nikkonkludu li nifhmu x’inhi d-dipressjoni. Imma kif iħossu min ibati minn dipressjoni klinika u mhux mumentanja?
Tfiġġ Krudelment Għal Għarrieda
Id-dipressjoni klinika mhijiex sempliċement swied il-qalb tal-mument imma żbilanċ serju li spiss ma jħallix lil dak li jkun iwettaq l-attivitajiet taʼ kuljum.
Pereżempju, Álvaro ilu iktar minn 40 sena jbati minn “biżaʼ, konfużjoni mentali, qsim il-qalb, u niket kbir.” Hu jispjega: “Id-dipressjoni tiegħi għamlithieli diffiċli biex inqis l-opinjonijiet t’oħrajn. Dejjem ħassejtni responsabbli għal kulma jmur ħażin.” Hu jiddeskrivi d-dipressjoni bħala li “jkollok uġigħ kbir bla ma tkun taf minn fejn ġej, biżaʼ bla ma tkun taf għal xiex u, l-agħar fosthom kollha, ebda xewqa li titkellem dwarha.” Iżda issa sab ftit serħan. Jaf il-kaġun tas-sintomi tiegħu. Hu jgħid, “Ħassejtni aħjar meta sirt naf li oħrajn għandhom l-istess problema tiegħi.”
Fil-Brażil, Maria, li għandha 49 sena, batiet minn dipressjoni li ma kinitx tħalliha torqod u li kkaġunatilha wġigħ, nervi, u “sentimenti taʼ dwejjaq li donnu ma kienx hemm tmiem għalihom.” L-ewwel darba li qalulha li għandha din il-kundizzjoni, Maria straħet minħabba li setgħet tidentifika l-isem tal-kaġun tat-tbatija tagħha. “Imma mbagħad sirt iktar ansjuża,” tispjega hi, “għax ftit nies jifhmu x’inhi d-dipressjoni, u min ibati minnha jħoss li hi taʼ mistħija.”
Dwejjaq Għalxejn b’Xejn?
Għalkemm xi drabi jkun hemm kaġun ovvju li jqabbad id-dipressjoni, din spiss tfiġġ fil-ħajja taʼ dak li jkun ħabta u sabta. “F’daqqa waħda f’ħajtek taqaʼ dalma taʼ dwejjaq mingħajr ebda raġuni partikulari,” jispjega Richard mill-Afrika t’Isfel. “Ma mietlek ħadd, u ma nqalagħlek l-ebda inkwiet. Madankollu, jaqbduk dwejjaq kbar u titlef l-interess f’kollox. U d-dalma ma tkun trid titlaq b’xejn. Tinħakem minn sentimenti taʼ disprament, u ma tafx għalfejn.”
Id-dipressjoni mhijiex xi ħaġa taʼ mistħija. Madankollu, meta Ana fil-Brażil intqalilha li għandha d-dipressjoni ħasset mistħija kbira. “Fil-fatt, tmien snin wara xorta għadni nħossni nistħi minni nnifsi,” tammetti hi. B’mod partikulari, hi ssibha diffiċli biex tissaporti l-uġigħ emozzjonali tagħha. Hi tispjega: “Xi drabi tant inkun qed inbati li nħoss uġigħ fiżiku. Il-muskoli kollha f’ġismi juġgħuni.”
F’dawn il-mumenti jkun impossibbli li tqum mis-sodda. U mbagħad hemm drabi meta Ana ma tkunx tistaʼ tieqaf tibki. “Tant nolfoq bil-qalb u tant negħja,” tgħid hi, “li nħoss li demmi qisu m’għadux jiċċirkola.”Il-Bibbja tirrikonoxxi li wieħed tant jistaʼ jinħakem minn dwejjaq li dan jistaʼ jkun taʼ periklu għalih. Pereżempju, l-appostlu Pawlu kien inkwetat li wieħed raġel kien se “jinbelaʼ għax ikun sewwed qalbu żżejjed.” (2 Korintin 2:7) Xi wħud dipressi tant ikunu mnikktin li jkunu jixtiequ jmutu. Ħafna jħossuhom bħall-profeta Ġona: “Aħjar immut milli ngħix.”—Ġona 4:3.
Uħud dipressi x’jistgħu jagħmlu biex jikkuraw u jissaportu din il-marda taʼ dwejjaq?
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet f’din is-serje t’artikli ġew mibdulin.
[Kumment f’paġna 3]
“F’daqqa waħda f’ħajtek taqaʼ dalma taʼ dwejjaq mingħajr ebda raġuni partikulari”