Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tagħmel Ħażin Jekk Tbiddel ir-Reliġjon Tiegħek?

Tagħmel Ħażin Jekk Tbiddel ir-Reliġjon Tiegħek?

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Tagħmel Ħażin Jekk Tbiddel ir-​Reliġjon Tiegħek?

Meta Avtar bdiet tistudja l-​Bibbja, il-​familja tagħha, li kellha r-​reliġjon Sikh, xejn ma ħadet gost. “Fil-​pajjiż minn fejn ġejja jien,” tgħid hi, “meta tbiddel ir-​reliġjon tiġi maqtugħa minn mal-​komunità. Anki ismijietna għandhom tifsir reliġjuż. Jekk tbiddel ir-​reliġjon tiegħek titqies bħala li qed tiċħad l-​identità tiegħek u turi diżrispett lejn il-​familja tiegħek.”

AVTAR maż-​żmien saret waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għamlet ħażin għax biddlet ir-​reliġjon tagħha? Forsi int taħsibha bħall-​familja tagħha. Għandek mnejn tħoss li r-​reliġjon tiegħek hi konnessa b’mod permanenti mal-​istorja tal-​familja u tal-​kultura tiegħek u m’għandhiex titbiddel.

Huwa importanti li l-​familja tingħata unur. Il-​Bibbja tgħid: “Ismaʼ minn missierek li nisslek.” (Proverbji 23:22) Imma hu iktar importanti li nfittxu li nkunu nafu l-​verità dwar il-​Ħallieq tagħna u l-​iskopijiet tiegħu. (Isaija 55:6) Huwa possibbli li jsir dan it-​tip taʼ tiftix? Jekk huwa, kemm hu importanti għalik li tfittex?

It-​Tiftix għall-​Verità Reliġjuża

Ir-​reliġjonijiet tad-​dinja jgħallmu ideat li ma jaqblux maʼ xulxin. Il-​loġika tgħid li ma jistax ikun li dan it-​tagħlim kollu huwa veru. Għaldaqstant, bilfors li hemm ħafna nies li, bħalma tgħid il-​Bibbja, “għandhom żelu għal Alla, imma mhux skond l-​għarfien eżatt.” (Rumani 10:2) Imma, bħalma hemm miktub fl-​1 Timotju 2:4, l-​appostlu Pawlu jgħid li Alla “jrid li bnedmin taʼ kull xorta . . . jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” Kif jistaʼ jinstab dan l-​għarfien eżatt?

Ikkunsidra għala għandek teżamina l-​Bibbja. Pawlu, li kien kittieb imnebbaħ tal-​Bibbja, qal: “L-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem.” (2 Timotju 3:16) Fost l-​affarijiet li għandek tagħmel biex tfittex il-​verità, eżamina l-​evidenza li turi li dak li tgħid il-​Bibbja hu veru. Investiga għalik innifsek l-​għerf uniku tagħha, l-​eżattezza storika tagħha, u l-​profeziji tagħha li twettqu.

Minflok ma tgħallem li r-​reliġjonijiet kollha huma xorta u jwasslu għand Alla, il-​Bibbja tgħid lill-​qarrejja tagħha biex ma jemmnux kulma jisimgħu imma ‘jgħarblu l-​espressjonijiet imnebbħin biex jaraw jekk joriġinawx minn Alla.’ (1 Ġwanni 4:1) Pereżempju, kwalunkwe tagħlim li verament ġej minn Alla jrid jaqbel mal-​personalità tiegħu, fosthom il-​kwalità li tispikka tiegħu tal-​imħabba.—1 Ġwanni 4:8.

Il-Bibbja tiżgurana li Alla jrid li ‘jirnexxilna nsibuh.’ (Atti 17:26, 27) Peress li l-​Ħallieq tagħna jridna nfittxu l-​verità, ma jistax ikun li nagħmlu ħażin jekk naġixxu skont l-​evidenza li nsibu—anki jekk dan ifisser li nbiddlu r-​reliġjon tagħna. Imma xi ngħidu għall-​problemi li jistgħu jinqalgħu minħabba f’hekk?

Bilanċ fil-​Lealtà Lejn il-​Familja

Meta n-​nies ibiddlu t-​twemmin tagħhom, jistgħu jiddeċiedu li ma jibqgħux jieħdu sehem f’ċerti ritwali jew btajjel reliġjużi. Wieħed jistaʼ jifhem li dan għandu mnejn jikkaġuna sentimenti qawwijin fil-​familja. Ġesù rrikonoxxieh dan. Hu qal lis-​segwaċi tiegħu: “Jien ġejt biex nifred, raġel minn missieru, u bint minn ommha, u mara żagħżugħa mill-​kunjata tagħha.” (Mattew 10:35) Ried ifisser Ġesù li t-​tagħlim tal-​Bibbja kien imfassal apposta biex joħloq il-​ġlied, u li dan ma jistax jiġi evitat? Le. Hu sempliċement ra bil-​quddiem x’kien se jiġri meta membri tal-​familja jirreaġixxu b’mod negattiv jekk xi ħadd iżomm sod maʼ twemmin differenti minn tagħhom.

Għandu l-​ġlied fil-​familja jiġi evitat akkost taʼ kollox? Il-​Bibbja tgħallem li t-​tfal għandhom jobdu lill-​ġenituri u li n-​nisa għandhom ikunu sottomessi lejn żwieġhom. (Efesin 5:22; 6:1) Madankollu, din tgħid lil dawk li jħobbu lil Alla biex ‘jobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.’ (Atti 5:29) B’hekk, xi drabi, il-​lealtà lejn Alla tistaʼ twasslek biex tieħu deċiżjoni li ma tkunx togħġob lil xi membri tal-​familja.

Għalkemm il-​Bibbja tagħmel distinzjoni ċara bejn it-​tagħlim veru u falz, Alla jħalli lil kull individwu fil-​libertà biex jagħżel kif se jirreaġixxi. (Dewteronomju 30:19, 20) Ħadd m’għandu jiġi sforzat iqim b’mod li ma jqisx li hu aċċettabbli jew jiġi mġiegħel jagħżel bejn it-​twemmin tiegħu u l-​familja. L-​istudju tal-​Bibbja jwassal biex jifred il-​familji? Le. Fil-​fatt, il-​Bibbja tinkuraġġixxi lill-​miżżewġin li jipprattikaw reliġjonijiet differenti biex jibqgħu flimkien bħala familja.—1 Korintin 7:12, 13.

Kif Negħlbu l-​Biżaʼ

Għandek mnejn tibżaʼ kif se jirreaġixxu n-​nies fil-​komunità tiegħek jekk tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Mariamma tgħid: “Il-​familja tiegħi kienet inkwetata li ma kontx se nsib niżżewweġ raġel adattat li setaʼ jmantnini. Għalhekk, ħaduha kontra l-​istudju tal-​Bibbja tiegħi.” Mariamma fdat f’Alla Ġeħova u baqgħet tistudja. (Salm 37:3, 4) Int tistaʼ tagħmel l-​istess. Minflok ma tibżaʼ minn dak li jistaʼ jiġri, ikkunsidra l-​benefiċċji. Il-​messaġġ tal-​Bibbja jbiddel il-​ħajjiet u l-​personalitajiet tan-​nies għall-​aħjar. Huma jitgħallmu juru mħabba bla egoiżmu għall-​familja tagħhom. Il-​vizzji ħżiena, bħall-​vjolenza verbali u fiżika u l-​abbuż tal-​alkoħol u d-​drogi, jistgħu jingħelbu. (2 Korintin 7:1) Il-​Bibbja tippromwovi kwalitajiet taʼ ġid bħal-​lealtà, l-​onestà, u l-​bżulija. (Proverbji 31:10-31; Efesin 4:24, 28) Għala ma tistudjax il-​Bibbja u tara l-​benefiċċji li jiġu meta tapplika t-​tagħlim tagħha f’ħajtek?

QATT ĦSIBT DWAR DAN?

◼ Għala hemm għalfejn teżamina t-​twemmin reliġjuż tiegħek?—Proverbji 23:23; 1 Timotju 2:3, 4.

◼ Kif tistaʼ tidentifika t-​tagħlim veru?—2 Timotju 3:16; 1 Ġwanni 4:1.

◼ Għandha l-​oppożizzjoni mill-​familja twaqqfek milli tistudja l-​Bibbja?—Atti 5:29.

[Kumment f’paġna 13]

Il-​messaġġ tal-​Bibbja jbiddel il-​ħajjiet u l-​personalitajiet tan-​nies għall-​aħjar

[Stampa f’paġna 13]

Mariamma u żewġha