Hemm Xi Ħadd li Tistaʼ Tafdah?
In-nies qiesu lil wieħed tabib bħala xi ħadd li għamel skoperti importanti ferm fil-kura tal-uġigħ. Madankollu, għal iktar minn għaxar snin, mill-1996 ’l hawn, dan l-anestetista magħruf kien ivvinta r-riżultati taʼ studji li ġew pubblikati f’rivisti mediċi stmati ħafna.
IT-TABIB Steven L. Shafer, kwotat f’Anesthesiology News jgħid: “Lanqas nistaʼ nibda nifhem għala persuna tasal biex tagħmel dawn l-affarijiet.”
X’setaʼ qanqal lil professur stmat biex iqarraq bil-proxxmu tiegħu? Ikkunsidra erbaʼ raġunijiet possibbli.
● Regħba. F’rapport tan-New York Times, it-tabib Jerome Kassirer, li qabel kien editur taʼ The New England Journal of Medicine, jispjega: “Meta r-riċerkaturi jkunu obbligati lejn kumpaniji [tal-mediċina] għax il-maġġuranza tad-dħul taʼ flushom jiġi mingħandhom, hemm tendenza inkredibbli li jinkisbu r-riżultati li jaqblu lill-kumpanija.”
● Suċċess akkost taʼ kollox. Jintqal li l-istudenti tal-università fil-Ġermanja ħallsu eluf t’ewro f’tixħim lill-għalliema biex jiksbu t-titlu Doktor, li jitqies bħala simbolu taʼ suċċess f’dak il-pajjiż. Studju deskritt f’The New York Times sab li ħafna studenti li aġixxew bla etika, isostnu li “bi ħsiebhom isegwu l-etika b’mod strett” wara li jiksbu s-suċċess.
● Nuqqas t’eżempji tajbin. Professur wieħed ġie kwotat f’The New York Times bħala li qal dwar l-istudenti tal-kulleġġi: “Forsi nitħajru ngħidu
li tilfu l-livelli morali tagħhom . . . Probabbli jkun aħjar li ngħidu li biex nibdew, l-għalliema tagħhom, dawk li jagħtuhom il-pariri, u l-bqija tas-soċjetà qatt m’għenuhom jiżviluppaw u jużaw livelli morali.”● Prattiki li mhumiex fi qbil mal-valuri. Fi studju taʼ kważi 30,000 student, 98 fil-mija qalu li jemmnu li l-onestà hija vitali fir-relazzjonijiet persunali. Madankollu, 8 studenti minn kull 10 ammettew li kienu gidbu lill-ġenituri tagħhom, u 64 fil-mija minnhom ammettew li kienu qarrqu f’xi eżami matul is-sena taʼ qabel.
Livelli Morali Superjuri
Bħalma ġie notat fil-kaxxa f’din il-paġna, jidher li hija parti min-natura tal-bniedem li jafda f’ħaddieħor. Xorta waħda, il-Bibbja b’mod realistiku tgħid li “l-inklinazzjoni taʼ qalb il-bniedem hi ħażina sa minn żgħożitu.” (Ġenesi 8:21) Kif tistaʼ tissielet kontra din l-inklinazzjoni u tirreżisti l-attitudni tad-diżonestà li hi tant komuni llum? Il-prinċipji Bibliċi li ġejjin jistgħu jgħinuk:
● “Tfassal xejn ħażin kontra l-proxxmu tiegħek, meta dan ikun qed jgħammar miegħek b’sens taʼ sigurtà.”—Proverbji 3:29.
L-imħabba għal għajrna tqanqalna nfittxu l-benesseri tiegħu u ma niħdux vantaġġ mill-fiduċja tiegħu fina. Dan il-prinċipju jistaʼ jġib fix-xejn diversi forom taʼ trattament inġust tal-bniedem imqanqlin mir-regħba, bħall-ittraffikar tal-mediċina falza li ġie diskuss fil-bidu taʼ din is-sensiela t’artikli.
● “Kliem is-sewwa jżomm sħiħ għal dejjem, imma l-ilsien giddieb għomru qasir.”—Proverbji 12:19, “Għaqda Biblika Maltija.”
Ħafna llum jemmnu li n-nies onesti għandhom żvantaġġ. Imma staqsi lilek innifsek, ‘X’inhu l-iktar taʼ valur—li nikseb premjijiet mill-ewwel jew benefiċċji li jdumu, inkluż ir-rispett lejja nnifsi?’ Student jistaʼ jqarraq b’oħrajn dwar l-għarfien jew is-snajjaʼ tiegħu billi jqarraq fl-eżamijiet, imma x’se jagħmel fuq il-post tax-xogħol?
● “Il-ġust qed jimxi bl-integrità tiegħu. Henjin uliedu li jiġu warajh.”—Proverbji 20:7.
Jekk int ġenitur, kun eżempju tajjeb għal uliedek billi ‘timxi bl-integrità.’ Spjegalhom kif int ibbenefikajt meta mxejt b’mod rett. Meta t-tfal jaraw lil ġenitur jimxi fit-triq tal-integrità, hemm ċans akbar li se jkunu taʼ min jafdahom.—Proverbji 22:6.
Veru jaħdmu dawn il-prinċipji Bibliċi li għadna kemm semmejna? Jeżistu nies taʼ min jafdahom illum?
[Kumment f’paġna 4]
Skont il-gazzetta Le Figaro, iktar u iktar nies Franċiżi “jaħsbu li n-nies prominenti fis-soċjetà—fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, u kulturali—m’għandhomx morali tajbin, u għalhekk ma jarawx għala għandhom ikollhom dawn il-morali huma.”
[Kaxxa f’paġna 5]
HIJA PARTI MIN-NATURA TAGĦNA LI NAFDAW F’ĦADDIEĦOR
Esperimenti li mexxa Michael Kosfeld, professur tal-amministrazzjoni tan-negozju fl-Università taʼ Frankfurt, il-Ġermanja, wassluh għall-konklużjoni li l-fiduċja hija “parti bijoloġika min-natura umana.” Kosfeld skopra li meta jkun hemm komunikazzjoni bejn żewġ persuni, il-moħħ uman jipproduċi l-ossitosin, ormon li jqanqal il-fiduċja. Kosfeld jgħid: “Fil-fatt, hu wieħed mill-aspetti li jikkaratterizza lill-bnedmin. Meta ma jkunx hemm fiduċja nkunu tlifna parti importanti min-natura umana tagħna.”