Huwa Alla Persuna Reali?
Il-Ħarsa Tal-Bibbja
IMSAĦĦRIN bin-natura, ħafna nies ikollhom jemmnu li hemm forza sopranaturali, xi alla. Tħossok impressjonat bl-għeġubijiet li hemm fl-univers? Tistagħġeb int bil-meravilji tan-natura tal-pjaneta tagħna u bid-disinn komplikat tal-ġisem uman?
Jekk iva, forsi int ukoll ġejt perswadut temmen f’qawwa divina. Xi reliġjonijiet jgħallmu li qawwa bħal din tgħix fil-muntanji, fis-siġar, fis-sema, u f’oqsma oħrajn tal-univers fiżiku. Oħrajn jemmnu li l-ispirti tal-antenati, uħud tajbin u wħud ħżiena, jingħaqdu f’forzi misterjużi u flimkien jifformaw Esseri Suprem wieħed—Alla!
Ikun xi jkun il-każ, twemmin komuni hu li din il-forza sopranaturali m’għandhiex personalità. Xi nies isibuha diffiċli biex jemmnu li Alla għandu ħsibijiet, emozzjonijiet, skop, u xewqat. Huwa Alla persuna reali? Il-Bibbja, wieħed mill-eqdem kotba sagri li hawn fl-idejn illum, tipprovdi tweġiba ċara.
In-Natura tal-Bniedem Turina n-Natura t’Alla
Il-Bibbja tgħallem li l-bniedem ġie maħluq b’tali mod li jkollu mill-karatteristiki t’Alla. Ġenesi 1:27 jgħid li “Alla ħalaq lill-bnedmin, u għamilhom biex ikunu bħalu stess.”—Today’s English Version.
Biċ-ċar, dan il-kliem ma jfissirx li l-ewwel bnedmin kienu repliki eżatti t’Alla. Il-Bibbja tgħid li Alla hu spirtu inviżibbli, filwaqt li l-bnedmin huma magħmulin minn elementi tal-art li tistaʼ tarahom. (Ġenesi 2:7; Ġwanni 4:24) Barra minn din id-differenza bażika bejn Alla u l-bnedmin, ħarsa mill-qrib lejn il-kwalitajiet tal-bniedem għandha turina n-natura vera t’Alla.
Il-bnedmin għandhom l-abbiltà li jużaw il-qawwa tal-ġisem jew tal-moħħ u jagħmlu azzjonijiet maħsubin sew minn jeddhom. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jkunu mqanqlin minn karatteristiki bħal qalb tajba, abbiltà tal-ħsib, għerf prattiku, u sens taʼ ġustizzja. Il-bnedmin għandhom emozzjonijiet li jvarjaw minn imħabba tenera sa mibegħda u rabja. Taħlita varja taʼ dawn il-karatteristiki tagħmilna kemxejn differenti minn xulxin. Iva, kull wieħed minna għandu personalità unika. Il-bnedmin huma persuni.
Kien se jagħmel sens li Alla joħloqna bħala persuni komplikati kieku hu stess kien xi forza bla karattru li jittajjar bla skop f’post spiritwali? Jekk il-bnedmin huma maħluqin fuq ix-xbieha t’Alla, mela n-natura t’Alla kienet se tkun bħan-natura tal-bnedmin f’ħafna modi. Ikkunsidra dan li ġej.
Alla għandu isem persunali. F’Isaija 42:8, il-Bibbja tgħid: “Jien Ġeħova. Dak hu ismi.” Alla jrid li ismu jkun magħruf. Il-Bibbja tgħid ukoll: “Ħa jitbierek isem Ġeħova minn issa ’l quddiem u għal dejjem. Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha l-isem taʼ Ġeħova għandu jiġi mfaħħar.” (Salm 113:2, 3) Għalhekk, billi jużaw l-isem t’Alla spiss, l-aduraturi tiegħu jqisuh bħala persuna.
Alla hu uniku. Il-Bibbja tgħallem li Alla huwa tassew uniku. (1 Korintin 8:5, 6) “Int tabilħaqq kbir, O Mulej Sovran Ġeħova; għax m’hemmx ieħor bħalek, u m’hemm ebda Alla ħliefek,” tgħid il-Bibbja. (2 Samwel 7:22) L-Iskrittura tiddeskrivi wkoll lil Ġeħova bħala “l-Alla l-veru fis-smewwiet hemm fuq u fuq l-art hawn taħt. M’hemmx ħliefu.”—Dewteronomju 4:39.
Alla Ġeħova jobgħod il-ħażen. Persuna biss tistaʼ tħoss il-mibegħda. Il-Bibbja tgħidilna li Alla jobgħod affarijiet bħal “għajnejn imkabbrin, ilsien falz, u idejn li qed ixerrdu demm innoċenti, qalb li tfassal pjanijiet taʼ ħsara, saqajn mgħaġġlin biex jiġru lejn il-ħażen, xhud falz li jaqlaʼ l-gideb, u kulmin jaqlaʼ l-ġlied fost l-aħwa.” (Proverbji 6:16-19) Innota li Alla jistkerrah imġiba li ġġib il-ħsara bejn il-bnedmin. Minn dan nitgħallmu li Alla jagħti kas il-benesseri tagħna u li jobgħod l-affarijiet li jikkaġunawlna l-ħsara.
Ġeħova hu Alla li jħobb. Il-Bibbja tispjega li Alla jħobb ħafna “lin-nies taʼ din id-dinja.” (Ġwanni 3:16, Contemporary English Version) Tpinġih bħala li għandu l-personalità taʼ missier teneru li jrid l-aħjar għal uliedu l-bnedmin. (Isaija 64:8) Il-bnedmin jistgħu jaħsdu ħafna barkiet billi jagħrfu l-pożizzjoni t’Alla bħala l-Missier tagħhom kollu mħabba.
Tistaʼ Tkun il-Ħabib t’Alla
Biċ-ċar, il-Bibbja tgħallem li l-Ħallieq hu individwu li għandu isem u personalità. Għandu l-abbiltà li juża l-qawwa u jagħmel azzjonijiet maħsubin u minn jeddu li huma mqanqlin minn karatteristiki superjuri bħall-qalb tajba, l-għerf, u s-sens taʼ ġustizzja. Mhuwiex ’il bogħod wisq jew li ma jistax jintlaħaq. Għall-kuntrarju, hu jgħid: “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”—Isaija 41:13.
Alla għandu skop għall-bniedem. Il-Bibbja tgħid: “Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Il-fatt li nafu li Ġeħova hu uniku u għandu identità speċifika jagħmilhielna eħfef biex nirsistu għal relazzjoni persunali miegħu u ngawdu l-barkiet li joffri lil dawk li jsiru ħbiebu.—Dewteronomju 6:4, 5; 1 Pietru 5:6, 7.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
● Għandu Alla isem persunali? —Isaija 42:8.
● Hemm ħafna allat?—1 Korintin 8:5, 6.
● Jistgħu l-bnedmin ikollhom relazzjoni persunali mal-Alla l-veru? —1 Pietru 5:6, 7.
[Stampa f’paġna 29]
Kien Alla se joħloqna bħala persuni komplikati kieku hu stess kien xi forza bla karattru?