Għandek Miri Realistiċi?
● Xi trid tikseb mill-ħajja? Għandek stennijiet raġunevoli, jew toħlom dwar affarijiet li jmorru lil hinn mill-abbiltà jew il-mezzi tiegħek? Wieħed li osserva bir-reqqa n-natura umana ta dan il-parir għaqli: “Aħjar tara b’għajnejk milli ssiefer bil-ħsieb. Imma dan ukoll frugħa u ġiri wara r-riħ.”—Koħèlet 6:9, Għaqda Biblika Maltija.
Dak ‘li naraw b’għajnejna’ jirreferi għaċ-ċirkustanzi u r-realtajiet preżenti tagħna. M’għandniex xi ngħidu, m’hemm xejn ħażin jekk nipprovaw intejbu ħajjitna. Madankollu, il-punt li l-Bibbja trid toħroġ hu li l-għorrief ma jiġrux wara miri mhux realistiċi. Dawn jistgħu jkunu l-fama, l-għana, is-sieħeb jew is-sieħba ideali fiż-żwieġ, jew is-saħħa perfetta.
Iktar minn hekk, dawk li jilħqu ċerta mira, bħalma hu l-għana materjali, għandhom mnejn xorta jixxennqu għal iktar. “Min iħobb il-fidda ma jixbax bil-fidda, u lanqas min iħobb l-għana ma jixbaʼ bid-dħul. Dan ukoll frugħa,” tgħid il-Bibbja bla tlaqliq. (Ekkleżjasti 5:10) Għalhekk, dawk li huma għorrief spiritwalment jipprovaw jikkuntentaw b’dak li għandhom, dak ‘li jaraw b’għajnejhom.’ Iva, huma jirrikonoxxu din il-verità: “Ma ġibna xejn magħna fid-dinja, u ma nistgħu nieħdu xejn.”—1 Timotju 6:7.
Il-bnedmin huma magħmulin b’tali mod li jiksbu l-akbar hena meta jissodisfaw il-bżonnijiet spiritwali tagħhom. (Mattew 5:3) Kif nistgħu nagħmlu dan? Ġesù Kristu qal: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mattew 4:4) Dan il-kliem prezzjuż insibuh fil-Bibbja, u hu disponibbli għal kulħadd.
Eżempju taʼ dan insibuh f’Salm 37:4. Dan jgħid: “Tgħaxxaq b’Ġeħova bil-kbir, u hu jagħtik dak li tixtieq qalbek.” Bħala Alla li Jistaʼ Kollox, Ġeħova se jagħti lill-aduraturi leali tiegħu affarijiet li ebda uman ma jistaʼ jagħti: saħħa perfetta, sigurtà materjali, u ħajja taʼ dejjem f’Ġenna fuq l-art. (Luqa 23:43; Rivelazzjoni 21:3, 4) Aħna nkunu realistiċi jekk nafdaw f’dan il-kliem.