Is-Salamun—L-Istil tal-Għawm Effiċjenti Tiegħu
Ġie Disinjat?
● Sabiex inisslu, ħafna speċijiet taʼ salamun jgħumu lejn għajn ix-xmara, u huma u sejrin jiffaċċjaw ilmijiet imqallbin. Kif għandhom il-ħila jissaportu vjaġġ strapazzuż mingħajr ma jegħjew u jieqfu? Minflok ma jingħeleb mill-ilma mqalleb, dan il-ħut, fil-fatt, jieħu vantaġġ minnu. Kif?
Ikkunsidra: Is-salamun ma jisforzax ruħu biex jgħaddi minn ġol-ilma mqalleb. Minflok, meta jgħum lejn għajn ix-xmara, hu jikkonserva l-enerġija billi juża l-vortiċi, jew belliegħa fiċ-ċokon, li jifformaw meta l-ilma jaħbat mal-blat, mal-friegħi, jew maʼ oġġetti oħrajn. Hekk kif il-vortiċi jifformaw fuq iż-żewġ naħat taʼ xi oġġett, il-ħut jilwi ġismu minn naħa għal oħra u jgħaddi ħelu ħelu bejn il-vojt li joħolqu dawn il-vortiċi. (Ara d-dijagramma.) Xi qtajjaʼ taʼ ħut jużaw il-vortiċi li joħloq il-ħut li jkun qed jgħum quddiemhom, u b’hekk ikun iktar faċli għalihom biex jgħumu. Il-ħut jistaʼ saħansitra jieħu vantaġġ miċ-ċaqliq tal-ilma maħluq minn ġismu stess!
Xi riċerkaturi jittamaw li jitgħallmu mill-istil tal-għawm effiċjenti tas-salamun biex jieħdu l-enerġija minn ilma li jgelgel bil-mod. Tagħmir tradizzjonali li jaħdem bl-ilma ġeneralment jiġġenera elettriċità f’ilma li jgelgel bir-rata taʼ madwar ħames mili nawtiċi (9.3 kilometri fis-siegħa) jew iktar. Issa, mudell li juża vibrazzjonijiet magħmulin mill-vortiċi jistaʼ jiġġenera elettriċità minn ilma li jgelgel bir-rata taʼ żewġ mili nawtiċi fis-siegħa biss. a Madankollu, din it-teknoloġija lanqas biss tibda mal-abbiltà taʼ ħut bħas-salamun. Il-Professur Michael Bernitsas tal-Università taʼ Michigan, l-Istati Uniti tal-Amerika, jammetti: “S’issa għad m’aħniex intelliġenti daqs il-ħut.”
Int x’taħseb? Ġiet b’kumbinazzjoni l-abbiltà tas-salamun biex jikseb l-enerġija miċ-ċaqliq tal-ilma? Jew ġiet disinjata?
[Nota taʼ taħt]
a Dan jidher li hu promettenti, ladarba l-biċċa l-kbira mill-kurrenti tal-ilma tad-dinja jgelglu b’inqas minn tliet mili nawtiċi fis-siegħa.
[Sors tal-Istampa f’paġna 25]
Fuq: © photolibrary. Id-drittijiet kollha riservati.