Suġġerimenti għas-Sigurtà tal-Anzjani
TIFLA tiskejzja fuq is-silġ. F’daqqa waħda tiżloq u taqaʼ. F’kemm ilna ngħidu terġaʼ tqum fuq saqajha, u l-unika tbatija tagħha hi xi ftit mistħija. Mara anzjana titfixkel u taqaʼ f’darha, u tfekkek ġenbha. Tagħmel operazzjoni u tqattaʼ xhur sħaħ f’riabilitazzjoni. Issa, billi saħansitra tibżaʼ iktar li taqaʼ, hi tevita l-attività fiżika u ssir iktar dgħajfa.
F’pajjiż tal-Punent, kull sena jaqgħu iktar minn terz tan-nies li għandhom 65 sena jew iktar. Iktar minn hekk, f’nies taʼ din l-età, il-waqgħat huma l-kaġun primarju tal-imwiet relatati mal-aċċidenti. Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tgħid dwar l-anzjani: “Saru jibżgħu mill-għoli, u jitwerwru fit-triq.”—Ekkleżjasti 12:5.
Avolja l-età avanzata spiss toħloq sfidi fiżiċi, int tistaʼ tieħu passi prattiċi biex ittejjeb is-sigurtà persunali tiegħek u l-kwalità taʼ ħajtek. Pereżempju, tistaʼ tistinka biex iżżomm ruħek f’saħħtek b’mod raġunevoli. Ukoll, tistaʼ tagħmel darek iktar sigura.
Żomm Ruħek f’Saħħtek
Hekk kif nikbru, il-koordinazzjoni tagħna tistaʼ tmajna u forsi jkollna l-inkwiet bil-vista u bil-bilanċ tagħna. Għandna mnejn insiru wkoll iktar fraġli hekk kif il-muskoli u l-għadam tagħna jiddgħajfu. Madankollu, l-attività fiżika regulari u d-drawwiet tajbin tal-ikel jistgħu jnaqqsu dan il-proċess. “Hu importanti li tagħmel eżerċizzji li jtejbu l-bilanċ, il-qagħda, is-saħħa, u l-flessibilità,” tgħid Nita, terapista fiżika.
Pubblikazzjoni tad-Dipartiment tas-Servizzi Umani u tas-Saħħa tal-Istati Uniti tgħid: “Minkejja saħħithom u l-abbiltajiet fiżiċi tagħhom, adulti avanzati fl-età xorta jistgħu jiggwadanjaw ħafna billi jibqgħu attivi fiżikament. Anki jekk issibha diffiċli biex tqum bilwieqfa jew biex timxi, xorta tistaʼ tagħmel l-eżerċizzju u tibbenefika minnu. Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira mill-każi, iktar għandek x’titlef jekk ma tagħmel xejn.” a Fost affarijiet oħrajn, l-attività fiżika tistaʼ tgħinek tikkumbatti l-mard tal-qalb, l-uġigħ fil-ġogi, l-osteoporożi, u d-dipressjoni. Tistaʼ ttejjiblek iċ-ċirkulazzjoni, id-diġestjoni, u l-irqad, u tistaʼ tkabbarlek il-fiduċja fik innifsek u żżommok mentalment attiv.
Jekk m’intix imdorri tagħmel eżerċizzju fiżiku, ikun għaqli jekk l-ewwel tmur għand it-tabib tiegħek. Ukoll, ikkonsulta miegħu jekk waqt l-eżerċizzju tħossok qed tistordi jew tħoss xi wġigħ f’sidrek. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, ikun għaqli jekk iċċempel l-emerġenza. Tittrattahomx ħafif ħafif sintomi bħal dawn li jistgħu jkunu perikolużi! U hu rikkmandat li darba fis-sena tiċċekkja l-vista għand tabib tal-għajnejn.
Rigward id-dieta, evita ikel li jkun nieqes
mill-vitamini u mill-minerali, anki jekk jistaʼ jiġi preparat malajr u faċilment. B’mod speċjali, in-nies avanzati fl-età għandhom bżonn ikel li fih ħafna vitamina D u kalċju, li t-tnejn li huma jistgħu jgħinuhom iżommu l-għadam b’saħħtu kemm jistaʼ jkun. Għalhekk, ipprova kul ikel li jinkludi żrieragħ (whole grains), prodotti tal-ħalib b’kontenut baxx taʼ xaħmijiet, u frott u ħaxix frisk. Iċċekkja mat-tabib tiegħek qabel ma tagħmel bidliet kbar f’dak li tiekol. Hu għandu mnejn jissuġġerilek ikel li għandek tiekol jew ikel li għandek tevita minħabba ċerti fatturi taʼ saħħa.Barra minn hekk, ipprova ixrob biżżejjed ilma. In-nuqqas taʼ ilma, li hu komuni fost in-nies avanzati fl-età, speċjalment dawk li jgħixu waħedhom jew fi djar tal-anzjani, jistaʼ jagħmel lil dak li jkun suxxettibbli għal xi waqgħa, għall-konfużjoni, għall-kostipazzjoni, għal problemi fil-ġilda, għall-infezzjonijiet, u saħansitra għall-mewt.
Agħmel Darek Iktar fis-Sigurtà
Il-biċċa l-kbira mill-waqgħat isiru fid-dar. Madankollu, billi tieħu ftit prekawzjonijiet prattiċi, tistaʼ tnaqqas dan ir-riskju b’mod sinifikanti. Aħseb dwar darek hekk kif taqra dan li ġej.
Il-Kamra tal-Banju:
● Għandu jkollok post tajjeb fejn tqiegħed saqajk meta l-art tkun imxarrba.
● Ix-xawer jew il-banju għandu jkollu tapit jew wiċċ li ma jiżloqx, u jekk ikollok siġġu apposta tax-xawer, m’għandux itellfek milli tilħaq il-vitien. Jistaʼ wkoll ikun t’għajnuna li jkollok doċċa li żżommha f’idek sabiex tkun tistaʼ tibqaʼ bilqiegħda meta tkun qed tinħasel.
● Ikun tajjeb li jkollok maʼ fejn iżżomm meta tidħol fil-banju jew toħroġ minnu jew meta tuża t-tojlit. Maʼ fejn iżżomm għandu jkun b’saħħtu u mwaħħal sew. Ukoll, kun ċert li t-tojlit ikun għoli biżżejjed sabiex tkun tistaʼ tpoġġi u tqum mingħajr ħafna tbatija.
● Ħalli d-dwal apposta taʼ billejl mixgħulin, jew uża xi torċ.
It-Taraġ:
● It-taraġ għandu jkun żbarazzat, f’kundizzjoni tajba, u mdawwal sew.
● It-taraġ għandu jkollu poġġaman stabbli fuq iż-żewġ naħat jekk ikun possibbli kif ukoll strixxi li ma jiżolqux u swiċċijiet kemm fuq kif ukoll isfel.
● L-anzjani jistgħu jiġu megħjunin biex iżommu s-saħħa f’riġlejhom billi jitilgħu u jinżlu t-taraġ. Madankollu, jekk għandek il-problemi bil-bilanċ, għandek tipprova tevita li tuża t-taraġ waħdek.
Il-Kamra tas-Sodda:
● Ħalli biżżejjed spazju biex iddur mas-sodda u m’għamara oħra mingħajr periklu.
● Żomm siġġu li tistaʼ tpoġġi fuqu biex tilbes.
● Żomm lampa jew torċ qribek meta tkun fis-sodda.
Il-Kċina:
● Il-wiċċ tal-bank għandu jkun żbarazzat sabiex tkun tistaʼ faċilment tqiegħed ix-xirja u affarijiet oħrajn fuqu.
● L-art tal-kċina m’għandhiex tkun tiżloq u tleqq ħafna.
● L-affarijiet fil-bank tal-kċina la għandhom ikunu fl-għoli wisq u lanqas fil-baxx wisq, imma faċli biex tilħaqhom mingħajr għajnuna. Ipprova tużax slielem jew banketti, u qatt m’għandek titlaʼ fuq siġġu!
Ġenerali:
● Ixgħel id-dwal apposta taʼ billejl biex idawlu l-passaġġ lejn il-kamra tal-banju u postijiet oħrajn li tistaʼ tmur fihom billejl.
● Jistaʼ jkun t’għajnuna li billejl tuża bastun jew apparat li jgħinek timxi meta ma tkunx imqajjem jew attent għalkollox.
● Is-siġġijiet għandhom ikunu stabbli (bla roti), ikollhom fejn isserraħ idejk, u jkunu għoljin biżżejjed biex tkun tistaʼ tpoġġi u tqum faċilment.
● Biex ma titfixkilx u taqaʼ, għandek issewwi, tbiddel, jew tneħħi twapet imżarrtin jew madum imkisser. Il-wajers tal-elettriku poġġihom kollha mal-ħitan u mhux fin-nofs.
● Twapet żgħar jistgħu jkunu taʼ periklu u għandhom jitneħħew minn kmamar li jkun fihom
it-tapiti. Jekk jitpoġġew fuq art lixxa, bħall-madum jew l-injam, għandhom ikunu mwaħħlin fis-sod biex ma jiċċaqalqux.● Tilbisx papoċċi li huma kbar jew mherrijin jew li huma miftuħin minn wara jew li għandhom il-qiegħ jiżloq. U tilbisx sandlijiet jew żraben b’takkuna għolja.
● Xi mediċini jistgħu jġiegħlu lil dak li jkun iħossu mhux f’sikktu jew stordut. Jekk xi darba tħossok hekk wara li tieħu l-mediċina, kun ċert li tgħid lit-tabib tiegħek. Hu għandu mnejn ibiddel id-doża jew il-mediċina stess.
Jekk tinnota xi ħaġa li għandha bżonn attenzjoni u li ma tistax tieħu ħsiebha int stess mingħajr periklu, għala ma tfittixx l-għajnuna tal-membri tal-familja, tal-ħbieb, jew taʼ dawk li jkunu responsabbli għall-manutenzjoni tal-bini? U pprova titnikkirx.
Dak li Jistgħu Jagħmlu Oħrajn
Jekk għandek ġenituri, nanniet, jew ħbieb li huma anzjani, x’tistaʼ tagħmel biex tgħinhom jevitaw waqgħat li jistgħu jkunu taʼ ħsara? Pereżempju, bit-tattika tistaʼ tgħaddi magħhom il-lista li semmejna qabel u tgħinhom jagħmlu arranġamenti biex jirranġaw fejn ikollhom xi problema. Skont il-bżonn, forsi tistaʼ tħejjilhom ikla sustanzjuża jew tnejn kull ġimgħa. Nies avanzati fl-età għandhom bżonn ukoll l-eżerċizzju regulari. Tistaʼ tmur mixja magħhom, forsi int u tieħu ħsieb l-attivitajiet l-oħrajn tiegħek? Ħafna anzjani jieħdu pjaċir joħorġu mid-dar jekk ikollhom sieħeb li jafdawh biex imur magħhom. F’xi pajjiżi, il-gvern joffri assistenza billi jipprovdi għajnuna fid-dar, terapija fiżika jew terapija li tgħin lil dak li jkun jibqaʼ attiv, u sigurtà fid-dar. It-tabib tiegħek għandu jkun jistaʼ jirreferik għal servizzi bħal dawn.
Il-Ħallieq tagħna, li hu nnifsu jissejjaħ “ix-Xiħ fil-Jiem,” jitlob minna li nuru rispett lejn dawk imdaħħlin fiż-żmien, speċjalment ġenituri avanzati fl-età. (Danjel 7:9) “Onora lil missierek u lil ommok,” jikkmanda hu. (Eżodu 20:12) Hu jgħidilna wkoll: “Quddiem ix-xagħar griż għandek tqum, u uri konsiderazzjoni lejn il-persuna taʼ raġel xiħ, u ibżaʼ minn Alla tiegħek.” (Levitiku 19:32) Iva, ir-rispett lejn dawk avanzati fl-età attwalment jirrifletti biżaʼ bnin minn Alla! Min-naħa tagħhom, meta n-nies avanzati fl-età jkunu grati ġenwinament għall-għajnuna li tingħatalhom, aħna nitqanqlu biex nuruhom konsiderazzjoni bi mħabba u b’rispett. Il-fatt li ngħinu lil uħud bħal dawn m’għandux jitqies bħala dmir. Huwa l-pjaċir tagħna!
[Nota taʼ taħt]
a Il-ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-Ingliż tat-22 taʼ Mejju, 2005, eżaminat b’iktar dettall il-benefiċċji tal-eżerċizzju regulari.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 31]
GĦAJNUNA ELETTRONIKA F’XI EMERĠENZA
F’xi pajjiżi, l-anzjani jistgħu jiksbu apparat elettroniku żgħir li jistgħu jużawh f’xi emerġenza, bħal meta jaqgħu u jweġġgħu serjament. Permezz tiegħu jistgħu jitolbu l-assistenza billi jagħfsu buttuna. Dawn l-apparati jistgħu jintlibsu madwar l-għonq jew jintrabtu mal-polz. Jekk dan is-servizz hu disponibbli fejn toqgħod int, forsi tistaʼ tikkunsidra jekk għandekx tieħu vantaġġ minnu—speċjalment jekk tgħix waħdek.