Ferħan li Nkun Ragħaj
Kif Rakkontata Minn Alymbek Bekmanov
Meta kelli tliet snin bdejt nirgħa n-nagħaġ, u sirt inħobb nieħu ħsiebhom. Sakemm kelli 17-il sena kont ragħaj tas-sengħa. Maż-żmien, tgħallimt dwar tip ieħor taʼ ragħaj, wieħed spiritwali. Ħa nispjega għala ksibt saħansitra iktar ferħ f’li naqdi bħala ragħaj taʼ dan it-tip.
TWILIDT fl-1972. Il-familja kbira Kirgiża tiegħi għexet fir-raħal taʼ Chyrpykty, max-xtut tal-Lag Issyk Kul, post mill-isbaħ. L-inħawi madwar il-lag huma postijiet popolari mat-turisti li jżuru Kirgiżstan, li qabel kien repubblika tal-Unjoni Sovjetika. Issa ngħix maʼ marti, Gulmira, f’Bishkek, il-belt kapitali taʼ Kirgiżstan, li hi xi 200 kilometru ’l bogħod minn fejn trabbejt.
Ir-Ragħaj u n-Nagħaġ
Meta kont tifel, konna nieħdu n-nagħaġ fil-mergħat tal-muntanji għoljin fir-rebbiegħa. Dan kien ifisser telgħa taʼ iktar minn 3,000 metru, vjaġġ li kien jiħdilna diversi ġranet. Xi rgħajja oħra għażlu li jgħaddu minn triq iqsar u waslu fil-mergħat iktar malajr. Imma t-triq li għaddew minnha kienet ħdejn widien dojoq u rdumijiet, u n-nagħaġ li tbiegħdu xi ftit kultant kienu jweġġgħu—jew saħansitra jmutu.
F’toroq bħal dawn, kien komuni li l-ilpup ibeżżgħu jew jattakkaw lin-nagħaġ billi jifirduhom mill-bqija tal-merħla u joqtluhom. Għalhekk zijuwi għażel triq li kienet eħfef u inqas perikoluża, għalkemm dan kien ifisser li konna ndumu jum jew jumejn iktar. Kultant kont irrid ngħaġġel, imma zijuwi kien iwaqqafni. Kien jgħidli, “Alymbek, aħseb dwar in-nagħaġ, mhux dwarek innifsek.”
Fil-mergħat għoljin fil-muntanji mill-isbaħ kienu jintgħamlu mgħalaq temporanji biex jipproteġu n-nagħaġ matul il-lejl. Xi rgħajja kienu jħobbu jibqgħu reqdin u ma jiħdux in-nagħaġ biex jirgħu sa ħafna wara tlugħ ix-xemx. Sakemm in-nagħaġ kienu jibdew jirgħu, diġà kienet tkun is-sħana.
In-nagħaġ malajr kienu jinġabru flimkien b’rashom baxxuta u jbatu biex jieħdu n-nifs. Peress li ma setgħux jieklu kemm kellhom bżonn minħabba s-sħana u l-għeja, huma saru dgħajfin u rqaq. Min-naħa l-oħra, zijuwi kien iqum qabel iż-żerniq—fl-erbgħa taʼ filgħodu—u kien ikollu n-nagħaġ taħt il-ħarsien tiegħu f’mergħa tajba sa tlugħ ix-xemx. Hemmhekk, kellhom iċ-ċans jirgħu fl-arja rifreskanti
taʼ filgħodu kmieni. Kif ġieli qalu n-nies, “Ħares lejn in-nagħaġ u tara x’ragħaj għandhom.”Ħin tajjeb biex wieħed jiċċekkja u jikkura n-nagħaġ ikun meta dawn ikunu qed jistrieħu wara li jirgħu. Waħda mill-akbar problemi fin-nagħaġ tagħna kellha x’taqsam maʼ dubbien li jbid fiż-żokra tan-nagħaġ. Meta jiġri dan, iż-żokra tiffjamma u tintefaħ. Jekk dak li jkun ma jindunax bil-problema malajr, l-uġigħ jistaʼ jikber sal-punt li n-nagħġa titbiegħed mill-merħla u tmut. Aħna konna niċċekkjaw in-nagħaġ tagħna kważi kuljum ħalli nkunu nistgħu nikkurawhom. Għalkemm dan kien jieħu l-ħin u x-xogħol, il-premju tagħna kien li n-nagħaġ kienu f’saħħithom u kuntenti.
Kull filgħaxija meta konna mmorru lura l-magħlaq mill-mergħa, konna ngħoddu n-nagħaġ. Huma kienu jidħlu fil-maqjel minn daħla dejqa—kultant minn tlieta sa erbgħa f’daqqa. Il-merħla tagħna kienet tgħodd mal-mijiet, imma tant sirna tas-sengħa f’din il-proċedura li stajna ngħoddu sa 800 nagħġa fi 15 jew 20 minuta. Dan irrikjeda ħafna prattika, imma rnexxielna!
Jekk konna nsibu li kien hemm xi nagħġa nieqsa, zijuwi kien jaqbad l-ixkubetta u l-għasluġ u jmur ifittex għan-nagħġa mitlufa—saħansitra kien joħroġ meta tkun ix-xita jew id-dlam biex isib ħarufa waħda. Kien isejħilha b’leħen għoli. Leħnu kien ibeżżaʼ l-annimali salvaġġi. Meta nagħġa kienet tismaʼ dak il-leħen, kont tistaʼ tara li ħassitha fis-sigurtà.
Aħna tajna isem lil kull nagħġa skont id-differenzi fid-dehra jew fil-karattru tagħhom. F’merħla donnu dejjem kien ikun hemm nagħaġ rashom iebsa. Għal xi raġuni jew oħra sempliċement ma kinux iridu jobdu r-ragħaj. Xi kultant, nagħaġ oħra kienu jitħajru jsegwu n-nagħġa diżubbidjenti. Allura, ir-ragħaj kien jipprova jħarreġ u jiddixxiplina lin-nagħaġ stinati. Pereżempju, kien iħalli nagħġa bħal dawn fil-maqjel waħedha. Maż-żmien, xi wħud minnhom aċċettaw il-korrezzjoni u segwew id-direzzjoni tar-ragħaj. In-nagħaġ li kienu jibqgħu rashom iebsa kienu jispiċċaw fuq il-mejda tal-ikel tagħna.
Tip Differenti taʼ Ragħaj
Fl-1989, studjajt l-arti marzjali u sirt tassew tas-sengħa fiha. Is-sena taʼ wara nqbadt bil-lieva biex naqdi fl-armata Sovjetika. Waqt li kont qed naqdi fir-Russja, sħabi tal-arti marzjali organizzaw ruħhom fi klikka kriminali. Meta mort lura d-dar f’Kirgiżstan qaluli li jekk ningħaqad magħhom kien ikolli dak kollu li rrid. Imma fl-istess żmien iltqajt max-Xhieda taʼ Ġeħova.
Ix-Xhieda wieġbu mistoqsijiet li kienu ilhom jitturmentawni minn ċkuniti, bħal pereżempju, Għala jmutu n-nies? Permezz tad-diskussjonijiet tagħna sirt nifhem li l-mewt hi r-riżultat tad-dnub tal-ewwel bniedem, Adam. (Rumani 5:12) Ukoll tgħallimt mill-Bibbja li Ġeħova, l-Alla l-veru, kien bagħat lil Ibnu Ġesù bħala l-Feddej tagħna u li billi npoġġu l-fidi tagħna f’Ġeħova u f’Ibnu jistaʼ jkollna d-dnub li writna maħfur. Dan imbagħad kien se jagħtina l-prospett li ngħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art, fi qbil mal-iskop oriġinali t’Alla għall-umanità.—Salm 37:11, 29; 83:18; Ġwanni 3:16, 36; 17:1-5; Rivelazzjoni 21:3, 4.
It-tweġibiet Skritturali li tawni x-Xhieda għall-mistoqsijiet tiegħi kienu tant ċari u li jistgħu jinftiehmu li tqanqalt nesklama, “Hekk għandu jkun!” Ma ridtx nissieħeb iktar maʼ dawk li qabel kienu sħabi. Diversi drabi pprovaw iħajruni mmur lura fil-grupp tagħhom. Imma x-xewqa tiegħi li nitgħallem u nipprattika l-veritajiet Bibliċi kienet b’saħħitha biżżejjed biex għenitni nirreżisti l-offerti li jħajru tagħhom u wasslitni biex insir ragħaj spiritwali.
Madwar l-istess żmien, faith healer li kienet famuża fl-inħawi tagħna kienet tiġi żżur lil ommi. Ġurnata minnhom, meta wasalt id-dar, din il-mara kkuntattjat lill-ispirti. Hi qalet li kelli don speċjali u ħeġġitni mmur sal-moskea u ningħata amulet, waqt li sostniet li l-amulet kienet se tgħinni. Hi kważi kkonvinċietni li billi nagħmel dan kont se nirċievi l-għotja tal-fejqan.
L-għada mort għand ix-Xhieda li kont nistudja l-Bibbja magħhom u għedtilhom biż-żjara Dewteronomju 18:9-13) Għal xi ftit iljieli ma stajtx norqod minħabba l-influwenza tad-demonji. Meta x-Xhieda għallmuni kif nitlob fi qbil mar-rieda taʼ Ġeħova, malajr ħlist mill-ħolm tal-biżaʼ. Sirt konvint li kont sibt ir-Ragħaj il-veru, Ġeħova.
tagħha. Huma wrewni mill-Bibbja li Ġeħova jopponi kull xorta taʼ spiritiżmu għax għandu x’jaqsam mal-ispirti mill-agħar. (Tgħallimt li David, kittieb taʼ ħafna mis-salmi tal-Bibbja, kien ragħaj f’żgħożitu. Hu sejjaħ lil Ġeħova “r-Ragħaj tiegħi,” u dak li qal dwaru sar għażiż għalija. (Salm 23:1-6) Jien ridt nimita lil Bin Ġeħova, Ġesù, li jissejjaħ “ir-ragħaj . . . tan-nagħaġ.” (Ebrej 13:20) F’assemblea li nżammet f’Bishkek kmieni fl-1993, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Ġeħova permezz tal-magħmudija fl-ilma.
Laqgħa Importanti
Għadd kbir minn qrabati, kif ukoll xi ġirien, bdew jiltaqgħu għal studju tal-Bibbja. Madwar 70 mir-raħal tagħna ltaqgħu flimkien ħdejn il-Lag Issyk Kul. Qarib tiegħi, li kien il-kap tal-kunsill tar-raħal, kien veru interessat. Hu qal li kien se jirranġa għal-laqgħa kbira li fiha stajna nispjegaw it-twemmin ġdid tagħna. Imma mexxejja reliġjużi tal-lokal bdew ixewxu lin-nies fl-inħawi biex jopponu l-attività tal-ippritkar tagħna. Huma kkonfoffaw biex jużaw din il-laqgħa biex idawru lin-nies kontrina.
Fil-ġurnata tal-laqgħa, inġemgħu madwar elf persuna, inkluż xi nies minn tliet irħula fil-viċin. Kien hemm xi Xhieda preżenti, u wieħed minnhom beda jispjega t-twemmin tagħna bbażat fuq il-Bibbja. Wara inqas minn ħames minuti, xi ħadd qam bilwieqfa u għajjat mistoqsijiet li jinbex bihom. Saru ħafna akkużi u theddid, u l-għagħa tal-folla tant kienet kbira li wasslet lin-nies biex jixxennqu għall-vjolenza.
Dak il-ħin, wieħed minn ħuti l-kbar, li ma kienx ilu jistudja l-Bibbja, qam biex jaqbeż għalina. Kulħadd kien jibżaʼ minnu u jevitah għax kien jaf jiġġieled. Bi qlubija qagħad bejn l-attakkanti u x-Xhieda, u tlaqna mingħajr ma saret ebda vjolenza. Matul is-snin taʼ wara, ħafna minn dawk li kienu attendew dik il-laqgħa saru Xhieda. Illum, iktar minn 50 persuna
mir-raħal tagħna b’1,000 ruħ saru Xhieda taʼ Ġeħova.Bint Ragħaj
Ftit xhur qabel il-konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Moska, ir-Russja, f’Lulju 1993, iltqajt maʼ Gulmira, Xhud minn raħal Kirgiż. Il-familja tagħha wkoll kienu rgħajja. Fl-1988, meta l-attivitajiet tax-Xhieda kienu għadhom projbiti fl-Unjoni Sovjetika, omm Gulmira kienet bdiet tistudja l-Bibbja maʼ Xhud jisimha Aksamy. Fis-snin 70, Aksamy saret l-ewwel Xhud taʼ Ġeħova minn Kirgiżstan fl-inħawi.
Gulmira ma damitx ma ngħaqdet m’ommha f’li tistudja l-Bibbja m’Aksamy. Fl-1990, it-tnejn li huma saru Xhieda mgħammdin. Qalb Gulmira malajr qanqlitha tieħu sehem fil-ministeru full-time bħala pijuniera.
Rajt lil Gulmira biss darba kultant matul is-sentejn taʼ wara peress li kont noqgħod xi 160 kilometru ’l bogħod. F’Marzu 1995, iddeċidejt li nsir nafha aħjar, għalhekk darba filgħodu mort għandha b’dan il-ħsieb f’moħħi. Inħsadt xħin sirt naf li kienet se titlaq l-għada biex taqdi fl-uffiċċju tal-fergħa tar-Russja, iktar minn 5,600 kilometru ’l bogħod.
Sa dak iż-żmien kont bdejt naqdi bħala ministru full-time u kont bdejt nitgħallem ir-Russu, ladarba kien għad ma kellniex letteratura bil-Kirgiż. Għal tliet snin jien u Gulmira ktibna lil xulxin u rranġajna biex naqraw l-istess siltiet tal-Bibbja ħalli nkunu nistgħu naqsmu ħsibijiet spiritwali flimkien. Sadattant, qdejt fl-ewwel kongregazzjoni bil-Kirgiż, fil-belt taʼ Balikchi.
Naqdi lil Ġeħova maʼ Gulmira
Fl-1998, Gulmira ġiet vaganza Kirgiżstan u żżewwiġna. Ġejt mistieden naqdi magħha fl-uffiċċju tal-fergħa tar-Russja. Kemm kont ferħan li kont bdejt nistudja r-Russu! Maż-żmien, ġejt inkarigat naħdem fit-tim taʼ traduzzjoni tal-Kirgiż, li pprovda letteratura Biblika bil-Kirgiż. Tlabt lil Ġeħova jagħtini l-għerf u l-paċenzja. U m’għandniex xi ngħidu, Gulmira, li kienet il-kollega tiegħi, kienet t’għajnuna kbira għalija.
Fl-2004, it-tim tat-traduzzjoni tagħna ntbagħat lura Bishkek, fejn ġejt inkarigat naqdi fil-kumitat li jindokra x-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Kirgiżstan. Sa dak iż-żmien kien hemm sebaʼ kongregazzjonijiet tal-Kirgiż u iktar minn 30 kongregazzjoni tar-Russu fil-pajjiż. Issa hemm iktar minn 20 kongregazzjoni tal-Kirgiż u ħafna gruppi tal-Kirgiż, li jagħmlu madwar 40 fil-mija mill-4,800 Xhud fil-Kirgiżstan.
Jien u Gulmira ddeċidejna li nitgħallmu l-Ingliż, għax li nkunu nafuh kien se jgħinna fil-ministeru tagħna. Dan wassal biex irċivejna invit għall-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Istati Uniti fl-2008. Hemmhekk attendejt l-iskola speċjali għal dawk li qed jieħdu t-tmexxija fix-xogħol tal-ippritkar f’pajjiżhom.
Jien u Gulmira issa nħossuna iktar kapaċi ngħinu lin-nies f’Kirgiżstan biex isiru jafu lil Alla. L-esperjenzi tagħna għenuna naraw b’għajnejna stess li Ġeħova tassew hu ragħaj kollu mħabba. Personalment ħassejt it-twettiq tas-salm Bibliku li jgħid: “Ġeħova r-Ragħaj tiegħi. Ma se jonqosni xejn. F’mergħat iħaddru jmiddni; ħdejn postijiet taʼ mistrieħ imsoqqijin tajjeb jiħodni. Lil ruħi jserraħha. Imexxini fil-mogħdijiet tas-sewwa minħabba ismu.”—Salm 23:1-3.
[Stampa f’paġna 31]
In-nagħaġ tagħna jirgħu
[Stampa f’paġna 31]
Konna ngħoddu n-nagħaġ kull filgħaxija biex inkunu ċerti li l-ebda waħda ma tkun intilfet
[Stampa f’paġna 32]
Maʼ Gulmira llum