Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Jimporta X’Tgħid

Għala Jimporta X’Tgħid

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Wara l-​konversazzjoni kordjali li kellu u bla ma kien jaf li l-​mikrofonu kien għadu mixgħul, il-​prim ministru għajjar lill-​mara anzjana li kien għadu kif iltaqaʼ magħha li kienet moħħha magħluq u gerger li dawk li jaħdmu miegħu ma kienx imisshom ħallewha tavviċinah. Il-​pajjiż kien ixxokkjat bil-​mod kif iddeskriva lill-​mara. Billi r-​reputazzjoni tiegħu ttebbgħet, il-​prim ministru ma reġax telaʼ fl-​elezzjoni li kien imiss biss tmint ijiem wara.

EBDA bniedem ma jistaʼ jikkontrolla l-​ilsien perfettament. (Ġakbu 3:2) Xorta waħda, l-​esperjenza li semmejna turi li jgħodd xi kliem nużaw. Ir-​reputazzjoni tiegħek, il-​karriera tiegħek, u saħansitra s-​suċċess jew il-​falliment tar-​relazzjonijiet li għandek maʼ oħrajn jiġu effettwati ħafna b’dak li tgħid u kif tgħidu.

Imma kont taf li kliemek jagħmel saħansitra iktar minn hekk? Il-​Bibbja tispjega li diskorsok huwa fil-​fatt tieqa li tagħti għal ġol-​persuna ġewwinija u wkoll juri min tassew int. Ġesù qal: “Mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm.” (Mattew 12:34) Ladarba fi kliemek jinħassu l-​emozzjonijiet, il-​ħsibijiet, u s-​sentimenti li jagħmluk uniku, huwa importanti li tqis sew il-​mod kif titkellem kuljum. Tistaʼ tgħin il-​Bibbja? Ejja naraw minn dan li ġej.

Kif Ittejjeb il-​Mod Kif Titkellem

Il-​kliem jibda bħala ħsibijiet. Sabiex ittejjeb dak li tgħid, ikollok bżonn ittejjeb il-​mod kif taħseb. Innota kif meta tapplika l-​Kelma t’Alla l-​ħsibijiet tiegħek jiġu effettwati, u dawn imbagħad jistgħu jinfluwenzaw id-​diskors tiegħek.

Imla qalbek b’affarijiet tajbin. Il-​Bibbja tiddeskrivi affarijiet tajbin bħal dawn billi tgħid: “Kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-​imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir, fuq dawn l-​affarijiet komplu aħsbu.”Filippin 4:8.

Jekk issegwi dan il-​parir tajjeb, int se tkun megħjun biex ma tagħtix kas ħsibijiet mhux xierqa. Ftakar li ħsibijietek jiġu influwenzati bil-​kbir b’dak li tara u taqra. Għalhekk, sabiex tevita ħsibijiet negattivi u mhux nodfa evita influwenzi negattivi. Dan ifisser li taħrab divertiment oxxen u vjolenti. (Salm 11:5; Efesin 5:3, 4) Minflok, iffoka fuq ideat nodfa u pożittivi. Il-​Bibbja tistaʼ tgħinek tagħmel dan. Pereżempju, aqra Proverbji 4:20-​27; Efesin 4:20-​32; u Ġakbu 3:2-​12. Ara kif meta tapplika dawn il-​prinċipji li qegħdin f’dawn l-​iskritturi, diskorsok jistaʼ jitjieb. a

Iżen kliemek sew. “Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf, imma lsien l-​għorrief hu fejqan,” jgħid Proverbji 12:18. Jekk tara li spiss tkellem lil xi ħadd “b’daqqiet taʼ sejf,” jew, billi tweġġagħlu s-​sentimenti tiegħu, tagħmel tajjeb li tistinka biex taħsibha qabel titkellem. Agħti kas il-​parir eċċellenti li nsibu fi Proverbji 15:28: “Qalb il-​ġust timmedita sabiex twieġeb, imma minn fomm in-​nies mill-​agħar igelglu affarijiet ħżiena.”

Ipprova agħmel mira. Matul ix-​xahar li ġej, kun determinat biex ma tgħidx l-​ewwel ħaġa li tiġik f’moħħok, speċjalment meta tkun provokat. Minflok, irrifletti fuq l-​iskritturi ċitati f’dan l-​artiklu u agħmel sforz mill-​qalb biex titkellem b’mod għaqli, bi mħabba, u bil-​kalma. (Proverbji 15:1-​4, 23) Imma dan mhux kollox.

Itlob l-​għajnuna t’Alla. Wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja talab: “Ħa jkunu kliem fommi u l-​meditazzjoni taʼ qalbi pjaċevoli quddiemek, O Ġeħova.” (Salm 19:14) Ħalli lil Alla Ġeħova jkun jaf li tixtieq titkellem b’mod li jogħġbu u b’mod li ħaddieħor jieħu pjaċir bil-​kumpanija tiegħek. Proverbji 18:20, 21 jgħid: “Lissen kliem tajjeb—se tkun ferħan li għamilt dan. Il-​kliem jistaʼ jġib ħajja jew mewt!”—Contemporary English Version.

Uża l-​Kelma t’Alla bħala mera. Il-​Bibbja hi bħal mera li permezz tagħha tistaʼ teżamina mill-​qrib lilek innifsek. (Ġakbu 1:23-​25) Pereżempju, hekk kif int taħseb fil-​fond fuq it-​tliet prinċipji Bibliċi li ġejjin, staqsi lilek innifsek, ‘Kif jien sejjer f’dak li ngħid inġenerali u fir-​reputazzjoni tiegħi?ʼ

“Tweġiba, meta tkun ħelwa, tkeċċi l-​korla, imma kelma li tweġġaʼ tqajjem ir-​rabja.” (Proverbji 15:1) Titkellem int b’mod ġwejjed u li jġib il-​paċi?

“Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra, imma għidu dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-​ġid lil min jisimgħu.” (Efesin 4:29) Kliemek jibni lil dawk taʼ madwarek?

“Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kolossin 4:6) Tipprova int, anki f’sitwazzjonijiet diffiċli, biex tgħid dak li għandek tgħid bil-​ħlewwa u b’tali mod li jkun eħfef għal oħrajn biex jaċċettawh?

Billi tikkoreġi d-​difetti li tara fil-​mera, int se tidher aħjar f’għajnejn oħrajn u se tħossok aħjar dwarek stess. L-​istess benefiċċji huma lesti għalik jekk ittejjeb dak li tgħid billi tħares fil-​mera tal-​Kelma t’Alla.

[Nota taʼ taħt]

a Tistaʼ taqra l-​Bibbja bl-​Ingliż jew materjal ieħor bil-​Malti bbażat fuq il-​Bibbja fuq il-​Websajt www.watchtower.org.

QATT ĦSIBT DWAR DAN?

● Id-​diskors tiegħek x’juri?—Luqa 6:45.

● Kif għandek tkellem lil oħrajn?—Efesin 4:29; Kolossin 4:6.

● Liema affarijiet prattiċi tistaʼ tagħmel biex ittejjeb dak li tgħid?—Salm 19:14; Filippin 4:8.

[Stampa f’paġna 19]

Dak li ngħidu jeffettwa r-​reputazzjoni u r-​relazzjonijiet tagħna