L-Irqad—Kemm hu Importanti?
● Xi studji reċenti juru li individwu mill-Amerika taʼ Fuq issa qed jorqod bejn sebaʼ u sebaʼ sigħat u nofs kull lejl. L-irqad kemm hu importanti? Waqt li tkun rieqed, int tgħaddi minn fażijiet taʼ rqad imsejħin moviment kostanti tal-ħabba tal-għajn bejn kull 60 u 90 minuta matul il-lejl kollu. Matul dawn il-fażijiet, il-moħħ ikun attiv ħafna, u xi riċerkaturi jemmnu li b’xi mod ikun qed isewwi lilu nnifsu. Xi esperti jgħidu li meta ċ-ċiklu tal-irqad jiġi interrott u dak li jkun ma jorqodx biżżejjed, dan iħalli effett kumulattiv fuq il-ġisem. Il-mod kif jaħdem il-moħħ jiġi effettwat, u dan jirriżulta f’ineffiċjenza u f’ħafna wġigħ fiżiku ieħor.
Sustanzi bħall-kafeina jistgħu għal ftit ħin jimblokkaw is-sustanza kimika li tindika l-bżonn tal-irqad. Madankollu, moħħna għandu mekkaniżmu li jġegħelna norqdu meta ġisimna ma jkunx raqad biżżejjed, u dan jirriżulta f’dak li ġie msejjaħ irqad qasir ħafna (microsleeps). Skont il-gazzetta The Toronto Star, “tkun xi tkun qed tagħmel, il-moħħ tiegħek li jkun ġie mċaħħad mill-irqad, kultant se jidħol fl-ewwel fażi tal-irqad. Dan jistaʼ jdum minn għaxar sekondi sa ftit iktar minn minuta kull darba.” Immaġina li tkun qed issuq karozza bi 48 kilometru fis-siegħa u torqod raqda qasira t’għaxar sekondi. Matul dan il-ħin, int tkun ivvjaġġajt iktar mit-tul taʼ grawnd tal-futbol. Barra minn hekk, meta tissagrifika l-irqad li jkollok bżonn tistaʼ ddgħajjef is-sistema tal-immunità tiegħek, għax hu matul l-irqad li l-ġisem jipproduċi ċ-ċelluli T li jiġġieldu kontra l-organiżmi li jikkawżaw il-mard. Matul l-irqad, ġisimna jipproduċi wkoll l-ormon leptin, li jgħin biex jirregola l-aptit. Tabilħaqq, il-ġisem għandu bżonn l-irqad daqskemm għandu bżonn l-eżerċizzju u n-nutriment xieraq.
Qiegħed ix-xogħol żejjed jisraqlek l-irqad li hu tant bżonjuż? Xi ngħidu dwar l-ansjetajiet tal-ħajja u l-inkwiet dwar dak li ħżint għall-futur? Is-sultan għaref Salamun darba osserva: “Il-qaddej jiġih ħelu l-irqad, sew jekk jiekol ftit u sew jekk jiekol ħafna; imma l-abbundanza taʼ l-għani mhix qed tħallih jorqod.”—Ekkleżjasti 5:12.