“L-Aqwa Magna li Titgħallem fl-Univers”
I L-MOĦĦ taʼ tarbija ġie msejjaħ l-aqwa magna li titgħallem fl-univers, u bir-raġun. Tarbija titwieled lesta biex tassorbi kulma tara, kulma tismaʼ, u kull sensazzjoni li tkun imdawra bihom. a
Fuq kollox, it-tarbija taffaxxina ruħha bi bnedmin oħrajn—il-wiċċ, il-leħen, u l-mess tagħhom. Penelope Leach, fil-ktieb tagħha dwar it-trobbija tat-tfal, tgħid: “Saru ħafna studji dwar dak li tarbija jinteressaha tara l-iktar, il-ħsejjes li jiġbdu u jżommu l-attenzjoni tagħha, u s-sensazzjonijiet li hi b’mod ċar tkun trid terġaʼ tesperjenza. Dawn kollha huma disponibbli faċilment u taʼ spiss fl-adulti li jieħdu ħsiebha.” (Babyhood) Mhux taʼ b’xejn li l-ġenituri għandhom irwol daqstant vitali fl-iżvilupp tat-tarbija!
“Kont Nitkellem taʼ Tarbija”
Kemm il-ġenituri kif ukoll il-pedjatri jistagħġbu bl-abbiltà taʼ tarbija li titgħallem lingwa billi sempliċement tismagħha. Xi riċerkaturi sabu li fi ftit ġranet, tarbija tkun drat il-vuċi t’ommha u tippreferiha minn dik taʼ xi ħadd li ma tafux; fi ftit ġimgħat, tkun tistaʼ tagħraf id-differenza bejn il-ħsejjes tad-diskors tal-lingwa tal-ġenituri tagħha u dawk taʼ lingwi oħrajn; u fi ftit xhur, tkun tistaʼ tagħraf il-pawsi bejn il-kliem, u b’hekk tħoss id-differenza bejn kliem normali u ħsejjes li ma jinftehmux.
L-appostlu Kristjan Pawlu kiteb: “Meta kont tarbija, kont nitkellem taʼ tarbija.” (1 Korintin 13:11, Għaqda Biblika Maltija) Tarbija kif titkellem? Ġeneralment b’ħafna tgedwid li ma jinftihemx. Huwa dan sempliċement storbju? Lanqas xejn! Fil-ktieb tagħha, Dr. Lise Eliot tfakkarna li l-att tat-taħdit hu “sengħa komplikata li għandha x’taqsam mal-moviment tal-muskoli, u tirrikjedi li l-ħafna muskoli li jikkontrollaw ix-xofftejn, l-ilsien, is-saqaf tal-ħalq, u l-larinġi (il-ħofra tal-gerżuma li fiha l-kordi tal-leħen) jaħdmu flimkien b’għaġla kbira.” Hi tkompli tgħid: “Filwaqt li t-tgedwid forsi jidher sempliċement mod ħelu kif it-trabi jiġbdu l-attenzjoni, huwa wkoll mod importanti kif jipprattikaw il-movimenti komplessi u l-koordinazzjoni tal-muskoli waqt id-diskors.”—What’s Going On in There?—How the Brain and Mind Develop in the First Five Years of Life.
Il-ġenituri jwieġbu għat-tgedwid tat-tarbija tagħhom billi huma wkoll jużaw diskors enerġetiku, u dan ukoll għandu skop. Diskors esaġerat iqanqal lit-tarbija biex tirrispondi. Din il-komunikazzjoni tgħallem lit-tarbija x’hemm involut f’konversazzjoni—sengħa li se tuża għall-kumplament taʼ ħajjitha.
Tibdil fl-Irwoli
Il-ġenituri tat-trabi jkollhom ħafna x’jagħmlu biex iwieġbu għall-bżonnijiet taʼ kuljum tat-tarbija tagħhom. It-tarbija tibki u jkun hemm xi ħadd biex jitmagħha. It-tarbija tibki u jkun hemm xi ħadd biex ibiddlilha. It-tarbija tibki u jkun hemm xi ħadd biex jerfagħha. Fsied bħal dan hu xieraq u neċessarju. Hu mod ewlieni kif il-ġenituri jwettqu l-irwol tagħhom bħala wħud li jieħdu ħsieb.—1 Tessalonikin 2:7.
Meta nqisu dak li għadna kif għedna, huwa biss naturali jekk tarbija temmen li hi l-iktar persuna importanti fl-univers u li l-adulti—b’mod partikulari, il-ġenituri—jeżistu biss biex jaqduha. Din il-ħarsa hi difettuża, imma tistaʼ tifhimha. Ftakar, għal iktar minn sena, it-tarbija esperjenzat dan kuljum. Fil-ħarsa tagħha, hi l-monarka taʼ imperu li l-popolazzjoni tiegħu huma nies kbar li tpoġġew hemmhekk biex jaqduha. John Rosemond, li jagħti l-pariri lill-familji, jikteb: “F’inqas minn sentejn, il-ġenituri jgħallmu lil uliedhom biex jemmnu din l-idea mhix realistika; hemm bżonn minn tal-inqas sittax-il sena biex jikkoreġuha! U dan, ironikament, hu x-xogħol taʼ ġenitur: li jġiegħel lit-tarbija tiegħu temmen din il-fantasija, u mbagħad bil-ġentilezza jgħallimha li din mhijiex minnha.”
Meta t-tarbija jkollha madwar sentejn tibda titgħallem li din l-idea hi żbaljata hekk kif il-ġenituri jbiddlu l-irwol tagħhom minn uħud li jieħdu ħsieb għal uħud li jgħallmu. Issa t-tarbija ssir konxja li l-ġenituri tagħha mhumiex qed isegwu t-tmexxija tagħha; minflok, hi mistennija li ssegwi tagħhom. Il-monarkija tat-tarbija ġiet megħluba, u din il-bidla għandha mnejn ma togħġobhiex lit-tarbija. Hi
ssir frustrata u tipprova żżomm il-kontroll fuq il-ġenituri. Kif?Kif Tkampa mal-Biki u t-Twerżiq
Meta jkollhom madwar sentejn, ħafna trabi juru bidla drastika fl-imġiba tagħhom, u din spiss tinkludi s-suppervja, in-nervi, u l-biki u t-twerżiq (tantrums). Dan iż-żmien hu frustranti ħafna għall-ġenituri. F’daqqa waħda, l-espressjoni favorita tat-tarbija hi “Le!” jew “Ma rridx!” Għandha mnejn issir frustrata kemm biha nfisha kif ukoll bil-ġenituri tagħha hekk kif titqabad mas-sentimenti mħawdin tagħha stess. Tkun trid toqgħod ’il bogħod minnek, imma fl-istess waqt tkun trid tkun viċin tiegħek. Għall-ġenituri mifxulin, donnu ma jagħmilx sens, u donnu jagħmlu x’jagħmlu għalxejn. X’qed jiġri?
Mela, ikkunsidra l-bidla drastika li seħħet fil-ħajja tat-tarbija. Sa ftit ilu, kulma kellha tagħmel kien li titniehed, u l-adulti kienu jiġu jiġru. Issa tibda tirrealizza li l-“ħakma” tagħha kienet biss temporanja u li se jkollha tagħmel għall-inqas ftit affarijiet għaliha nfisha. Iktar u iktar, tibda tifhem li hi għandha rwol taʼ sottomissjoni, li jistaʼ jinġabar fl-istqarrija tal-Bibbja: “Tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom f’kollox.”—Kolossin 3:20.
Matul dan il-perijodu diffiċli, il-ġenituri għandhom iżommu l-awtorità. Jekk jagħmlu dan b’mod sod imma bl-imħabba, it-tarbija se tadatta ruħha għall-irwol ġdid tagħha. U l-affarijiet li titgħallem se jgħinuha biex tkun preparata għal iktar meravilji tal-iżvilupp.
Karattru Morali
Xi annimali, saħansitra xi magni, jistgħu jirrikonoxxu l-kliem u jimitaw id-diskors. Imma l-bniedem biss jistaʼ jieqaf u jeżamina lilu nnifsu. B’hekk, meta jkollu madwar sentejn jew tlieta, tifel ikun jistaʼ jħoss ċerti emozzjonijiet bħall-kburija, il-mistħija, u l-ħtija. Dawn huma l-ewwel fażijiet biex hu jsir adult bi kwalitajiet morali—wieħed li jistaʼ jiddefendi b’mod sod is-sewwa, anki meta oħrajn ikunu qed jagħmlu l-ħażen.
Madwar dan iż-żmien, il-ġenituri jitgħaxxqu jesperjenzaw jerġaʼ xi ħaġa oħra tal-għaġeb. Binhom qed isir konxju tas-sentimenti t’oħrajn. Filwaqt li meta kellu sentejn kien biss jilgħab maġenb oħrajn, issa għandu mnejn jilgħab magħhom. Jirrikonoxxi wkoll meta l-ġenituri tiegħu jħossuhom tajbin u għandu mnejn ikun irid jogħġobhom. B’hekk, x’aktarx li jkun iktar lest li jitgħallem.
Iktar minn qatt qabel, tifel taʼ tliet snin jibda jifhem l-idea taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. B’mod ċar, dan hu żmien biex il-ġenituri jħarrġu lil uliedhom bil-mira li jgħinuhom isiru adulti responsabbli.
[Nota taʼ taħt]
a Il-prinċipji f’din ir-rivista japplikaw għaż-żewġ sessi.
[Kumment f’paġna 5]
Fi ftit ġranet, tarbija tkun drat il-vuċi t’ommha u tippreferiha minn dik taʼ xi ħadd li ma tafux
[Kumment f’paġna 6]
Iktar minn qatt qabel, tifel taʼ tliet snin jibda jifhem l-idea taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin
[Kaxxa f’paġna 6]
GĦALA GĦANDHOM MNEJN JIBQGĦU JIBKU U JWERŻQU
Fil-ktieb tiegħu, John Rosemond jgħid li xi ġenituri għandhom mnejn iħossu li wliedhom jibku u jwerżqu għax ikunu żbaljaw fil-mod kif ittrattaw maʼ dak li talbu mingħandhom it-tfal. Il-ġenituri jassumu li jekk għamlu xi ħaġa ħażina li ġiegħlet lit-tifel jaġixxi b’dan il-mod, malajr għandhom jagħmlu xi ħaġa differenti biex ma jibqax jibki u jwerżaq. Allura, peress li jassumu li m’għamlux sew meta qalu le, jgħidu iva. Jew, jekk lit-tifel ikunu tawh xi daqqtejn, imbagħad jagħtuh iktar affarijiet milli jkun talab oriġinarjament, sabiex ma jħossuhomx ħatjin. Dan l-aġir jirnexxi. Il-biki u t-twerżiq jieqfu, il-ġenituri jieħdu r-ruħ, u t-tifel, billi tgħallem li meta jibki u jwerżaq jikseb dak li jkun irid, jagħmel dan iktar spiss u b’mod iktar effettiv.—New Parent Power.