“Iktbu lil Anton!”
● Xhud żagħżugħ taʼ Ġeħova jismu Anton kien jgħix fir-raħal imwarrab taʼ Schelkan fi Stavropol’ Kray, ir-Russja. Fi tfulitu sabulu d-distrofija muskolari Duchenne, marda li ma titfejjaqx u li ġġiegħel il-muskoli jiddeterjoraw b’ħeffa u ġeneralment twassal għall-mewt qabel l-20 sena. Sakemm Anton kellu disaʼ snin, ma kienx għadu jiflaħ jimxi jew iqum waħdu.
Meta żaru kongregazzjoni tax-Xhieda, Yevgeny flimkien maʼ martu Diana, iltaqgħu m’Anton. Diana spjegat: “Anton kien dgħajjef ferm fiżikament imma kien b’saħħtu spiritwalment. Peress li ħuh il-kbir miet bl-istess marda meta kellu 19-il sena, Anton kien jaf li kien se jmut fi ftit żmien. Madankollu kien ferħan u ottimist.”
Diana u żewġha inkuraġġew lil Anton jespandi l-ministeru tiegħu billi jikteb l-ittri lil nies fi rħula iżolati oħra. Fl-2005, hu kiteb madwar 500 ittra u bagħathom f’indirizzi fi rħula fil-viċin. Madankollu, kien diżappuntat li ma rċieva l-ebda risposta. Għalkemm ħassu skuraġġit, Anton kompla jikteb l-ittri, u talab bil-ħrara għad-direzzjoni dwar kif setaʼ jkun predikatur produttiv minkejja ċ-ċirkustanzi tiegħu.
Ġurnata waħda, waqt li kien qed jaqra gazzetta, Anton qara ittra mingħand mara marida li kellha bżonn il-faraġ. Anton kitbilha ittra u parti minnha ġiet stampata fl-istess gazzetta: “Għalkemm il-marda tiegħi ma titfejjaqx, il-qari tal-Bibbja jgħinni nħares ’il quddiem bil-fiduċja,” kiteb hu. “L-hena tiegħi nirċievi l-ittri u dejjem nistenniehom bil-ħerqa.”
Billi ġiet effettwata b’dak li qrat, il-mara kitbet ittra lill-istess gazzetta. L-ittra ġiet stampata f’kolonna intitolata “Iktbu lil Anton!” Il-mara esprimiet apprezzament għall-ħsibijiet spiritwali li tkellem dwarhom Anton fl-ittra tiegħu u żiedet: “Ejja ngħinu lil Anton! Wiġbuh u iktbulu. Dan il-ġuvni tant għandu bżonn kliem taʼ inkuraġġiment!” L-indirizz taʼ Anton ġie stampat.
Ittri indirizzati lil Anton bdew jaslu fl-uffiċċju ċkejken tal-posta fir-raħal tiegħu—sa 30 kuljum! Ġew minn madwar ir-Russja kollha, kif ukoll mill-Baltiċi, il-Ġermanja, u anke Franza. Hu rċieva mijiet t’ittri mill-qarrejja tal-gazzetta. “Anton kien ferħan se jtir!” tiftakar Diana. “Issa kellu mijiet taʼ nies lil min jistaʼ jikteb u jaqsam it-twemmin tiegħu bbażat fuq il-Bibbja.”
Anton qattaʼ ’l fuq minn sena jikkorrispondi maʼ dawk li kienu kitbulu u qasam veritajiet Bibliċi magħhom. Eventwalment, hekk kif idejh iddgħajfu, l-ittri tiegħu beda jiddettahom. F’Settembru tal-2008, Anton miet fl-età taʼ 20 sena. Għalkemm kien veru fraġli fiżikament, il-fidi u l-imħabba taʼ Anton għall-ministeru fetħulu opportunitajiet biex imiss mijiet taʼ qlub.