Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Huma l-Ħbieb Veri Tiegħi?

Min Huma l-Ħbieb Veri Tiegħi?

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

Cori għallmitni ħafna affarijiet li ma kontx naf qabel. Meta nkun magħha niltaqaʼ maʼ ħafna nies, nipprova affarijiet ġodda, u nieħu pjaċir kull fejn immorru. Il-​ħbiberija maʼ Cori letteralment biddlitli ħajti!”—Tara. a

Din it-​tip taʼ ħbiberija tinstemaʼ qisha tal-​ħolm? Jekk inhu hekk, taqtax qalbek. Jeżistu ħbieb potenzjali madwarek. Dan l-​artiklu se jgħinek tiskopri min huma.

‘JIEN imdawra bil-​ħbieb imma ħbieb m’għandix.’ Shayna, taʼ 21 sena, hekk tiddeskrivi l-​esperjenza taʼ li tkun fost ħafna nies mingħajr ma tħossok partikolarment qrib xi ħadd minnhom. Dan is-​sentiment jistaʼ jkun speċjalment il-​każ fost dawk fuq netwerk soċjali. “Jistaʼ jkollok ‘lista tal-​ħbieb’ żul minn hemm u tidher popolari u tal-​ġenn,” tgħid Serena, taʼ 22 sena, “imma fil-​verità dik il-​lista tistaʼ tkun mimlija kuntatti li ma jfissru xejn.” b

X’tippreferi jkollok int—mijiet taʼ nies fuq ‘il-​lista tal-​ħbieb’ tiegħek jew ftit ħbieb ġenwini? Għalkemm it-​tnejn li huma għandhom il-​vantaġġi tagħhom, ħabib veru jistaʼ jgħinek tgħaddi minn sfidi u jistaʼ wkoll jinkuraġġik tkun persuna aħjar. (1 Korintin 16:17, 18) Aħseb dwar il-​fatturi li ġejjin biex jgħinuk tara min fost sħabek jistaʼ diġà qed juri l-​kwalitajiet taʼ ħabib veru.

ĦABIB VERU HU TAʼ MIN JAFDAH

“Ħabibti kienet tgħidli s-​sigrieti tagħha u minħabba f’hekk, ħsibt li stajt nafdaha b’tiegħi. Allura darba minnhom għedtilha li kelli grazzja maʼ ġuvni. Illaħwa x’għamilt b’idejja! Mill-​ewwel qabdet u marret tgħid lil oħrajn!”—Beverly.

“Lil sieħbi Alan nistaʼ ngħidlu kollox u jien ċert li mhux se jmur iparla.”—Calvin.

Min minn dawn iż-​żgħażagħ kellu ħabib veru? Min mill-​ħbieb tiegħek tistaʼ tħossok komdu tiftaħ qalbek miegħu? c Il-​Bibbja tgħid li “ħabib veru jħobb il-​ħin kollu.”—Proverbji 17:17.

Hawn taħt ikteb l-​ismijiet taʼ tnejn minn sħabek li wrew li huma taʼ min jafdahom.

1 ․․․․․

2 ․․․․․

ĦABIB VERU JAGĦMEL SAGRIFIĊĊJI PERSONALI

“F’xi ħin fi kwalunkwe ħbiberija, persuna waħda hi b’saħħitha iktar minn oħra. Ħabiba vera tagħraf meta int id-​dgħajfa u immedjatament tagħmel xi ħaġa biex tgħinek. Bla dubju, dik il-​ħabiba tkun ċerta li int se tagħmel l-​istess magħha meta hi jkollha bżonn.”—Kellie.

“Meta mietet ommi, kelli ħabiba ġdida. Konna għadna ma nafux ’il xulxin daqshekk, imma konna ftehemna biex immorru tieġ flimkien. Ġara li l-​funeral t’ommi kellu jsir l-​istess ġurnata tat-​tieġ. Bqajt imbellha meta ħabibti ġiet il-​funeral minflok ma marret it-​tieġ. Dak il-​ħin kont naf li hi kienet ħabiba taʼ veru!”—Lena.

Min fost il-​ħbieb tiegħek juri spirtu taʼ sagrifiċċju personali? Ħabib veru mhux se “jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.”—1 Korintin 10:24.

Hawn taħt ikteb l-​ismijiet taʼ tnejn minn sħabek li wrew li jagħmlu sagrifiċċji personali.

1 ․․․․․

2 ․․․․․

ĦABIB VERU JGĦINEK ISSIR PERSUNA AĦJAR

“Xi nies jippretendu li jien inkun leali lejhom jew li naqbel magħhom anke jekk dan ifisser li nagħmel kompromess bil-​valuri tiegħi jew li nagħmel xi ħaġa kontra l-​kuxjenza tiegħi. Dawn mhumiex ħbieb veri.”—Nadeine.

“Oħti hi l-​ikbar ħabiba tiegħi. Tgħinni nagħmel affarijiet li kieku nżomm lura milli nagħmilhom u tgħinni nkun iktar dħulija. Tgħidli l-​verità anke jekk din ma ddoqqx għal widnejja.”—Amy.

“Meta għaddejt minn perijodu iebes, il-​ħbieb tiegħi ma fissdunix; tawni pariri onesti. L-​oħrajn jew stennewni nsolvi l-​problema waħdi jew ipprovaw jaljenawni. Ma rrikonoxxewx li kien hemm problema.”—Miki.

“Il-​ħabiba tiegħi tara potenzjal li ħaddieħor ma jarax fija, u tinkuraġġini nwettaq il-​miri tiegħi. Tgħidhieli kif tħossha meta jkun hemm bżonnu dan nieħu pjaċir ħafna bih!”—Elaine.

Jgħinuk ħbiebek tilħaq il-​potenzjal tiegħek, jew ikollok tagħlaq għajn waħda biex tingwalaha magħhom? Proverbji 13:20 jgħid: “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-​istupidi se jaħbatlu ħażin.”

Hawn taħt ikteb l-​ismijiet taʼ tnejn minn sħabek li għenuk issir persuna aħjar.

1 ․․․․․

2 ․․․․․

Ħares lejn l-​ismijiet li ktibt fit-​tliet sezzjonijiet t’hawn fuq. Jekk jidher isem xi ħadd fit-​tlieta li huma, dan hu ħabib veru! Mill-​banda l-​oħra, jekk sibtha bi tqila biex taħseb f’xi ħadd li jilħaq il-​fatturi msemmijin, taqtax qalbek. Jistaʼ jkun li hemm ħbieb ġenwini potenzjali madwarek. Forsi sempliċement jieħu daqsxejn iktar żmien sa ma ssibhom. d Sadattant, agħmel l-​almu tiegħek li tkun ħabib tajjeb. “Jien dejjem nipprova nagħti sapport lil sħabi,” tgħid Elena, li għandha 20 sena. “Meta jkollhom bżonn qadja, noffri l-​għajnuna tiegħi. Meta jkollhom bżonn jitkellmu, nagħtihom widen. Meta jkollhom bżonn jibku, nappoġġahom.”

Forsi veru għandek mnejn ikollok ħafna ħbieb u dan hu aħjar milli tkun parti minn klikka. (2 Korintin 6:13) Imma ma tixtieqx ukoll ikollok ftit ħbieb veri li huma ‘mweldin għal meta jkun hemm in-​niket’? (Proverbji 17:17) Jean, taʼ 20 sena, tgħid: “Tajjeb li tkun taf ħafna nies, però jkun qisu jkollok gwardarobba mimlija ħwejjeġ li jidhru sbieħ fuq l-​ispallieri imma mhux kollha jiġuk. Dejjem tispiċċa tilbes l-​istess ftit affarijiet li taf li jixirqulek. U hekk tagħmel maʼ ħbieb tal-​qalb ukoll.”

Iktar artikli mis-​serje “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fil-​Websajt www.watchtower.org/ype

[Noti taʼ taħt]

a Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

b Għal iktar informazzjoni fuq netwerks soċjali, ara l-​artikli taʼ “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu” fil-​ħarġiet taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju u Awwissu tal-​2011 bl-​Ingliż.

c Xi drabi li żżomm sigriet ma jkunx għaqli—pereżempju jekk ħabib għamel dnub serju, għandu ħsibijiet suwiċidali, jew hu involut f’xi tip taʼ mġiba li tagħmel ħsara lilu nnifsu. Għal iktar informazzjoni ara l-​ħarġiet taʼ Stenbaħ! taʼ Diċembru tal-​2008, paġni 19-​21 bl-​Ingliż, u Lulju tal-​2008, paġni 26-​29.

d Għal iktar informazzjoni ara l-​artiklu taʼ Stenbaħ! taʼ Marzu tal-​2009 bl-​Ingliż, “Young People Ask . . . Do I Need Better Friends?”

[Kaxxa f’paġna 20]

AFFARIJIET LI JWASSLU GĦAL ĦBIBERIJA VERA

1. Immira għall-​kwalità, mhux il-​kwantità. “Sabiħ li tkun taf ħafna nies, imma anke fi grupp kbir ġeneralment tfittex lil dawk il-​ftit li tingwalaha magħhom l-​iktar.”—Karen.

2. Kun ħabib veru. “Jien nippretendi lealtà u fiduċja mingħand sħabi, allura nipprova nagħti dan lilhom.”—Evelyn.

3. Esprimi apprezzament. “Meta napprezza l-​ħbiberija taʼ xi ħadd, ngħidilhom b’kartolina jew b’xi rigal.”—Kellie.

[Kaxxa f’paġna 20]

GĦALA MA TISTAQSIX LILL-​ĠENITURI?

Meta kont tampari, x’esperjenzi taʼ ħbiberiji kellek? Qatt ġejt tradut minn xi ħabib? Jekk iva, x’tgħallimt mill-​esperjenza? Min wera li kien ħabib leali, u kif iltqajt miegħu?

[Kaxxa f’paġna 21]

PEDAMENT GĦAL ĦBIBERIJA

Ħbiberija tajba hi mibnija fuq pedament taʼ valuri komuni. Dan ifisser li l-​ħabib tiegħek jaqsam it-​twemmin spiritwali, morali, u etiku tiegħek.

Il-​fattur li jmiss, li jkollkom kwalitajiet li jaqblu, hu inqas importanti.

U spiss, interessi simili huma l-​inqas importanti. Wara kollox, tistaʼ tkun ħabib maʼ xi ħadd li l-​passatempi u t-​talenti tiegħu huma differenti minn tiegħek.

Twissija: Oqgħod attent minn ħbiberiji li huma bbażati fuq interessi simili biss. Jekk dan il-​ħabib ma jħaddanx l-​istess valuri tiegħek, ir-​relazzjoni aktarx tisfaxxa—jew agħar minn hekk, jistaʼ jdaħħlek fi problemi.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 21]

DAK LI JGĦIDU DAWK TAMPAREK

Jekk il-​livelli tiegħek huma għoljin wisq, mhux se jkollok ħbieb minħabba li tippretendi wisq minn oħrajn. Jekk il-​livelli tiegħek huma baxxi wisq, tikkuntenta ruħek b’min ikun—u dan mhuwiex tajjeb lanqas.”

Xi nies fuq netwerks soċjali jidher li jimpurtahom iktar minn kemm għandhom ħbieb fil-​lista milli mir-​relazzjoni li għandhom maʼ dawk il-​ħbieb. Fejn tidħol il-​ħbiberija, il-​kwalità hija ħafna iktar importanti mill-​kwantità.

Meta persuna sseksek miegħi dwar il-​ħbieb l-​oħra tagħha, jien naf li hi jistaʼ jkun li qed tgħid l-​istess affarijiet dwari lilhom. Dan iġegħelni nħossni skomda. Ħabiba taʼ vera ma sseksikx.

[Stampi]

Dominique

Lianne

Brieanne