L-Għajnejn—Kif Għandna Nużawhom?
● L-għajn tal-bniedem hi sabiħa wisq. Imma hija iktar milli sabiħa. Hija wkoll qawwija. Ktieb bl-Ingliż (Visual Impact, Visual Teaching) jgħid li “erbgħin fil-mija tal-fibri tan-nervituri kollha mqabbdin mal-moħħ huma marbutin mar-retina,” nisġa taʼ ċelluli kumplessa u rqiqa li tiksi n-naħa taʼ ġewwa tal-għajn.
Bix-xieraq, Ġesù Kristu qal li l-għajn hi “l-musbieħ tal-ġisem.” Biex jispjega dak li ried ifisser, hu kompla: “Jekk . . . għajnek tkun sempliċi [sinċiera, iffokata fuq it-tajjeb], ġismek kollu jkun jiddi; imma jekk għajnek tkun mill-agħar, ġismek kollu jkun mudlam.” (Mattew 6:22, 23) B’dan il-kliem, Ġesù kien qed ifakkarna kif l-għajn, jew dak li naraw, tistaʼ teffettwa l-ħsibijiet, is-sentimenti, u l-azzjonijiet tagħna. Ħsibijiet tajbin idawlu l-ħajja taʼ bniedem; ħsibijiet ħżiena jdallmuha.
Pereżempju, ikkunsidra l-kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 5:28, 29: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu. Issa, jekk għajnek il-leminija qed tfixklek, aqlagħha [b’mod figurattiv].” X’ried jgħid? Għajn li dejjem tħuf tistaʼ tqajjem xewqat ħżiena sal-punt li, jekk wieħed jingħata ċ-ċans, għandu mnejn iwettaq atti immorali u jitlef l-approvazzjoni t’Alla.—Ġakbu 1:14, 15.
Kemm ikun aħjar li nitrażżnu, anke jekk dan ikun diffiċli daqs li naqilgħu l-għajn ’il barra. Wara kollox, ma jaqbilx li nitilfu l-ħajja taʼ dejjem għal sempliċi ftit mumenti taʼ pjaċiri senswali.
Dak li nħallu lilna nfusna naraw jistaʼ wkoll iqanqal ir-regħba. Għalhekk, il-Bibbja twissina li ‘x-xewqa [egoistika] taʼ l-għajnejn ma toriġinax mill-Missier, imma mid-dinja. Iktar minn hekk, id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.’—1 Ġwanni 2:16, 17.
Qed tkun restrittiva żżejjed il-Bibbja? Lanqas xejn! Meta ninjoraw il-prinċipji li fiha, se jkollna l-problemi u d-dwejjaq. (Galatin 6:7, 8) Meta nagħtu widen għall-Kelma t’Alla, inkluż id-direzzjoni għaqlija tagħha għal dak li nħarsu lejh, inkunu qed niżirgħu l-ferħ. Ġesù qal: “Henjin dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jħarsuha!” (Luqa 11:28) Iktar minn hekk, dawn għandhom il-prospett li jibqgħu fuq l-art għal dejjem, filwaqt li dawk li jrawmu għajn immorali jew rgħiba la se jkollhom il-ferħ u lanqas il-ħajja.