Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-Titanic—“L-Iktar Vapur Famuż fl-Istorja”

It-Titanic—“L-Iktar Vapur Famuż fl-Istorja”

10 T’APRIL, 1912: It-​Titanic jitlaq minn Southampton, fl-​Ingilterra, u d-​destinazzjoni tiegħu hi New York, fl-​Istati Uniti.

11 T’APRIL: Wara li jirkbu l-​passiġġieri f’Cherbourg, fi Franza, u fi Queenstown (issa msejħa Cobh), fl-​Irlanda, it-​Titanic jerħilha għall-​Atlantiku.

14 T’APRIL: Xi 11:40 taʼ filgħaxija, it-​Titanic jaħbat maʼ blokka silġ.

15 T’APRIL: Fis-​2:20 taʼ filgħodu, it-​Titanic jegħreq u dan iwassal għall-​mewt taʼ xi 1,500 ruħ.

X’TIP taʼ vapur kien it-​Titanic? X’ġiegħlu jegħreq? Żjara lill-​Mużew tal-​Folklor u t-​Trasport taʼ Ulster, ħdejn Belfast fl-​Irlanda taʼ Fuq, tgħinna nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

It-​Titanic—Għala Kien Speċjali?

Skont Michael McCaughan, dak li qabel kien l-​amministratur tal-​Mużew tal-​Folklor u t-​Trasport, it-​Titanic hu “l-​iktar vapur famuż fl-​istorja.” Imma t-​Titanic ma kienx uniku. Kien it-​tieni bastiment minn tliet bastimenti enormi li nbnew fit-​tarzni fejn jibnu l-​vapuri taʼ Harland u Wolff f’Belfast. a It-​Titanic kien wieħed mill-​akbar vapuri taʼ żmienu u kien twil 269 metru u wiesaʼ 28 metru.

Il-​kumpanija tal-​vapuri White Star irranġat biex jinbnew dawn it-​tliet bastimenti enormi biex tkun minn taʼ quddiem fir-​rotot bil-​vapuri fit-​Tramuntana tal-​Atlantiku. Dawn ir-​rotot kienu jrendu ħafna flus. Il-​kumpanija White Star ma setgħetx tikkompeti mal-​kumpanija Cunard Line għall-​ħeffa li biha l-​vapuri tagħha kienu jaqsmu l-​Atlantiku. Għalhekk, iffokat fuq li tibni bastimenti akbar u iktar lussużi biex tħajjar lin-​nies għonja u famużi.

Imma t-​Titanic kellu l-​potenzjal li jaqdi għal skop ieħor ukoll. William Blair, il-​kap tal-​Mużewijiet Nazzjonali fl-​Irlanda taʼ Fuq, jgħid: “Kważi 900,000 immigrant daħlu fl-​Istati Uniti kull sena bejn l-​1900 u l-​1914.” Kumpaniji tal-​vapuri li kienu jaqsmu l-​Atlantiku kienu jaqilgħu l-​akbar ammont mid-​dħul tagħhom billi jieħdu lil dawn l-​immigranti mill-​Ewropa għall-​Istati Uniti, u t-​Titanic kien se jintuża għal dan l-​iskop.

It-​Traġedja

Il-​kaptan tat-​Titanic, E. J. Smith, kien jaf bil-​perikli li kien iġib miegħu s-​silġ fit-​Tramuntana tal-​Atlantiku. Kemm-​il darba kien salpa minn din ir-​rotta bl-​Olympic. Intbagħtu diversi twissijiet dwar blokok tas-​silġ minn vapuri oħrajn, imma ftit minn dawn ġew injorati jew milli jidher ma waslux għand il-​kaptan.

F’daqqa waħda, l-​għassiesa tat-​Titanic wissew li kien hemm blokka silġ quddiemhom—imma kien tard wisq! L-​uffiċjal li kien qed jieħu ħsieb irnexxielu jevita li jibqgħu deħlin dritt għal ġo fiha imma ma setax iwaqqaf lit-​Titanic milli jitkaxkar mat-​tarf tal-​blokka silġ. Dan għamel ħsara lill-​qafas tal-​bastiment—u l-​ilma baqaʼ dieħel f’għadd taʼ kmamar fuq in-​naħa taʼ barra. Il-​kaptan Smith malajr induna li ma kienx hemm tama għall-​vapur tiegħu. Bagħat xi messaġġi taʼ SOS u ordna li d-​dgħajjes tas-​salvataġġ jitniżżlu fil-​baħar.

It-​Titanic kellu 16-​il dgħajsa tas-​salvataġġ u erbaʼ dgħajjes oħra li jingħalqu. Mimlijin, dawn setgħu jesgħu 1,170 persuna. Imma kien hemm xi 2,200 passiġġier u ħaddiem fuq il-​vapur! Biex tkompli tgħaxxaqha, ħafna mid-​dgħajjes telqu qabel ma kienu mimlijin għalkollox. U l-​biċċa l-​kbira minnhom lanqas biss ipprovaw isibu lil dawk li kienu qabżu ġol-​baħar. Fl-​aħħar, 705 persuni biss salvaw!

Ir-​Riżultat

Wara d-​diżastru tat-​Titanic, awtoritajiet marittimi għamlu regolamenti li tejbu s-​sigurtà fuq il-​baħar. Wieħed minn dawn ir-​regolamenti kien li minn dakinhar ’il quddiem kellu jkun hemm biżżejjed dgħajjes tas-​salvataġġ għal dawk kollha li jkunu abbord.

Għal snin sħaħ, in-​nies emmnu li t-​Titanic għereq tant malajr għax kellu toqba kbira ħafna fil-​qafas tiegħu meta ħabat mal-​blokka silġ. Madankollu, fl-​1985, wara li nstab it-​Titanic f’qiegħ l-​oċean, investigaturi waslu għal konklużjoni differenti—li l-​ilmijiet friżati kienu dgħajfu l-​azzar tal-​bastiment u ġegħluh ikun inqas sod u jinqasam. Inqas minn tliet sigħat wara l-​ħabta, il-​vapur inqasam fi tnejn u għereq, u b’hekk sar magħruf bħala wieħed mill-​akbar diżastri li qatt seħħew fl-​istorja nawtika. b

[Noti ta’ taħt]

a Qabel it-​Titanic, inbena l-​Olympic u warajh inbena l-​Britannic.

b Aqra rakkont taʼ xi ħadd li salva mit-​Titanic, fi Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​22 t’Ottubru, 1981, paġni 3-​8.

[Mappa f’paġna 12]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Southampton

Cherbourg

Queenstown (Cobh)

Il-​post fejn ħabat it-​Titanic

New York

L-​OĊEAN ATLANTIKU

[Stampa f’paġni 10, 11]

It-​Titanic jinbena

[Stampa f’paġna 11]

L-​iskrejjen tat-​Titanic

[Stampa f’paġna 11]

Ħaddiema ħerġin mit-​tarzni taʼ Harland u Wolff f’Belfast, l-​Irlanda

[Stampa f’paġna 12]

E. J. Smith, kaptan tat-​Titanic (lemin), flimkien mal-​uffiċjal ewlieni li ħaseb għall-​bżonnijiet tal-​passiġġieri u li żamm il-​kontijiet, Herbert McElroy

[Sors]

© Courtesy CSU Archive/​age fotostock

[Sorsi tal-Istampa f’paġna 10]

Paġni 10 u 11: Jitlaq minn Southampton, qed jinbena, u tarzna: © National Museums Northern Ireland; skrejjen: © The Bridgeman Art Library

[Sors tal-Istampa f’paġna 13]

© SZ Photo/Knorr & Hirth/Bridgeman Art Library