Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jistgħu Jiġu Skansati mill-Estinzjoni?

Jistgħu Jiġu Skansati mill-Estinzjoni?

FL-​2002, il-​Ġnus Magħquda ħabbret il-​mira li sal-​2010, ir-​rata li biha l-​ispeċi qed jiġu estinti u l-​ekosistemi qed issirilhom ħsara se tonqos. B’konnessjoni maʼ din il-​mira, l-​2010 kellha tkun is-​Sena Internazzjonali tal-​Bijodiversità.

B’sogħba, meta waslet dik is-​sena, il-​mira tant kienet ’il bogħod li ma kienx hemm ċans li tintlaħaq. Il-​BBC rrapporta li “bħala riżultat dirett tal-​attività mill-​bniedem, l-​ispeċi qed jiġu estinti b’rata t’1,000 darba iktar mill-​medja naturali.” Gazzetta waħda (New Zealand Herald) kienet saħansitra iktar speċifika, billi qalet: “Waħda minn kull ħames speċi taʼ pjanti, waħda minn kull ħames speċi taʼ mammali, waħda minn kull sebaʼ speċi taʼ għasafar, u waħda minn kull tliet speċi taʼ anfibji huma issa mheddin globalment bl-​estinzjoni.” Aspett tal-​problema jsir evidenti meta neżaminaw dak li ġara matul is-​sekli fin-​New Zealand.

Il-​Bijodiversità fin-​New Zealand

Qabel ma marru joqogħdu n-​nies fin-​New Zealand, l-​ekosistema taʼ dan il-​pajjiż iffjorixxiet. Madankollu, l-​ewwel nies li marru joqogħdu hemmhekk introduċew speċi li kellhom effett devastanti fuq il-​bhejjem salvaġġi tal-​post. Pereżempju, il-​Maori ġabu xi klieb min-​naħa l-​oħra tal-​Paċifiku u forsi l-​ġurdien kbir Polinesjan, li kien jintuża bħala ikel.

Imbagħad, fis-​sekli 17 u 18, waslu l-​Ewropej, u dawn ġabu magħhom ġrieden kbar tal-​vapuri, ġrieden żgħar, u qtates—u dawn tal-​aħħar malajr saru salvaġġi. L-​Ewropej ġabu wkoll il-​mogħoż, il-​ħnieżer, u ċ-​ċriev biex jipprovdu l-​ikel u ħallewhom jiġru fis-​salvaġġ. Matul is-​seklu 19, huma importaw il-​brush-​tailed possum u l-​fenek—għal-​laħam u għall-​pil—u ma daħlilhomx f’moħħhom kif dawn il-​ħlejjaq se jeffettwaw is-​siġar, l-​għasafar, u l-​ħxejjex.

Sas-​snin 60 tas-​seklu 19, in-​nies ma setgħux ilaħħqu mal-​popolazzjoni tal-​fniek, u għalhekk ġabu l-​ermellin. Madankollu, l-​ermellini ppreferew jieklu l-​għasafar tal-​post li kienu jtiru bil-​mod u li kienu iktar vulnerabbli. Minħabba f’hekk, il-​popolazzjoni tal-​fniek kompliet tiffjorixxi.

Illum, minħabba l-​effetti li akkumulaw il-​mammali li jagħmlu ħsara, id-​Dipartiment tal-​Konservazzjoni tan-​New Zealand jirrapporta li bħalissa 9 minn kull 10 flieles tal-​kiwis kannella li jitwieldu fl-​ambjent naturali tagħhom se jmutu qabel ma jagħlqu sena. Ħafna speċi diġà ntilfu kompletament: għasafar, iktar minn 40; żrinġijiet, 3; friefet il-​lejl, 1; u gremxul, minn tal-​inqas 3—kif ukoll għadd taʼ speċi taʼ insetti. Iktar minn nofs il-​5,819-​il pjanta u annimal tal-​post fin-​New Zealand huma klassifikati bħala li qegħdin f’riskju, u b’hekk l-​annimali salvaġġi taʼ dan il-​pajjiż huma fost l-​iktar mheddin fuq il-​pjaneta.

Sforzi Pożittivi

Aġenziji tal-​gvern issa qegħdin għassa stretta biex l-​ispeċi taʼ pjanti u annimali li jagħmlu ħsara ma jħalluhomx jidħlu fin-​New Zealand. Iżjed minn hekk, id-​Dipartiment tal-​Konservazzjoni lesta għadd taʼ proġetti li jeqirdu l-​ispeċi li jagħmlu ħsara, speċjalment fuq il-​gżejjer, u wkoll ħalqet xi santwarji tal-​pjanti u tal-​annimali salvaġġi.

Waħda minn dawn il-​gżejjer hi Tiritiri Matangi, lil hinn mill-​kosta tal-​Peniżola Whangaparaoa taʼ Auckland. Wara li tneħħew minn fuqha l-​ġrieden kbar fl-​1993 u reġgħu tħawlu xi 280,000 siġra tal-​post, il-​gżira hi issa santwarju miftuħ u kontrollat. Hemmhekk, il-​viżitaturi jistgħu jisimgħu u jaraw speċi tal-​għasafar tal-​post li reġgħu ġew introdotti, inkluż is-​saddleback, it-​takahe, il-​kokako, ir-​rifleman, u l-​istitchbird, li huma rari. Billi jieħdu pjaċir f’ambjent ħieles mill-​predaturi, dawn il-​ħlejjaq sbieħ spiss iħallu lil dawk li jżuruhom igawduhom mill-​qrib.

Fl-​2003, il-​Gżira Campbell, li qiegħda fir-​reġjun eżattament fit-​tramuntana tal-​Antartiku, ġiet dikjarata li hi ħielsa mill-​ġrieden kbar wara programm taʼ qerda li dam sentejn. Minn dakinhar ’l hawn, il-​flora tal-​post qed tirkupra u l-​għasafar tal-​baħar qed jirritornaw. Anki l-​papra ċkejkna li hi rari tal-​Gżira Campbell reġgħet ġiet introdotta.

Iktar reċenti, proġett kbir taʼ tiġdid inbeda fuq il-​gżejjer taʼ Rangitoto u Motutapu kif ukoll fil-​Golf Hauraki taʼ Auckland. Il-​mira taʼ dan il-​proġett hi li tiġi protetta l-​akbar foresta tas-​siġar Pohutukawa fid-​dinja, u li jiġu appoġġati l-​annimali salvaġġi tal-​post li reġgħu ġew introdotti. Wara li nqerdu diversi annimali li jagħmlu ħsara—inkluż il-​fniek, l-​ermellini, il-​qniefed, il-​qtates salvaġġi, il-​ġrieden kbar tan-​Norveġja, il-​ġrieden kbar tal-​vapuri, u l-​ġrieden żgħar—parrukketti rashom ħamra u għasafar b’għanja ħoss taʼ qanpiena nstabu fuq il-​gżejjer wara li kienu ilhom neqsin seklu sħiħ!

Dawn l-​eżempji juru dak li jistaʼ jsir biex l-​ispeċi li jkunu mheddin jerġgħu jiffjorixxu u biex jiġu indirizzati l-​iżbalji ambjentali li saru fil-​passat. Dawk kollha li jħobbu d-​dinja naturali jistgħu jħarsu ’l quddiem speċjalment lejn il-​wegħda tal-​Bibbja li Alla Ġeħova, “Dak li għamel is-​sema u l-​art,” se jtemm il-​prattiki li jagħmlu ħsara u li jheddu lid-​dinja naturali, inkluż il-​pjanti u l-​annimali salvaġġi tagħha.—Salm 115:15; Rivelazzjoni 21:5.

[Kumment f’paġna 26]

Bħalissa, 9 minn kull 10 flieles tal-​kiwis imutu qabel ma jagħlqu sena

[Kaxxa f’paġna 27]

UŻU BL-​GĦAQAL TAR-​RIŻORSI

Sfida diffiċli għal dawk madwar id-​dinja li jixtiequ jikkonservaw in-​natura hi l-​lista li dejjem qed tikber taʼ speċi li qed jiffaċċjaw l-​estinzjoni kontra r-​riżorsi limitati disponibbli biex jittrattaw il-​problema. Metodu wieħed hu magħruf bħala conservation triage, li hu bbażat fuq il-​prinċipju stabbilit u prattikat fis-​swali tal-​emerġenza tal-​isptarijiet madwar id-​dinja fejn il-​prijorità tingħata skont l-​urġenza. Dan il-​metodu, li jissejjaħ ukoll ecological triage, jipprova jidderieġi r-​riżorsi lejn l-​aħjar riżultati u jikkunsidra fatturi bħal (1) il-​valur maħsub taʼ xi speċi jew abitat, (2) iċ-​ċansijiet li l-​azzjoni proposta tirnexxi, u (3) l-​ispejjeż involuti. Waqt li mhux kulħadd jaqbel maʼ dan il-​metodu, dawk li jipproponuh jgħidu li jgħin biex jagħmel l-​aħjar użu mir-​riżorsi limitati, u b’hekk ipoġġi l-​attenzjoni fuq l-​aħjar riżultati li jistgħu jinkisbu.

[Mapep f’paġna 27]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

NEW ZEALAND

Golf Hauraki

Il-​Gżira Tiritiri Matangi

Rangitoto u Motutapu

Il-​Gżira Campbell

[Stampa f’paġna 26]

Kiwi kannella

[Sors f’paġna 26]

© S Sailer/A Sailer/age fotostock

[Stampa f’paġna 28]

Takahe adult fuq il-​Gżira Tiritiri Matangi

[Stampa f’paġna 28]

Il-​Gżira Campbell

[Sorsi tal-Istampa f’paġna 28]

Takahe: © FLPA/Terry Whittaker/age fotostock; Il-​Gżira Campbell: © Frans Lanting/CORBIS