Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Inġustizzja Tweġġaʼ!

L-Inġustizzja Tweġġaʼ!

FL-​2010, Michael inħeles mill-​ħabs f’Texas, fl-​Istati Uniti, wara li kien ilu hemm ġew 27 sena għax instab ħati taʼ stupru—delitt li ma wettaqx. Inħeles meta testijiet tad-​DNA—li ma kinux disponibbli meta kien għaddej ġuri—urew li kien innoċenti. L-​awtoritajiet iktar tard identifikaw lil dawk li kienu responsabbli għad-​delitt, imma ma setgħux jittieħdu passi kontrihom għax il-​liġi stqarret li kien għadda wisq żmien minn meta seħħ id-​delitt.

Ħafna kriminali jgħadduha lixxa. Pereżempju, rapport f’gazzetta Ingliża qal li fil-​Britannja każi taʼ “qtil mhux solvuti rdoppjaw fl-​aħħar għaxar snin, u dan qed iġiegħel lin-​nies jibżgħu iktar li l-​pulizija u l-​qrati mhumiex kapaċi jittrattaw b’suċċess il-​kriminalità vjolenti.”—The Telegraph.

F’Awwissu tal-​2011, il-​pulizija tal-​Britannja ssieltu biex jikkontrollaw tip ieħor taʼ kriminalità—rewwixti f’Birmingham, f’Liverpool, f’Londra, u fi nħawi oħrajn. Marmalji vjolenti qabbdu xi nirien, kissru t-​twieqi tal-​ħwienet, u serqu. Minħabba f’hekk, mhux talli qerdu negozji, djar, u karozzi imma talli qerdu wkoll il-​mezzi t’għajxien tan-​nies. U għala għamlu hekk? Għal ħafna ma kienet xejn ħlief ir-​regħba li qanqlithom. Iżda, għal oħrajn, dan l-​aġir donnu kien reazzjoni għal dak li tqies bħala inġustizzja. Xi kummentaturi qalu li dawk li kienu qed jieħdu sehem fir-​rewwixti setgħu kienu żgħażagħ frustrati li ħassewhom mingħajr tama għall-​futur, għax kienu traskurati mill-​gvern u kienu qed jgħixu fi nħawi foqra.

Il-​karattru Bibliku Ġob qal: “Nibqaʼ ngħajjat għall-​għajnuna, imma m’hemmx ġustizzja.” (Ġob 19:7) Bl-​istess mod illum, bosta nies qed jgħajtu għall-​ġustizzja, imma ħafna drabi ħadd ma jagħti kas l-​għajjat tagħhom. Hemm xi ħadd li verament għandu s-​setgħa li jelimina l-​inġustizzja? Jew hija t-​tama li d-​dinja tkun iktar ġusta fil-​futur sempliċi ħolma? Sabiex ikollna tweġiba sodisfaċenti, jeħtieġ li neżaminaw ftit minn dak li jikkaġuna l-​inġustizzja.