Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IL-ĠENITURI

Kif Għandek Tkellem lill-Adoloxxent Tiegħek Dwar is-Sexting

Kif Għandek Tkellem lill-Adoloxxent Tiegħek Dwar is-Sexting

L-ISFIDA

Int smajt li s-sexting huwa komuni fost iż-żgħażagħ. ‘L-adoloxxent tiegħi jagħmel dan?ʼ għandek mnejn taħseb bejnek u bejn ruħek.

Tixtieq tiddiskuti s-suġġett maʼ ibnek (jew bintek)—imma kif? Qabel ma nwieġbu, ikkunsidra għala xi żgħażagħ involvew ruħhom fis-sexting u għala għandek tkun ikkonċernat. *

GĦALA JIĠRI DAN

  • Xi adoloxxenti jibagħtu messaġġi immorali biex jifflertjaw maʼ xi ħadd li għandhom grazzja miegħu.

  • F’każi oħrajn, tfajla tibgħat ritratt immorali tagħha nfisha minħabba li jagħmlilha pressjoni xi ġuvni.

  • Kultant ġuvni jibgħat ritratt immorali taʼ tfajla jew biex jimpressjona lil sħabu jew inkella bi tpattija wara li jkun infired minn mat-tfajla.

Hi x’inhi r-raġuni, adoloxxent b’mowbajl jistaʼ jidħol f’ħafna problemi. “B’għafsa taʼ buttuna,” jgħid il-ktieb CyberSafe, “il-ħajjiet jinbidlu għal dejjem.”

Ħafna żgħażagħ ma jirrealizzawx li ladarba ritratt ikun onlajn, min ikun bagħtu jitlef il-kontroll taʼ kif jistaʼ jintuża. Il-U.S. Federal Bureau of Investigation (FBI) jirrapporta li f’każ wieħed, tfajla taʼ 18-il sena “kkommettiet suwiċidju wara li ritratt tagħha għarwiena li kienet bagħtet lill-għarus bil-mowbajl intbagħat lil mijiet taʼ żgħażagħ oħra fl-iskola tagħha. Xi studenti oħrajn, li milli jidher komplew jibagħtu r-ritratt, intqal li baqgħu jinku lit-tfajla.”

Is-sexting iqajjem ukoll kwistjonijiet legali. F’xi postijiet, pereżempju, minorenni li bagħtu ritratti immorali lil minorenni oħrajn ġew akkużati b’offiżi tal-pornografija tat-tfal u kellhom jitniżżlu fir-reġistru taʼ persuni li jwettqu reati sesswali. Bħala ġenitur, int ukoll tistaʼ tinżamm responsabbli jekk ismek jidher fuq il-kuntratt tal-mowbajl jew jekk tonqos li tieħu miżuri biex ma tħallix lil ibnek jew bintek tibgħat messaġġi immorali.

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Agħmel regoli ċari. Għalkemm ma tistax tikkontrolla għalkollox l-użu tal-mowbajl tal-adoloxxent tiegħek, int tistaʼ tkun ċert li hu jkun jaf ir-regoli tiegħek—kif ukoll il-konsegwenzi taʼ li jikser dawn ir-regoli. Ftakar ukoll li bħala ġenitur, int għandek id-dritt li tara x’inhu jagħmel l-adoloxxent tiegħek bil-mowbajl.—Prinċipju Bibliku: Efesin 6:1.

Għin lill-adoloxxent tiegħek jirraġuna fuq il-problema. Tistaʼ tgħid: “Hemm ħafna opinjonijiet dwar x’inhu s-sexting. Din il-kelma xi tfisser għalik?” “Liema tip taʼ ritratti taħseb li mhumiex xierqa?” “F’xi pajjiżi, minorenni li jibgħat ritratt taʼ minorenni ieħor għarwien jitqies bil-liġi bħala ħati taʼ reat. Int taħseb li hu daqshekk gravi?” “Li tibgħat messaġġi immorali għala hu ħażin moralment?” Agħti widen għar-raġunar tiegħu, u għin lill-adoloxxent tiegħek jaħseb dwar il-konsegwenzi.—Prinċipju Bibliku: Ebrej 5:14.

Aħseb dwar il-konsegwenzi

Ippreżenta xenarji fittizji. Tistaʼ tgħid lil bintek: “Ejja ngħidu li ġuvni qed jagħmel pressjoni lil tfajla biex tibgħatlu messaġġi immorali. X’għandha tagħmel? Iċċedi biex ma titlifx il-ħbiberija tiegħu? Tgħidlu le imma tifflertja miegħu xorta waħda? Ittemm ir-relazzjoni? Tgħid lil xi adult?” Għin lil bintek tirraġuna fuq il-kwistjoni. M’għandniex xi ngħidu, tistaʼ tagħmel l-istess maʼ ibnek.—Prinċipju Bibliku: Galatin 6:7.

Qanqal it-tajjeb li għandu l-adoloxxent. Staqsi mistoqsijiet bħal dawn: Reputazzjoni tajba kemm hi importanti għalik? Liema mġiba trid li tkun magħruf għaliha? Kif tħossok jekk tumilja lil xi ħadd billi tibgħat ritratt mhux xieraq tiegħu lil oħrajn? Kif kont tħossok kieku bqajt sod għal dak li hu tajjeb? Għin lill-adoloxxent tiegħek ‘iżomm kuxjenza tajba.’—1 Pietru 3:16.

Agħti eżempju tajjeb int stess. Il-Bibbja tgħid li l-għerf divin hu safi u ħieles mill-ipokrisija. (Ġakbu 3:17) Jirriflettuh il-valuri tiegħek dan il-kliem? “Jeħtieġ li nagħtu eżempju tajjeb aħna stess billi ma narawx stampi u Websajts li jistgħu jitqiesu immorali jew illegali,” jgħid il-ktieb CyberSafe.

^ Par. 5 “Is-“sexting” jirreferi għal li jintbagħtu messaġġi, ritratti, jew vidjows immorali bil-mowbajl. Għal iktar informazzjoni, żur il-Websajt jw.org/mt u aqra onlajn l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—X’Hemm Bżonn Inkun Naf Dwar is-‘Sexting’?”—Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-BIBBJA > ŻGĦAŻAGĦ.