Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IL-​ĦARSA TAL-​BIBBJA

L-Ispiritiżmu

L-Ispiritiżmu

Huwa ħażin li tipprova tikkomunika mal-​mejtin?

“Iddurux lejn il-​medji taʼ l-​ispirti . . . u b’hekk issiru mhux nodfa minħabba fihom.”—Levitiku 19:31.

DAK LI JGĦIDU N-​NIES

Wieħed jistaʼ jifhem li n-​nies ikunu jridu jiġu aċċertati li l-​maħbub tagħhom li jkun mitilhom ma jkunx qed isofri. Għalhekk, jgħidu: “Min jaf kieku nipprovaw nikkuntattjawh permezz taʼ medjum psikiku, jew tal-​ispirti? Forsi l-​medjum jistaʼ jgħinna naċċettaw il-​mewt tiegħu u jkollna l-​paċi tal-​moħħ.”

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Il-​Bibbja hija ċara dwar li l-​ħajjin jipprovaw jikkuntattjaw il-​mejtin—prattika li kienet komuni fl-​antik. Pereżempju, il-​Liġi li Alla Ġeħova ta lill-​ġens taʼ Iżrael kienet tgħid: “M’għandux jinstab fik xi ħadd . . . li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-​ispirti jew . . . li jistħarreġ dwar il-​mejtin. Għax kulmin jagħmel dawn l-​affarijiet ikun xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.” (Dewteronomju 18:10-​12) Il-​Bibbja tgħid ukoll li dawk li jipprattikaw l-​ispiritiżmu f’xi forma jew oħra tiegħu ‘ma jirtux is-​saltna t’Alla.’—Galatin 5:19-​21.

Jistgħu l-​mejtin jinfluwenzaw lill-​ħajjin?

“Il-​ħajjin jafu li għad imutu; imma l-​mejtin ma jafu assolutament xejn.” —Ekkleżjasti 9:5.

DAK LI JGĦIDU N-​NIES

Ħafna nies isostnu li l-​mejtin jistgħu jibqgħu jeżistu f’xi forma oħra. Għalhekk, huma għandhom mnejn jipprovaw jikkomunikaw mal-​mejtin, forsi biex jiksbu xi informazzjoni jew biex jikkalmaw lill-​mejtin bit-​tama li dawn iħallu lill-​ħajjin fil-​paċi.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

“Il-​ħajjin jafu li għad imutu; imma l-​mejtin ma jafu assolutament xejn . . . L-​imħabba u l-​mibegħda u l-​għira tagħhom [li ħassew meta kienu għadhom ħajjin] diġà għabu.” (Ekkleżjasti 9:5, 6) Iva, il-​Bibbja tgħallem li l-​mejtin huma sempliċement mejtin—u xejn iktar! Huma la jistgħu jaħsbu, la jaġixxu, u lanqas saħansitra jqimu lil Alla. “Il-​mejtin ma jfaħħruhx lil [Alla], lanqas kulmin jinżel fis-​skiet [tal-​mewt],” jgħid Salm 115:17.

Ma jipprovdux kultant il-​medji tal-​ispirti dettalji eżatti?

“Għandhom persuni mejtin jiġu mistoqsijin għan-​nom taʼ persuni ħajjin?” —Isaija 8:19.

DAK LI JGĦIDU N-​NIES

Xi wħud jgħidu li l-​medji tal-​ispirti huma kapaċi jagħtu informazzjoni li l-​mejtin u l-​familja tagħhom jew ħbiebhom biss x’aktarx li jkunu jafuha.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Kapitlu 28 tal-​ktieb tal-​1 Samwel jgħid kif sultan żleali jismu Sawl m’obdiex il-​kmand t’Alla li kien jipprojbixxi li wieħed jikkonsulta maʼ medji tal-​ispirti. Hu talab lil medjum, mara li dehret li kienet qed tikkomunika mal-​mejjet Samwel li kien bniedem t’Alla. Imma fil-​fatt, kienet hi kkuntattjat lil Samwel? Le! Hi kienet attwalment qed tikkomunika maʼ impustur—xi ħadd li kien qed jagħmilha tal-​mejjet Samwel.

Dak l-​impustur kien spirtu mill-​agħar, aġent taʼ “missier il-​gidba”—Satana. (Ġwanni 8:44) L-​ispirti mill-​agħar, jew id-​demonji, għala jxerrdu t-​twemmin li l-​mejtin jibqgħu ħajjin? Il-​mira tagħhom hi biex jimmalafamaw lil Alla u jtellfu l-​krettu tal-​Kelma miktuba tiegħu, il-​Bibbja.—2 Timotju 3:16.

Ifisser dan li għadna kif semmejna li m’hemmx tama għall-​mejtin? Xejn affattu! Il-​Bibbja twiegħed irxoxt fil-​futur għal dawk li jinsabu bħallikieku ‘reqdin’ fil-​qabar. * (Ġwanni 11:11-​13; Atti 24:15) Sadattant, niġu aċċertati li l-​maħbubin mejtin tagħna mhuma qed isofru bl-​ebda mod.

^ par. 16 Kapitlu 7 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? huwa intitolat “Tama Vera għall-​Maħbubin Tiegħek li Mietu.”